Legislature:
Category:
Reset
Active:

Housing

Question

Jista' l-Ministru, b'referenza għall-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin under separate cover li hija nieqsa mid-dawl, bla id u mingħajr sieq, u li tabita fir-raba sular ta' blokk flats u li biex tingħata l-kura bi tbatija kbira, titniżżel it-taraġ tlett darbiet f'sena: a) jara li jsir studju dwar jistax jiġi installat lift b) fin-nuqqas, jintervjeni sabiex din il-persuna tiġi allokata fond fi pjan terran?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar ma rċevietx applikazzjoni għall-installar ta' lift fl-indirizz indikat mill-Onor. Interpellant. B'dankollu l-Awtorita' ser tispezzjona l-blokk indikat biex jiġi stabbilit jekk hux possibbli li jkun installat lift. Jekk minn din l-ispezzjoni jirriżulta li dan hu possibbli, l-persuna ndikata tkun mitluba tagħmel applikazzjoni taħt Skema V. Dwar it-talba għall-allokazzjoni ta' post alternattiv fi pjan terran, infurmat li t-talba qed tkun ikkunsidrata iżda hu diffiċli li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jkollu disponibbli post ground floor f'Birżebbuġia, kif qed jitlob l-applikant.

Housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru, b'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 27441, jindika x'inhi r-raġuni li l-applikant għadu mingħajr akkomodazzjoni għalih u familtu u qed jgħix f'periklu kontinwu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

B'Buġia — Qasam tal-Bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu ntiż li jsir bl-ispazju li hemm quddiem il-maisonettes appena kostruiti fil-Qasam tal-Bini B'Buġia? Jista' l-Ministru jara li dan l-ispazju jintuża għal skop ta' rikreazzjoni sew għall-kbar kif ukoll għaż-żgħar dato n-nuqqas ta' l-istess?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

PA

Question

B'riferenza għall-istqarrija ta' l-Awtorita' tad-Djar tat-12 ta' Frar 2002, li kopja tagħha qegħed tiġi hawn annessa, jista' l-Ministru jgħid: 1) Kemm il-promotion ngħatat f'dawn l-aħħar ħames snin 2) Min ħada u x'kienu l-kriterji 3) Kemm il-call for application kien hemm sabiex i) jimtlew vakanzi li tbattlu ii) jimtlew postijiet ġodda 4) B'referenza għall (3), kemm kien hemm min dawk li i) li kienu min barra ii) li applikaw internament iii) x'kienu l-kwalifiki ta dawk li applikaw fiż-żewġ każi iv) Fuq liema kriterji ġew magħżula dawk li ngħataw il-promozzjoni jew il-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

1. F'dawn l-aħħar ħames snin l-Awtorita' tad-Djar taghat 27 promotion kif jidher hawn taħt: 2 Technical Officers 1 Senior Technical Officer 9 Senior Clerks 7 Assistant Administrators 3 Administrative Officers 1 Manager 1 Senior Manager 2 Assistant General Managers 1 General Manager 2. Dawn il-promotions ingħataw wara sejħa interna u wara intervista. Fost il-kriterji kienu stabbiliti fuq l-esperjenza fil-kamp tax-xogħol relatat mal-housing, effiċjenza, kwalifiki u mertu. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-ismijiet u d-data tal-ħatra. 3.(i) Kien hemm 7 sejħiet għall-applikazzjonijiet biex imtlew postijiet vakanti: 2 sejħiet għal clerks 1 sejħa għal Technical Officer 1 sejħa għal Senior Technical Officer 2 sejħiet għal Senior Clerks 1 sejħa għal General Manager 3.(ii) Kien hemm 11-il sejħa għall-applikazzjonijiet biex imtlew postijiet ġodda: 1 sejħa għal Receptionist/Clerks 3 sejħiet għal Administrative Officers 1 sejħa għal Assistant General Manager 1 sejħa għal Managers 1 sejħa għal Senior Manager 1 sejħa għal Research Officer 1 sejħa għal Communications Coordinator 1 sejħa għal Part Time Architect 1 sejħa għal General Manager 4.(i) Call For Applications li kienu minbarra huma s-segwenti: Clerks Receptionist/Clerk Research Officer Communications Coordinator Part Time Architect General Manager 4.(ii) Call For Applications li għalihom applikaw internament kienu s-segwenti: Technical Officer Senior Technical Officer Senior Clerks Administrative Officers Assistant General Manager Managers Senior Manager General Manager 4.(iii) & (iv) Dawn il-postijiet ingħataw wara li saret sejħa esterna fil-każ ta' 4 (i) u sejħa interna fil-każ ta' 4(ii). Kull applikant saritlu intervista minn Sotto-Kumitat maħtur apposta mill-Bord ta' l-Awtorita' tad-Djar għal dan il-għan. Din l-aħħar sena il-kriterji kienu bażikament kif jidhru fid-dokumenti li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward il-kwalifiki dawn kienu varji skond il-grad li l-individwu kien qed japplika għalih.

Housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk presentament l-Awtorita' tad-Djar hix tikkonsidra li tixtri u takkwista propjeta immobli u jekk fl-affermattiv: a) f'hix waslu dawn il-trattattivi b) mingħand min c) x'inhu l-prezz

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar qiegħda fi trattattivi biex takkwista dawn il-proprjetajiet: 1. 4 appartamenti u 4 garaxxijiet fi Triq l-Għabex B'Kara mingħand George Fenech u Joseph Cutajar għall-prezz ta' Lm98,000. Bħalissa n-Nutar tal-Gvern qed jagħmel ir-riċerki neċessarji; 2. Proprjeta' fil-Furjana fi Triq l-Argotti, mingħand Neriku Confectionery Limited għall-prezz ta' Lm240,000. Bħalissa l-Avukati ta' l-Awtorita' tad-Djar u ta' Neriku Confectionery Limited qegħdin jiddiskutu l-kontenut tal-konvenju.
Leg 9 PQ #31143 Sitting 685 2002-01-28 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid, peress li issa għaddew aktar minn seba' xhur minn meta ġie iffirmat ftehim bejn Malta u ċ-Ċina, li permezz tiegħu l-Forzi Armati għandhomx jibbenefikaw minn għajnuna ta' madwar Lm 150,000 għaliex il-Kap ta' l-Armata għadu ma ha l-ebda azzjoni biex din l-għajnuna mwiegħda tissarraf f'fatti u dan meta r-rapporti dwar x'forma għandha tieħu din l-għajnuna ilhom lesti xhur sħaħ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li l-istudji meħtieġa biex jiġi identifikat l-aħjar mod kif l-għajnuna Ċiniża tissarraf f’benefiċċju għall-Forzi Armati Maltin waslu biex jitlestew.
Leg 9 PQ #31145 Sitting 685 2002-01-28 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

L-Armata

Question

B'referenza għall-mistoqsija numru 30002, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-liġi ta' l-Armata tiddistingwix bejn ċanfira u twissija? Jekk iva, minn dawn iż-żewġ kastigi, liema huwa l-iżjed serju? Jista' l-Prim Ministru jgħid kif fil-każ tal-persuna msemmija fil-mistoqsija 30002, jekk veru ngħata ċanfira, din tħassret daqshekk malajr mill-kondotta tiegħu? Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll, f'dawn l-aħħar sentejn, kemm il-darba l-persuna msemmija tqabbad jagħmel xogħol ta' storeman u f'hiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol li għalih qed jitħallas?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li fil-fatt il-persuna msemmija ngħatat twissija. Il-Liġi ta’ l-Forzi Armati tiddistingwi bejn ċanfira u twissija. Ċanfira hi l-iżjed serja. It-tnejn jinqatgħu mir-Rekord tal-Kondotta wara ċertu perjodu. Jien infurmat li meta l-individwu kien assessjat għall-promozzjoni, kien għadda l-perjodu stipulat biex t-twissija tinqata’ mir-Rekord tal-Kondotta. L-individwu ma kienx fuq ix-xogħol ta’ “storeman” f’dan l-aħħar sentejn.
Leg 9 PQ #30986 Sitting 680 2002-01-21 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Librara — Ilment

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment ta' tant librara u cioe li dawn ilhom ix-xhur ma jitħallsu għax-xogħol li jirrendu kuntrarjament għal-librara oħra li huma wkoll għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Librara fil-Fergħat tal-Librerija li ma jaħdmux mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni irċrvew il-ħlas kollu tagħhom sa Novembru 2001. Il-ħlas dovut għal Diċembru 2001 diġa` ġie sottomess it-Teżor u dalwaqt joħroġ il-pagament tiegħu ukoll. It-talba għal pagament tal-Librar kemm jekk huwa mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kif ukoll il-Librara l-oħra fil-Fergħat, issir wara li jispiċċa x-xahar u jintbagħat ir-return ta' l-attendenza mil-Librar innifsu.
Leg 9 PQ #30987 Sitting 680 2002-01-21 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru għall-Ambjent

Tindif ta' Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jispjega fuq liema kriterji u b'liema mod tender ta' Lm 2,357,2000 taħt ir-riferenza L/A 630/95 li tikkonċerna tindif ta' drenaġġ ġiet mogħtija mingħajr ma saret sejħa pubblika? Jista' jgħid x'kienet il-motivazzjoni wara din l-għotja meta wieħed iqis illi x-xogħol ta' drenaġġ kien fdat f'idejn l-istess kuntrattur u r-riżultati kienu negattivi u xejn sodisfaċenti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-kuntratt relatat mal-'Letter of Acceptance' (LA 630/95) ingħata fl-1995, wara sejħa pubblika għall-offerti maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti fl-avviż numru CT 481/94. Il-kuntratt ingħata bl-istess kriterji li jingħataw il-kuntratti pubbliċi kollha u ċioe' l-aħjar prezz għal għodda u xogħol skond il-kundizzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet. Għar-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, nistqarr li l-Onorevoli Interpellant ma spjegax ruħu b'mod ċar.
Leg 9 PQ #30600 Sitting 675 2002-01-14 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Oasis

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji u jara li teħel lampa fi Triq il-Port Ħieles mal-faċċata tal-fond Oasis fl-istess triq stante li din it-triq hija mudlama wisq?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta jirriżulta li fit-triq imsemmija hemm dawl adekwat.
Leg 9 PQ #30603 Sitting 675 2002-01-14 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ħaddiema tal-Posta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir fil-konfront ta' dawk il-ħaddiema tal-posta li għażlu biex imorru mal-Gvern u ċioe jekk humiex ser jiġu ntegrati fiċ-Ċivil sabiex ikunu jistgħu jikkwalifikaw anke għall-promozzjonijiet? Jekkl fl-affermattiv, meta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Peress li l-materja li dwarha qed jistaqsi l-Onorevoli Membru għadha qed tkun diskussa, ma naħsibx li jkun prudenti li f'dan l-istadju jingħataw dettalji.
Leg 9 PQ #30606 Sitting 675 2002-01-14 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru tal-Finanzi

Arretrati ta' Taxxa

Question

Jista' l-Ministru jara li l'persuna li armla id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tirċievi l-arretrati ta' taxxa li ilhom pendenti snin?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma naħsibx li għandi nagħti nformazzjoni konfidenzjali. Jekk l-Onorevoli Interpellant ikun awtorizzat mit-taxpayer allura r-risposta tingħata lilu privatament. Jekk irid jista' jmur sat-Taxpayer Service u jkun jista' jinqeda minn hemmhekk.
Leg 9 PQ #30673 Sitting 675 2002-01-14 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żurrieq — Triq Carmelo Caruana

Question

Jista' l-Ministru jara x'possibilita hemm li teħel bozza fi Triq Carmelo Caruana fiż-Żurrieq?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret minnn ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta, jirriżulta li fit-triq imsemmija hemm dawl adekwat.
Leg 9 PQ #30546 Sitting 671 2001-12-17 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Protezzjoni Ċivili

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-każ ta' mpjegati li ddaħħlu fit-taqsima tal-protezzjoni ċivili minn dipartimenti oħra u li ma humiex fil-korp tal-pulizija, x'inhi r-raġuni li qed issir deskriminazzjoni magħhom fis-sens li mhux qegħdin jingħataw id-dritt għall 25 sena servizz li jgawdu l-pulizija u x'inhi r-raġuni li ma jiddaħlux iżjed nies sabiex jirriplejsjaw l-istess?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-kondizzjonijiet għall-ingaġġ li għalihom iffirmaw dawk kollha li daħlu fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma hemm l-ebda klawsola li tgħid illi dawn jistgħu jibbenefikaw mid-dritt li jirtiraw bil-pensjoni wara 25 sena servizz. Kien fil-każ ta` dawk il-membri tal-Korp tal-Pulizija li ġew trasferiti għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili illi l-Gvern ta` l-konċessjoni li dawn setgħu jibqgħu jgawdu mill-kundizzjonijiet ta` pensjoni li kienu intitolati għalihom bħala membri tal-Korp tal-Pulizija. Għalhekk m`hu qed issir l-ebda diskriminazzjoni lejn dawk li ma kienux membri tal-Korp tal-Pulizija qabel ma ġew ingaġġati fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li wara kollox volontarjament għażlu li jiġu trasferiti ma` dan il-Korp.
Leg 9 PQ #30002 Sitting 668 2001-12-11 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga każ ta' membru tal-Forzi Armati, li ismu qed jingħata b'mod separat, fejn skond inkjesta li saret apposta madwar sentejn ilu kienu instab li kien involut direttament f'taħwid fil-pompa tal-fuel tal-Forzi Armati u li minkejja dan, xorta waħda riċentament ħa promozzjoni qisu qatt ma kien ġara xejn? Jista' l-Ministru jispjega għaliex dan l-istess individwu għadu qiegħed jitħallas tat-trade bħala storeman minkejja li ilu li waqaf minn dan ix-xogħol aktar minn sentejn? Jista' l-Ministru jgħid għaliex, filwaqt li dan l-individwu qiegħed jitħallas ta' storeman mingħajr ma jagħmel dan ix-xogħol hemm individwi oħrajn li qegħdin jaħdmu ta' storeman iżda ma jitħalsux ta' hekk?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-allegazzjoni fl-ewwel parti tal-Mistoqsija ma hijiex korretta. Wara l-inkjesta ttieħdu passi dixxiplinarji u l-persuna msemmija kien ingħata ċanfira. Din tinqata’ mill-kondotta wara ċertu perjodu. L-individwu ġie assessjat skond l-“istatus” tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2000 fejn kien ikkunsidrat li jimmerita promozzjoni. Fir-Reġiment fejn qiegħed ippustjat hemm vaganzi fit-“trade” ta’ “Storeman” u dan il-membru ta’ l-Forzi Armati ta’ Malta jista’ jiġi mqabbad jagħmel dan ix-xogħol jekk ikun hemm il-ħtieġa. Jiena nfurmat ukoll li f’wieħed mir-Regimenti l-oħra hemm erba’ suldati li qed jitħallsu ta’ “Storeman B3” waqt li għandhom livell fl-istess “trade” ta’ B2. Dan qed isir għax ma hemmx vaganzi fil-grad iżjed għoli. Dawn is-suldati qatt ma talbu għal “posting” fejn hemm vaganzi biex ikunu jistgħu jitħallsu ta’ B2.
Leg 9 PQ #30243 Sitting 663 2001-12-07 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-din il-Kamra kemm jinqata' mill-paga ta' kull uffiċjal tal-pulizija għall-fond tal-pulizija? Kemm hu l-bilanċ preżenti ta' dan il-fond? X'sar bil-flus f'dawn l-aħħar sentejn? Kemm se tingħata l-familja ta' Roger Debattista, l-pulizija li nqatel waqt il-qadi ta' dmirijietu, minn dan il-fond?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija iħallsu kontribuzzjoni kull tlett xhur u mhux tinqatalhom mill-paga. Din il-kontribuzzjoni tvarja skond il-grad u titqassam kif ġej: Grad Ammont Imħallas Lm Mutual Help Lm General Fund Lm Police Association Lm Officers` Mess Lm Kuntistabbli / Surġent 6.00 1.50 3.00 1.50 xejn Spettur 9.00 1.50 3.00 1.50 3.00 Supretendent 9.30 1.50 3.00 xejn 4.80 Ass. Kummissarju 10.05 1.50 3.00 xejn 5.50 Deputat Kummissarju 10.05 1.50 3.00 xejn 5.50 Kummissarju 10.05 1.50 3.00 xejn 5.50 Il-bilanċ preżenti tal-general fund huwa ta` Lm7,672.54. Minn dawn il-fondi, fost affarijiet oħra, jiġu finanzjati għotjiet lill-familjari ta` membri u ex membri tal-Korp u ċioe` titħallas is-somma ta` Lm1,350 lill-familja ta` membru tal-Korp li jmut waqt li jkun għadu jservi fil-Korp tkun xi tkun il-kawża tal-mewt tiegħu, jew Lm670 fil-każ ta` ex membru tal-Korp li jkun baqa` jħallas il-kontribuzzjonijiet ta` Lm6 fis-sena. Jiġu finanzjati wkoll attivitajiet soċjali u sportivi għall-membri tal-Korp u t-tfal tagħhom, kif ukoll għal ex membri tal-Korp. Minn dan il-fond, il-familja ta` Roger Debattista ingħatat is-somma ta` Lm1,350. Ma dan wiehed irid iżid li l-Kabinett iddeċieda illi jħallas somma kapitali lil armla tal-ex kuntistabbli Debattista liema somma ġiet ikkonsenjata lilha diġa. Apparti dan, l-armla tirċievi pensjoni tar-romol kemm taħt l-Att dwar is-sigurta soċjali kif ukoll taħt l-ordinanza tal-Pulizija, pensjoni speċjali għal familjari ta' min imut fil-qadi ta' dmirijietu.

MIC

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-kamra kemm intefqu flus mill-Malta EU Information Centre għall-ktejjeb li jispjega pass pass x'ħareġ minn negozjati dwar iċ-ċaqlieq ħieles bl-persuni? Kemm intefqu flus fil-pustaġġ?

Response (BORG, JOE)

L-ispiża sabiex jiġi stampat il-ktejjeb li jispjega pass pass x'ħareġ minn negozjati dwar iċ-ċaqlieq ħieles tal-persuni hija kif jidher hawn taħt: Xogħol ta' artwork LM 402.50 Stampar LM 10996.00 Fondi pprovduti mill-Unjoni Ewropea LM 7700.00 L-ispiża totali maħruġa mill-MIC għall-istampar kienet ta' LM 3698.50. L-ispiża għall-pustaġġ ta' dan il-ktejjeb laħqet is-somma ta' LM 5797.23
Leg 9 PQ #30245 Sitting 663 2001-12-07 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru għall-Ambjent

Magazine On-Site

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-kamra kemm-il darba ħareġ il-magazine On-Site? Kemm-il kopja saret? Kemm swiet kull pubblikazzjoni ta dan il-magazine?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 25545, 29794 u 29863.
Leg 9 PQ #30237 Sitting 662 2001-12-06 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru tal-Finanzi

Refund

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuni bin-numru tal-karta' ta' l-identita a) 24693 (M) b) 781149 (M) c) 6526 (M) qatt ma rċivew ir-refund dovut lilhom kwantu taxxa u dan madankollu li għandhom tant bżonn dawn il-flus?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma naħsibx li għandi nagħti nformazzjoni kunfidenzjali. Jekk l-Onorevoli Interpellant ikun awtorizzat mit-taxpayers allura r-risposta tingħata lilhom privatament. Jekk jkunu jridu jistgħu jmorru sat-Taxpayer Service u jkun jistgħu jinqdew minn hemmhekk.