Jista' l-Ministru jinvestiga r-raġuni għalfejn fuq l-istage prinċipali u bus terminus tal-Belt Valletta qatt ma jkun hawn karozza tal-linja fuq r-rotta ta' Ħal Għaxaq bil-konsegwenza li l-passiġier, xemx u xita, jkollhom jistennew għal qilla ta' l-elementi?
Jista' jispjega għalfejn fuq rottot oħra, għalkemm tal-linja tkun fil-bay, passiġieri anzjani, jitħallew jistennew bil-wieqfa sakem ix-xufier jiddeċiedi li sar il-ħin biex jgħabbi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ilment li għamel l-Onor. Interpellant qed jiġi mistħarreġ minn uffiċjali ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku. Dan ser isir kemm fil-venda prinċipali jiġifieri dik ta' Putirjal kif ukoll tal-lokal.
Jista' l-Ministru jara li t-telefon booth li tinsab biswit il-Ġnien tal-Bebbux tiġi mixgħula b'mod regolari bħal kull booth oħra?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Maltacom sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jinvestiga u jara li fil-parti ta' isfel u ċioe flok iż-zebra crossing li hemm appena taqbad dieħel Vjal il-Blue Grotto fiż-Żurrieq issir bay bħal dik magħmula aktar il-fuq u dan peress illi ftit huma dawk is-sewwieqa li jgħatu ċans lil pedestrian jaqsam?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex jara x'jista' jsir.
Jista' l-Ministru joħroġ dawk id-direttivi opportuni sabiex Triq Valletta, Zurrieq, il-continuous white line ma jibqax wieħed kontinwu w dan linea ma miżuri oħra simili applikati fuq toroq ta' l-istess tip u importanza.
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex jara x'jista' jsir.
Jista' l-Ministru jordna u jara li arblu tad-dawl li, konsegwenza ta' ftuħ ta' Triq Widnet il-Baħħar fiż-Żurrieq, spiċċa f'nofs l-istess triq b'periklu ċar għal kull min jagħmel użu mill-istess triq, jitneħħa mill-post li preżentament jinsab?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jara x'passi jistgħu jittieħdu sabiex wires li jinsabu mwaħħla mal-faċċata ta' dar privata fi Triq il-Qrendi, Zurrieq, u li magħhom jagħmel ħafna riħ, jiġu spostati għal ma arblu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal wajers ta' l-elettriku. It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jgħati dawk id-direttivi opportuni sabiex tiġi studjata l-possibilita' sabiex li Triq il-Kanġu, fiż-Żurrieq issir one way u dan peress li din it-triq hija dejqa u ma tiflaħx għat-traffiku li preżentament jgħaddi minnha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex jara x'jista' jsir.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga u jara x'inhi r-raġuni wara l-fatt li l-lift stallat fi Ent D, fi Triq Widnet il-Baħar, Żurrieq sa mill-ġurnata li ġie stallat qatt ma ħadem?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt dan il-każ lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga.
Jista' l-Ministru jinvestiga x-xogħol ta' kostruzzjoni ta' toroq li qiegħed isir fi Triq P.P. Pullicino u Triq Napuljun fiż-Żurrieq u cioe' fil-parti li tkkonfina ma' Triq l-Għadir fiż-Żurrieq u dan sabiex jittieħdu l-passi opportuni ħalli l-abitanti ta' Triq il-Għadir ma jisfawx merqa bl-ilma li jaqa' minn fuq il-Qrendi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara x'hemm bżonn isir.
Jista' l-Ministru jagħti lil din il-Kamra r-raġuni għalfejn ma ttieħdu l-ebda passi mid-Dipartiment tas-Saħħa biex titneħħa miżbla illegali li hemm f'kantuniera fejn Triq San Ġwakkin u Triq is-Sebħ fil-lokalita' ta' Ħal Qormi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-art insemmija tinsab f'zona industrijali u hija propjeta privata. Ġħaldaqstant is-sid ta' l-art huwa responsabli ġħat-tindif taghha.
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara x'possibilita' hemm li Triq il-Feluka f'Marsaxlokk tingħata wiċċ peress illi tinsab fi stat ta' abbandun?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-Triq il-Feluka hija triq asfaltata li normalment isirilha manutenzjoni u resurfacing mill-Kunsill, għalhekk l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet r-reviżjoni tal-Pjan ta' struttura li tikkonċerna Ħal Għaxaq u l-madwar tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-pjan, li jikkonċerna Ħal Għaxaq u l-madwar tiegħu, li rrefera għalih l-Onor. Interpellant huwa l-Pjan Lokali tan-Nofsinhar. Bħalissa qiegħed isir xogħol ta` survey li huwa neċessarju biex jinħadem il-pjan.
Jista' l-Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li Triq Ġużeppi Gavina, Ħal Għaxaq tingħata wiċċ peress li ilha aktar minn għaxar snin bla wiċċ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn stħarriġ li għamel id-Dipartiment hemm il-bżonn li tinbena sub-station ta' l-Enemalta f'din it-triq, u għalhekk peress li jridu jsiru xogħolijiet ta' trinek ftit estensivi f'din it-triq in konnessjoni mal-bini tas-sub-station it-triq ma tistax tiġi asfaltata għal issa.
Jista' l-Ministru jara li Triq Joseph Gravina, Għaxaq tiġi mixgħula peress li hija mudlama?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi nvestigata u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-ħsara li qegħda ssir lill-moll tal-pitch tal-waterpolo f'Marsaxlokk?
Jista' l-Ministru jgħid kif l-Enemalta ser tagħmel tajjeb għal din il-ħsara, peress illi din ġrat u qed tiġri kemm ilha li nbniet il-power station peress li ġie diversifikat il-kurrent u l-mewġ jidħol fil-port?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija f'Novembru 1992 għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6176, fejn hemm dettalji dwar ix-xogħol li kien twettaq biex jagħmel tajjeb għat-tibdil li kien sar fil-kurrenti tal-baħar meta nbniet il-Power Station ta' Delimara, liema xogħol kien finanzjat mill-Korporazzjoni Enemalta.
Il-Korporazzjoni kienet nefqet madwar Lm240,000 biex isir "wave breaker" biex jilqa' l-mewġ li seta' żdied minħabba d-dredging li kien sar biex tinbena l-Power Station. Ix-xogħol kien sar mid-Dipartiment tax-Xogħolijiet.
Billi b'dan il-proġett l-effett tad-dredging kien ġie annullat, xi ħsara li setgħet saret mill-maltemp ma tistax tiġi attribwita għax-xogħol li kien sar in konnessjoni mal-bini tal-Power Station.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għad-differenza fil-mod kif jitħallsu l-librara fl-impjieg tal-Gvern (Lm 0.60 is-siegħa) għal dawk imqabbda mil-kunsill lokali (Lm 1.54 is-siegħa)?
Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-possibilita', in vista taż-żieda li kienet ġiet approvata, li l-ħaddiema librara tal-gvern jibdew jibbenefikaw minnha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-differenza fir-rata ta' kif jitħallsu l-librara fil-Branch Libraries inħolqot wara diskussjonijiet ma' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Kienintlaħaq qbil u nkisbu l-permessi meħtieġa biex is-siegħat miżjuda lil-librara fil-Branch Libraries ta' lokalitajiet fejn il-Kunsill Lokali tagħhom iffirma l-Cooperation Agreements mad-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji, jitħallsu mill-istess Kunsill Lokali rata fis-siegħa għola minn dik imħallsa mid-Dipartiment lill-istess librara għas-siegħat li huma jaħdmu u li għalihom hu responsabbli id-Dipartiment, jiġifieri 4 siegħat fil-ġimgħa.
Qed isiru arranġamenti biex minn Marzu 2001, il-librara kollha fil-Branch Libraries, jibdew jitħallsu l-istess rata għal kull siegħa ta' xogħol, sew jekk din tkun parti mill-4 siegħat fil-ġimgħa normali u sew jekk tkun parti mill-ħin miżjud u li għalih hu responsabbli l-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma ħarġux il-permessi ta' tlett garages - 2,3 u 4, fi Triq il-Gandoffla, B'Buġia meta it-tender għal dawn ħarġet bil-pjanti kif iridu jinbnew u dan ilu sena u nofs?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-permess għal bini ta` garaxx fil-fond Nru. 4 fi Triq il-Gandoffli, B`Bugia nħareġ fl-1 ta` Novembru 2000. Ninsab infurmat ukoll li ma jidher li hemm l-ebda rekord li qatt ġew sottomessi xi applikazzjonijiet lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar għal xi tip ta` żvilupp fil-fond Nru. 2, u fil-fond Nru. 3 u għalhekk ma nħarġu l-ebda permessi.