Jista' l-Ministru jara li l-open space fl-akwata ta' Triq Salvu Gatt Marsaxlokk jew aħjar l-estate jiġi kkurat peress li jinsab fi stat ta' abbandun?
Response (BORG, TONIO)
Peress li t-tiswija ta` bini residenzjali tal-Gvern, inkluż il-manutenzjoni ta` Housing Estates, taqa` taħt ir-responsabbilita` tad-Dipartiment għall-Bini u Tiswija ta` Djar, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru għall-Politika Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jibda jiffunzjona l-lift installat fl-iskola ta' Fra Diegu Bonanno l-Marsa peress illi dan ilu aktar minn 4 snin fil-bitħa u aktar minnn sena u nofs installat mingħajr ma jiffunzjona?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-preżent qed tinbena sub-station ġdida biex tissaħħaħ il-provvista ta' l-elettriku fl-iskola msemmija. Diġa` sar ħlas lill-Korporazzjoni Enemalta biex din, f'isem id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tordna 'switch gear' minbarra minn Malta għal din is-sub-station. Ix-xogħol hu previst li jitlesta sal-bidu tas-sena skolastika li jmiss. Darba dan il-proċess jitlesta l-lift jibda' jaħdem b'aktar regolarita`.
Jista' l-Ministru jara jekk hux possibbli jiġi ndikat facilitator, jew jekk mhux possibbli wieħed individwali partial facilitator sabiex l-istudent li d-dettalji tiegħu qegħdin jiġu annessi separatament flimkien ma' rapporti relattivi, ma jkompliex issirlu ħsara?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tifel in kwistjoni ġie riferut għall-għajnuna fil-5/12/2000 iżda t-talba ma ntlaqgħetx mill-Istatementing Board. Saru tentattivi oħra biex wieħed jara t-tifel setax jiġi mgħejjun mid-Dyslexsia Unit, u dan il-Unit ta pariri biex it-tifel jieħu sapport minn Speech Therapist. Dan fil-fatt qed isir.
Jista' l-Ministru jara li fid-dipartiment tal-VAT, first floor, ikun hemm aktar prudenza, u l-imprudenza ta' użu ta' speakers kbar għad-daqq ta' mużika tispiċċa?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-VAT dejjem insista ma' l-istaff biex tintuża l-prudenza waqt il-ħin tax-xogħol fl-użu ta' kull mezz ta' kommunikazzjoni, inkluż l-kompjuters.
Fejn tirriżulta l-imprudenza msemmija fil-mistoqsijsa ta' l-Onorevoli Membru, jittieħdu passi konkreti biex din l-imprudenza tinqata' minn egħruqha.
Jista' l-Ministru jara li każ konċernat ta' twaħħil ta' bozza li kellu jsir fi Triq Lepanto kantuniera ma Triq St. Francis Marsaxlokk u għalfejn din għadha ma twaħħlitx? Jista' jara li din teħel pero aktar 'il ġewwa bejn il-fond bl-isem taz-Zebbug u Għajn ix-xemx fi Triq Lepanto?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi ikkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi immedjati sabiex fid-dipartiment tal-VAT l-computers, b'mod partikolari s-sistema ta' l-internet, ma tibqax tintuża għall-skopijiet ħżiena, saħansitra pornografiċi? X'possibilita' hemm li ssir investigazzjoni sabiex ma jkunx hemm abbuż bħal dan?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-internet fid-Dipartiment tal-VAT huwa limitat għal numru żgħir ħafna ta' uffiċċjali u dan biex jintuża għal skopijiet ta' nformazzjoni u aċċess ta' dokumenti relatati mal-VAT.
Bħal ma jsir f'oqsma oħra, minn żmien għal żmien isiru spezzjonijiet biex wieħed jiżgura li ma jsirux abbużi b'din il-faċilita' ta' teknoloġija moderna. Wieħed irid ikun speċifiku għal x'hiex qiegħed jirreferi. Jista' jkun, per eżempju li wieħed jirċievi affarijiet fuq l-e-mail li ma jkunx talab għalihom. Fil-fatt illum, fuq l-indirizz tal-e-mail tiegħi tal-Gvern qiegħed nirċievi propoganda tal-MLP mingħajr ma tlabt għaliha u mingħajr ma rridha.
Fejn ikun hemm abbuż, jittieħdu l-passi dixxiplinari skond ir-regolamenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'possibilta' hemm li pilloli tat-tip Lustral li għandhom valur ta' Lm19.69 għal kull pakkett li jservi 28 ġurnata, jibdew jingħataw b'xejn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-suġġeriment ta` l-Onor Interpellant ser jingħata kunsiderazzjoni.
Jista' l-Ministru jara li s-sistema ta' trasport pubbliku li hemm lejn u lura minn M'Xlokk issir aktar effiċjenti, b'mod partikolari lejn M'Xlokk u dan billi f'peak hours ikun hemm trasport dirett lejn M'Xlokk biss, biex residenti minn M'Xlokk ma jagħmlux siegħa jistennew għax il-karozzi jkunu kollha mimlija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li żieda f'peak hours hi parti minn pakkett ta' titjieb fis-servizz li d-Direttorat qiegħed jissuġerixxi li jimplimenta wara diskussjonijiet li saru ma' l-Assoċjazzjoni tas-Sidien u l-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru responsabbli mill-ħabs jgħarraf lil din il-Kamra kif avukati qed jingħataw aċċess lill-ħabsin mingħajr ma dawn ta' l-aħħar ikunu klijenti tagħhom?
Hemmx xi ftehim f'dan is-sens mal-Kamra ta' l-avukati?
Jekk fin-negattivi x'passi qed jittieħdu stante li dan l-aġir jammonta għall-ksur ta' kodiċi ta' l-etiku u regolamenti oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li kull avukat li jmur il-ħabs biex ikellem priġunier dejjem ingħata aċċess li jikkuntattja lill-priġunier għaliex ikun talab l-istess priġunier li jkellem lill-avukat.
Ta` min jgħid ukoll li skond ir-regolament 5 (3) tar-Regolamenti tal-1995 Dwar il-Ħabs, priġunieri mhux ikkundannati għandhom jingħataw faċilitajiet biex jikkuntattjaw konsulent legali ta` l-għażla tagħhom.
Jista' l-Ministru jintervjeni u jordna t-tfassil u l-bini ta' Triq Zakkarija Ronkari u Fra Luca Zurki fiz-Zurrieq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq flimkien mal-Kunsill Lokali qed jimplimenta programm għal asfaltar ta' toroq simili ma' Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' jsir skond il-prijoritajiet li jkunu jirriżultaw minn żmien għal żmien.
Jista' l-Ministru jinkludi Triq il-Pitiross f'Ħal Għaxaq mil-lista ta' toroq li ser jiġu fformati - triq li ilha aktar minn 13-il sena tistenna li ssir?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għal Mistoqsija Parlamentari Numru 32885.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-pensjoni tal-persuna li ID no. tagħha qiegħed jintbagħat separatament ilha s-snin ma tiġi riveduta?
Jista' jordna dan l-aġġustament jekk ikun il-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jinvestiga u jara:
1) x'inhi r-raġuni li, l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jiġu hawn separatament annessi u li hi pensjonanta, ma tirċievix il-pilloli Diexil, Orovite u Akatimol Memantine li komplessivament jiswew Lm30.87 u li minnhom tinħtieġ pakkett/kaxxa fix-xhar?
2) x'inhi r-raġuni li, anki fil-każ ta' pilloli oħra fejn hi intitolata, dejjem tiġi nformata li ma kienx hemm?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hija ta` natura personali għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.
Għar-rigward tal-parti ġewwa ta' Triq Ġiuseppi Gravina Għaxaq, jista' l-Ministru jara li din il-parti żgħira tat-triq issir ukoll bħal kumplament tat-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq ħa nota ta' din it-triq biex tiġi nkluża fil-programm ta' asfaltar aktar 'il quddiem.
Jista' l-Ministru, b'referenza għall-pipe inwaħħal fil-faċċata tal-fond nru. 20 Triq Gian Marie Dalli Għaxaq, u li qasam il-kantuniera ta' l-istess fond, jiġi maqlugħ u dan wara li jiġu meħuda l-prekawzjonijiet kollha neċessarji?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferita lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex issir l-investigazzjoni relattiva u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru fil-każ tal-persuna li n-numru tal-karta ta' l-identita li qed jintbagħat under separate cover li hi pensjonanta, u li applikat għall-għajnuna supplimentari, jara li l-applikazzjoni tagħha, li ġiet sottomessa fl-14.03.02 tiġi proċessata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-Għajnuna Supplimentari t-talbiet għas-sena 2002 għadhom qed jidħlu fid-Dipartiment, u dawk li jagħmlu talba ġew mogħtija sa l-aħħar ta' dan ix-xahar biex jibgħatu t-talba tagħhom. Il-pagament ta' din l-għajnuna jkun dovut mis-6 ta' Lulju 2002. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant jifhem li mhux każ li f'dan l-istadju tinqala' xi talba ta' individwu partikolari u tiġi proċessata. Minkejja dan il-persuna li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant qed tiġi nfurmata dwar il-każ tagħha.
B'referenza għal mistoqsija parlamentari nru. 31940, jista' l-Ministru jara li l-Awtorita kompetenti tinvestiga dan il-każ sabiex jekk hu possibli jiġi nstallati lifts peress li sal-lum għadu ma sar xejn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar għadha qed tinvestiga jekk hux possibbli li jiġi nstallat lift fil-post indikat.
B'referenza għall-parti tan-nofs ta' Triq il-Gandoffla f'B'Bugia, jista' l-Ministru jgħid jekk hux il-ħsieb li din it-triq tinbena u tiġi mgħotija wiċċ bħall-kumplament tat-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 32271.
B'referenza għal Triq ir-Rizza, B'Buġia fejn id-drains qegħdin ifuru fil-basements tad-djar kull meta tagħmel ix-xita, jista' l-Ministru jintervjeni u jara li dan l-istat ta' fatt ma jibqax jippersisti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment m'għandu l-ebda rapporti ta' xi ħsarat fil-main tal-Gvern. F'ħafna każi, peress illi diversi djar għandhom l-ilma tax-xita imqabbad illegalment mas-sistema tad-drenaġġ, dawn ifuru meta tagħmel ix-xita għaliex is-sistema tad-drenaġġ mhix maħsuba biex tlaħħaq ma' l-ilma tax-xita wkoll.