Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #4762 Sitting 108 2004-03-08 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Eżami ta' clerks

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dawk l-istudenti li kienu għaddew mill-eżami ta' clerks miżmum f'Novembru 2002 għadhom sal-lum ma ġewx mogħtija risposta dwar jekk humiex se jiġu ngaġġati jew le, issa li t-terminu ta' sena jiskatta f'Mejju li ġej?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li diġà beda l-proċess biex jiġu reklutati ħamsin kandidat minn dawk li għaddew mill-eżami msemmi biex jimtlew l-istess numru ta’ vakanzi identifikati. Dan ma jfissirx li ma jistgħux jimtlew aktar postijiet, aktar ’il quddiem.

Pensjonijiet — Increments

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinħadmu l-increments naxxenti minn collective agreements għas-snin 2002, 2003 u 2004 li għandhom effett dirett fuq il-pensjoni ta' diversi ċittadini?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-proċess tar-reviżjoni tal-pensjonijiet kontributorji tas-Sigurta’ Soċjali, skond kif jitlob l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, hu proċess kontinwu. Ta min jgħid li dan il-proċess jinvolvi l-eżaminar ta’ ‘l-fuq minn 59,000 każ. Ninsab infurmat li fil-preżent it-taqsima konċernata qed taħdem bis-sahra fuq dawn ir-reviżjonijiet biex dawn jiġu finaliżżati mill-aktar fis possibbli.

Djar — Applikazzjoni 1114/88

Question

Għar-rigward ta' l-applikazzjoni konċernanti l-konvenju 1114/88 (02548) iffirmat mill-awtorita' tad-djar, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stadju tal-proċess wasal sabiex jiġi finalizzat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħaddili aktar dettalji dwar il-każ, anki b’mod kunfidenzjali, biex nitlob li jsiru l-verifiki meħtieġa.

Dipartiment ta' l-artijiet — Persuni li qed jitolbu kumpens

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li la l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, u lanqas l-eredi tiegħu ma ġew kumpensati bl-istess mod illi kienu ġew kumpensati persuni oħra li kellhom l-art tagħhom fil-kontrada ta' Bur Lanġasa l/o Żurrieq esproprjata, u dan billi apparti l-kumpens fi flus ta' l-art meħuda ġew mogħtija plot kull wieħed?

Response (BORG, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħti aktar dettalji dwar l-art f`Bur Lanġasa l/o Żurrieq u possibilment jindika l-art imsemmija fuq pjanta.
Leg 10 PQ #3416 Sitting 80 2003-12-12 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħal Luqa — Kulleġġ ta' l-għammieri

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar mis-sistemi tal-computer u mill-office furniture li kienu jinsabu fil-kulleġġ ta' l-għammieri, f'Qormi Road, Luqa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li tnejn mill-computers u l-office furniture li kienu jinsabu fl-uffiċċju tal-Kulleġġ ta' l-Agrikoltura li kien iservi ukoll bħala uffiċċju tal-Gardening Section tad-Diviżjoni ittieħdu fl-uffiċċju tal-Gardening Section, Villa Psaigon. L-erba' computers li kienu fil-computer room u li, għax ma jistgħux jiġu upgraded ma ġewx aċċettati mill-Istitut ta' l-Agribusiness qegħdin ukoll il-Gardening Section. Dawn ġew spezzjonati bil-għan li d-Diviżjoni tiddisponi minnhom.

Riċevimenti tal-Milied — Dipartimenti tal-Housing Maintenance and Construction

Question

Jista' il-Minstru jara u jgħid x'inhi r-raġuni li wara d-direttiva li nħarġet li mhux ser isiru parties/riċevimenti tal-Milied fid-Dipartimenti tal-Housing Maintenance and Construction inħarġet inizjattiva arbitrarja li permezz tagħha kull impjegat fid-Dipartiment irid joħroġ Lm7 sabiex jiġi organizzat dan il-party u li jekk le min ikun li ma jikkontribwixxix jiġi mqtugħ mil-overtime u dan mingħajr l-approvazzjoni tad-Direttur? Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li uffiċjal għoli fi ħdan dan id-Dipartiment attwa din it-tħeddida u aġixxa b'mod diskriminatorju fil-konfront tal-ħaddiema li ma kkontribwewx u ma ttieħdu l-ebda passi kontra dan l-aġir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-direttiva li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ma tipprojbixxix li jsiru parties/riċevimenti tal-Milied f’Dipartimenti jew entitajiet oħra tal-Gvern, iżda tipprojbixxi li dawn isiru minn fondi pubbliċi. Ninsab infurmat li l-impjegati tad-Dipartiment li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant ftehmu li jagħmlu ikla tal-Milied għas-spejjeż tagħom. Ninsab infurmat ukoll li ma jirriżultax li xi uffiċjal hedded lil xi mpjegat li jekk ma jipparteċipax fl-ikla jinqatagħlu l-overtime.

Freeport — Bejgħ ta' ishma

Question

Jista' il-Ministru jgħid: 1) jekk it-trattattivi għall-bejgħ ta' l-ishma tal-Freeport għadhomx mexjin; 2) jekk fl-affermattiv, f'liema stadju waslu; 3) jekk hemmx xi ħjiel dwar meta jistgħu dawn it-trattattivi jiġu konklużi?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif diġa ħabbart fid-diskors tal-Budget 2004 għandna nidħlu f'negozjati dettaljati. Sa issa dawn in-negozjati għadhom ma bdewx.

Dipartiment tal-bini u manutenzjoni — Taqsima tal-maintenance

Question

Jista' il-Ministru jgħid b'liema setgħa u jedd manager fit-taqsima tal-maintenance fi ħdan id-dipartiment tal-bini u manutenzjoni neħħa skrivana li kienet part-timer regolari u minflokha daħħal lill-ibnu mingħajr ebda applikazzjoni jew prosegwiment ta' proċeduri u minn wara dahar l-istess direttur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li la tneħħew skrivani u lanqas ġew impjegati oħrajn flokhom fid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar.

Abbużi minn impjegat

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga r-rapporti li waslu għandi dwar il-persuna - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - li b'mod regolari llegalment qegħda toħroġ laħmijiet u l-gazzetti ta' kuljum b'mod regolari? Jista' jgħid x'passi se jittieħdu sabiex dan l-abbuż jieqaf?

Response (GATT, AUSTIN)

Ir-rapport qed jiġi nvestigat. Naċċerta lill-Onorevoli Membru li jekk jinstab li sar xi abbuż jittieħdu passi dixxiplinari kontra l-impjegat skond il-Ftehim Kollettiv.

Sigurta' soċjali — Persuna dikjarata tajba għax-xogħol

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - għadha ma rċevietx ir-raġuni għalfejn ġiet dikjarata tajba għax-xogħol u x'rimedju għandha kontra tali deċiżjoni meta din il-persuna hija dikjarata invalida għal diversi raġunijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant ġiet infurmata dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali permezz ta’ ittra li ġġib id-data tal-5 ta’ Novembru 2003.

Reġistri tal-qrati

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga l-qagħda fir-reġistri tal-qrati u dan: a) għar-rigward tal-qrati superjuri u dawk tal-maġistrati f'Malta fejn id-deputati jirrifjutaw li jgħaddu proċess meta mitluba u trid tinqeda minn massimu ta' żewġ messaġġiera bil-konsegwenza li trid tagħmel ħin twil tistenna; b) għar-rigward tal-cash fir-reġistri, jista' jispjega għalfejn hawn ma tinqedix jekk ma jkollokx flus eżatt għax bqija ma teżistix?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi m`huwiex kompitu tad-Deputat Reġistratur li jnewwel proċessi u huwa għalhekk illi fiż-żewġ Reġistri hemm b`kollox seba` messaġġiera - erbgħa fir-Reġistru tal-Qrati Superjuri u tlieta fir-Reġistru tal-Qrati tal-Maġistrati. Meta xi messaġġier f`xi Reġistru jkun assenti, id-Dipartiment tal-Qrati Ċivili jagħmel l-almu kollu sabiex jibgħat xi ħadd minfloku. Pero` fl-ebda ħin ma jkun hemm ir-Reġistru nieqes minn dak in-numru ta` messaġġiera li jassigura kontinwita fix-xogħol. Għandu jiġi apprezzat ukoll il-fatt li jkun hemm każi fejn ikun hemm ftit tad-dewmien, u dan huwa mistenni f`post fejn il-kwantita` ta` nies li jkunu jridu jinqdew ikun kbir, speċjalment filgħodu. Dwar is-sitwazzjoni tal-'cash' ninsab infurmat illi l-kaxxiera fiż-żewġ Reġistri jkollhom, ta` kuljum, 'float' sabiex jagħtu l-bqija.

Kumpanniji ta' l-insurance — Poloz ta' l-assigurazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'rimedju se jinstab għall-problema li qegħdin jikkawżaw l-aġenziji ta' l-insurance meta dawn qegħdin jirrifjutaw illi jinxurjaw persuna ta' inqas minn 21 sena meta l-makna tkun ta' kapaċita' ta' 23 litri 'il fuq?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għandu jiġi spjegat illi la il-Ministru u lanqas il-Gvern jew awtorita' pubblika m'għandha l-jedd li toqgħod tindaħal f'każijiet ta' poloz individwali tal-assikuruazzjoni. Din hi materja li tikkonċerna l-awtonomija tal-partijiet li jixtiequ jidħlu f'transazzjoni privata, u għalhekk trid tiġi gvernata mill-forzi tas-suq li jinsabu salvagwardati bil-liġi moderna dwar il-kompetizzjoni introdotta fl-1994.
Leg 10 PQ #2707 Sitting 56 2003-11-17 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Raħal Ġdid — MCAST

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-surmast ta' l-MCAST f'Raħal Ġdid mingħajr l-ebda raġuni qiegħed jordna studenti tal-motor vehicle tehnicians IV sabiex jitilqu 'il barra mill-klassi u meta dan jaf ben tajjeb li b'ordni bħal dik qiegħed jippreġudika d-drittijiet ta' l-istess studenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-impostazzjoni tal-mistoqsija hi għal kollox żbaljata u lill-MCAST ma jirriżultalux li xi drittijiet ta' l-istudenti qed jiġu preġudikati. Informat li dawn l-istudenti qegħdin isegwu kors ta' Technician Diploma f'Inġinerija tal-Karozzi tas-City and Guilds. Dan il-kors apprendistat huwa t'erba' snin. Għal dawn l-aħħar tlett snin kienu qegħdin jistudjaw f'Mikielang Sapiano Technical Institute. Dawn l-istudenti ingħaqdu ma' l-MCAST f'Ottubru 2003. Informat ukoll li biex jingħataw id-Diploma, l-istudenti jkollhom jistudjaw u jgħaddu minn tliet kategoriji separati li huma Engine Systems; Chassis Systems; Maths u Electronics. Normalment l-istudenti jagħmlu l-eżamijiet fl-aħħar tar-raba' sena tagħhom. Iżda uħud mill-istudenti fl-aħħar tat-tielet sena jagħmlu ż-żewġ kategoriji (Engines u Chassis). Fir-raba' sena, l-istudenti jagħmlu tlett ijiem fil-ġimgħa fil-Kulleġġ u jumejn fil-ġimgħa ma' l-isponsor tagħhom. Iżda peress li dawn l-istudenti kienu diġa' għamlu żewġ kategoriji inħass li l-istudenti ma jkollhomx għalfejn jattendu l-Kulleġġ iktar minn tlett ijiem fil-ġimgħa. Dan sar biex ma jkunx hemm repetizzjoni minn tas-sena ta' qabel. Inħass il-bżonn li l-istudenti jibbenefikaw aktar jekk jaħdmu ma' l-isponsor għal ġurnata żejda biex b'hekk ikollhom aktar ħin għal on-the-job training.

Ta' Qali — Fieri

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li tingħata art f'Ta' Qali biex jibdew jiġu organizzati xi tip ta' fieri fuq skala nazzjonali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s 'issa l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) m' għanda l-ebda talba għall-permess ta' l-iżvilupp pendenti għal xi tip ta' fiera fuq skala nazzjonali f' Ta' Qali.

Uffiċċju konġunt — Applikazzjoni A3872/97

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-applikazzjoni bin-numru A3872/97 ntavolata ma' l-uffiċċju konġunt, sal-lum għadha ma ġietx proċessata meta ma kien hemm u m'hemm l-ebda ntopp fiha?

Response (BORG, TONIO)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għat-talba ta` rikonoxximent ta` qbiela, jien infurmat li l-Uffiċċju Konġunt għadu qiegħed jistenna li jirċievi dokument mitlub lill-applikant fit-28 ta` Mejju 2003, sabiex ikun jista` jipproċessa t-talba tiegħu.

Qrati — Kawżi deċiżi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm proċessi ta' kawżi deċiżi qed jistennew sabiex tinħadmilhom it-taxxa (taxed bills of costs): 1) fit-Tribunal għal talbiet żgħar; 2) fil-Qorti tal-maġistrati (Malta); 3) fil-Prim'Awla tal-Qorti ċivili; u 4) fil-Qorti ta' l-appell?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi sat-13 ta` Novembru 2003, ma kien hemm l-ebda kawża deċiża, u li kienet intalbet it-taxxa għaliha sa dakinhar, li kienet qed tistenna sabiex tinħadmilha t-taxxa (taxed bill of costs) fil-Qrati tal-Maġistrati u fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar. Hemm biss 5 kawżi fil-Prim Awla li għadhom ma ġewx intaxxati. Dawk se jitlestu sa kmieni l-ġimgħa d-dieħla. Ninsab infurmat ukoll illi sat-13 ta` Novembru 2003, kien hemm 10 kawżi deċiżi fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar (Għawdex) li kienu qed jistennew sabiex tinħadmilhom it-taxxa.

Reġistrazzjoni ta' raba'

Question

Jista' il- Ministru jgħid, kwantu jirrigwarda l-applikazzjoni għall reġistrazzjoni ta' raba' taħt l-iskema li kienet ħarġet mid-Dipartiment ta' l-Artijiet fl-2000 fl-liema stadju waslu b'mod partikulari dik tal-persuna li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjonijiet li saru taħt l-Iskema sabiex tingħata qbiela fuq art agrikola tal-Gvern bħalissa qed jiġu pproċessati. Infakkar lil Onorevoli Interpellant li b`kollox saru madwar 10,000 applikazzjoni. Ix-xogħol meħtieġ fuqhom huwa wieħed twil u laboruż u fil-fatt sa issa sewa lit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern eluf kbar ta` siegħat ta` xogħol. It-Taqsima qed tagħmel l-almu kollu tagħha sabiex fid-dawl tar-riżorsi tagħha tipproċessa l-applikazzjonijiet. Fil-konfront tal-persuna li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant, ninsab infurmat li l-art in kwistjoni fil-fatt kienet art tal-Knisja li għaddiet għand il-Gvern permezz tal-ftehim bejn l-Istat u l-Knisja tal-1991. Din l-applikazzjoni, flimkien ma` oħrajn, qed tiġi pproċessata.

Vetturi — Ħlas ta' insurances

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni wara r-rifjut de parti ta' l-insurances li jinxurjaw vetturi bħal ma huma dawk tat-tip Honda CRX V-Tec u oħrajn? Jista' il-Minstru jgħid x'rimedju s-sidien ta' dawn il-vetturi ser ikollhom sabiex ikunu jistgħu jagħmlu użu minn vetturi li daħlu legalment hawn Malta u li minħabba din is-sitwazzjoni ma jistgħux legalment jiġu misjuqa?

Response (DALLI, JOHN)

L-allegazzjoni imsemmija fil-mistoqsija parlamentari qegħda tiġi mistħarġa mill-MFSA bħala r-regolatur tan-negozju ta' l-assigurazzjoni. L-MFSA għadha fil-proċess li tistabbilixxi jekk qabel xejn din l-allegazzjoni hix korretta jew jekk hemmx xi ġustifikazzjoni jew spjegazzjoni għaliha. Peresss illi l-interpellant ipprovda biss informazzjoni vaga u ġenerali, l-interpellant huwa gentilemnt mitlub li, jekk hu f'posizzjoni li jagħmel dan, ifornixxi aktar informazzjoni relevanti għal din il-materja. Apparti dan, stante li l-mistoqsija parlamentari tirrelata għall-karozzi ta' ċertu tip li qegħdin jiġu mpurtati apparentement fuq bażi second hand, ikun f'loku illi d-domanda tiġi rivolta ukoll lill-Ministeru tat-Trasport.

Ta' Qali — Għelieqi tal-Gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li tingħata art ġo ta' Qali biex jibdew jiġu organiżżati xi tip ta' fieri fuq skala nazzjonali?

Response (BORG, TONIO)

It-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern m`għandha l-ebda informazzjoni dwar fieri fuq skala nazzjonali f`Ta`Qali. Madankollu ninsab infurmat li l-Park Nazzjonali f`Ta`Qali huwa mmexxi minn kumitat apposta fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u nissuġġerixxi li l-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil dan il-Ministeru.