B'referenza għal Triq il-Gistakor Ħal Għaxaq, jista' l-Ministru jara li tintlaqa' l-applikazzjoni tar-residenti, li ilha pendenti ma' l-Enemalta għal aktar minn sentejn sabiex isiru bozoz fit-triq tagħhom li għadha bla wiċċ, mhix imniffda, u mudlama?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba biex ikun hemm dawl adekwat fit-triq imsemmi qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili.
B'referenza għall-ħażna massiċċa ta' enerġija f'Birżebuġia bħalma huma gas, petrol, diesel u pitrolju, fost oħrajn, jista l-Ministru:
a) jikkonferma illi din il-ħażna hija tant kbira li f'każ ta' emerġenza din tista' tkun potenti biżżejjed biex teqred B'Buġia?
b) jgħid x'miżuri qegħdin jittieħdu sabiex tali eventwalita tiġi evitata?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li t-Taqsima tal-Petroleum tal-Korporazzjoni Enemalta qed tkompli tagħti l-attenzjoni kollha fuq il-manutenzjoni tat-tankijiet u kull apparat li għandha. It-taqsima tal-Gass qed tagħmel dak kollu possibbli fejn tidħol sigurta' ta' dan l-impjant. Madanakollu, peress li l-abitant resaq viċin wisq ta' l-impjant, dan, fi żmien qasir, ser jiġi trasferit għal post aktar adattat.
Jista' l-Ministru jara jekk, il-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jiġu separatament hawn
annessi, hix qed tirċievi l-ammont dovut lilha bħala pensjoni stante illi apparentament din
ilha snin ma tiġi riveduta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 32544, li kienet dwar l-istess persuna ndikata.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu ntiż li jsir bl-ispazju li hemm quddiem il-maisonettes appena kostruiti fil-Qasam tal-Bini B'Buġia?
Jista' l-Ministru jara li dan l-ispazju jintuża għal skop ta' rikreazzjoni sew għall-kbar kif ukoll għaż-żgħar dato n-nuqqas ta' l-istess?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li fl-ispazju ndikat mill-Onor. Interpellant ser isir ġnien pubbliku. Dal-proġett ser jiġi ffinanzjat mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar.
Jista' l-Ministru joħroġ id-direttivi oppurtuni sabiex jiġi installat shade mal-lampa fi Triq Xandru D'Amato iż-Żurrieq bi dritt il-fond bl-isem ta' Rochwood?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li fil-fatt ix-xogħol meħtieġ diġa' sar.
Jista' l-Ministru jindirizza l-ilment ta' bosta residenti ta' Triq il-Port Hieles (parti ta' wara l-Knisja) u ċioe li t-triq tagħhom li għaliha ilhom 18-il sena li ħallsu l-kontribuzzjoni tiġi mibnija u tingħata wiċċ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qiegħed iħejji l-programm għal asfaltar ta' toroq simili ma' Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għall-applikazzjoni li saret mill-Enemalta sabiex fi Pjazza ta' Santu Rokku, Ħal Għaxaq titla kamra għal substation minflok il-latrini u l-bus shelter, jista' l-Ministru jordna li jinstab post alternattiv stante li l-ex-bus shelter huwa l-unika posta ġewwa Ħal Għaxaq fejn jiltaqgħu daqs kieku kien club tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li d-deċiżjoni biex is-substation għall-iskola ta' Ħal Għaxaq tinbena quddiem l-iskola ma ittiħditx mill-Korporazzjoni Enemalta iżda mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni wara li kien hemm oġġezzjoni biex is-substation issir fil-bini ta' l-iskola.
Jista' l-Ministru jara li l-provista ta' ilma fi Triq Manuel Dimech Għaxaq ma tibqax affetwata ma' konċentrazzjoni ta' sadid bil-konsegwenza li jinħlew eluf ta' bramel ta' ilma kull darba, xi ħaġa li ilha tippersisti sa minn Ġunju 2001?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex jittieħdu l-passi meħtieġa.
Peress li fil-parti ta' Ħal Għaxaq fuq is-side taż-Żejtun u cioe fil-bidu ta' Żejtun road, kien hemm letter box li nqagħlet u tneħħiet sabiex ġiet impoġġija aktar il-ġewwa fil-parti ta' Bir id-Deheb, jista' l-Ministru jara li titwaħħal letter box oħra fl-istess post jew f'post ieħor qrib tal-letter box li kien hemm li wara kollox kienet ilha fl-istess post għal għexieren ta' snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-kaxxa ta' l-ittri li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tneħħiet mill-post imsemmi biex setgħet titqiegħed Depository Box ġdida ħdejn il-Knisja tal-Ħniena f'Bir id-Deheb. Dan sar biex id-Depository Box isservi wkoll għal skopijiet ta' tqassim. Fiċ-ċirkostanzi, la d-distanza m'hiex daqshekk kbira ma jinħassx li hemm bżonn li titwaħħal kaxxa oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma:
a) li reċentement tlesta x-xogħol fuq il-bini ta' tank kbir aktarx għall-ħażna ta'
fuel
gol-
power station
ta' Delimara liema tank ġie kostruit fuq sodda tal-konkos?
b) Jista' l-Ministru jikkonferma jekk dan ix-xogħol kienx ta' kwalita fqira tant illi t-tank diġa miel fuq ġemb wieħed tant illi ma jistax jintuża?
c) Jista' l-Ministru jgħid x'passi ser jittieħdu kontra min għand dawn ix-xogħolijiet tal-konkrit?
Peress li t-telephone booth fi Triq iż-Żejtun Għaxaq qegħda eżatt fl-entratura ta' ħanut u barra minn hekk situata f'parti mil-aktar traffikuża; u peress li konsegwenza tal-posizzjoni tagħha din il-booth ma toffri l-ebda privitezza u ma tistax tintuża minnħabba l-ħsejjes; jistax ġentilment il-Ministru jara li tiġi spustata f'parti oħra ta' l-istess akwata?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li bħalma jiġri f'kull każ, il-kiosk imsemmija tpoġġiet fejn hi fuq suġġeriment tal-Kunsill Lokali.
Ser issir laqgħa ma' l-istess Kunsill biex jiġi diskuss dan l-ilment u jekk jaqbel il-Kunsill, t-telefon booth tiġi spustjata għal parti oħra fl-istess akkwata.
Jista' l-Ministru jikkonferma:
1) hux minnu, li fil-parti ta' B'Buġia fejn hemm il-ħażna tal-pitrolju, fost materjal ieħor, fil-pedamenti hemm depożitu kbar ta'
fuel
tant li dan qiegħed jiġi pumpjat?
2) x'passi qegħdin jittieħdu sabiex dan il-fuel ma jispiċċaw il-baħar?
3) x'passi ser jittieħdu sabiex drenaġġ u fuel li tħalltu u mxew taħt l-art għal taħt pedament f'B'Buġia ma jibqax jiġi pumpjat il-baħar kif fil-fatt ġara f'dawn l-aħħar ġranet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat, ninsab infurmat li, rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, id-Dipartiment tad-Drenaġġ m'għandu l-ebda rapporti li henn xi drenaġġ dieħel f'xi pedamenti taħt l-art f'B'Buġia.
Jista' l-Ministru jara li ħadida mdaħħla fil-faċċata tal-fond nru 29, Triq iż-Żejtun, Għaxaq, li kkaġunat konsentura fl-istess faċċata tal-fond nru. 29, Triq iż-Żejtun, Għaxaq li kkaġunat konsentura fl-istess faċċata, tinqala?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Interpellant jinfurmani jekk il-ħadida li qed jirreferi għaliha kienetx twaħħlet minn ħaddiema ta' xi azjenda li tifforma parti mid-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Ministru jara sabiex jittieħdu l-passi neċessarji sabiex tiġi rimedjata l-problema li qed jaffaċjaw ir-residenti tal-maisonettes il-ġodda kostruiti fil-qasam tal-bini f'B'Buġia konsistenti fin-nuqqas ta' indikazzjoni ċara ta' l-isem tat-triq għall-fini ta' indirizz?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond l-Avviż Legali 176 ta` l-1995, kull tismija ta` triq trid toriġina mill-Kunsill Lokali tal-lokalita`.
Jista' l-Ministru jgħid għar-rigward tal-persuni li jgħalmu nies li jattendu korsijiet dwar il-kitba u qari fiċ-Ċentru Dun Paul Frair iż-Żejtun, x'possibilita hemm li dawn ma jibqgħux fuq bażi volontarja iżda jsiru tal-post jew għall-anqas jiġu mgħotija kumpens tax-xogħol siewi tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-programm li qiegħed jitmexxa fl-Istitut Paulo Freire fiż-Żejtun qiegħed isir b'kollaborazzjoni ma' l-ETC. Għaldaqstant kull talba għal ħlas għandha tiġi diretta lejn l-Employment & Training Corporation.
Jista' l-Ministru jintervjeni, peress milli jidher li t-tentattivi tar-residenti fallew, u jinvestiga dwar x'inhu r-raġuni li l-provista tad-dawl fi Triq l-Arzella, B'Buġia dejjem ikun baxx? Jista' jgħid x'provedimenti ser isiru sabiex din il-problema tingħeleb u meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-provvista tad-dawl fi Triq l-Arzella, Birżebbuġia ġiet investigata. It-tisħiħ tas-sistema ta' vultaġġ baxx għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
Jista' l-Ministru jara li l-periklu kaġunat minn arbli tad-dawl li ma ġewx imwaħħla skond is-sengħa u l-arti tant illi wieħed partikolari nqala u qiegħed iserraħ billi jiġbed l-wires, jitneħħa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Interpellant jindika it-triq u l-lokalita' fejn jinsabu l-arbli li għalihom qed issir riferenza.
Jista' l-Ministru jara li arlbu tad-dawl li jinsab fil-front garden tal-fond 31, Triq il-Port Ħieles, B'Bugia jitneħħa mill-post li jinsab fih u dan peress li jinsab qrib il-faċċata ta' l-istess fond u l-wires high tension qegħdin jaqsmu minn fuq il-gallarija ta' l-istess b'mod li jintlaħqu minn tfal żgħar li jabitaw fl-istess fond?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.