Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid xi protezzjoni qiegħda jew tista' tiġi mogħtija lill-anzjani ġewwa Ħal Kirkop in vista tan-numru konsiderevoli ta' attakki u serq fir-residenzi ta' dawn l-anzjani?
Jista' jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet għar-rigward ta' dawn il-każi u x'possibbilta' hemm li jitressaq xi ħadd il-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minbarra r-ronda li ssir mit-Taqsima tal-Mobile u tad-Distrett, l-Għassa tal-Pulizija ta' dan il-lokal qed tkun miftuħa regolarment. Infurmat ukoll illi matul dawn l-aħħar tlettax-il xahar kien hemm żewġ serqiet u attentat ta' serq irrapurtati minn persuni anzjani f'dan il-lokal, liema każi għadhom qed jiġu investigati.
Wara li jidher li falla kull tentattiv ieħor, jista' il-Ministru jara li arblu tad-dawl li qiegħed f'nofs it-triq b'mod perikoluż, preċiżament quddiem id-dar bl-isem "Madonna ta' Pinu" fi Triq Bubaqra, fiż-Żurrieq jinqala' u jitwaħħal f'post fejn ma jkunx ta' periklu?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li x-xogħol meħtieġ għandu jsir kif tingħata l-linja tat-triq.
Jista' il-Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li Triq Tal-Ġonna fiż-Żurrieq tiġi mogħtija wiċċ peress illi ilha tistenna ħafna u s-servizzi kollha jinsabu mgħoddija?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Infurmat li d-Direttorat bagħat perit jagħmel spezzjoni fuq it-triq imsemmija. Din it-triq qegħda fil-lista ta' xogħlijiet li jridu jsiru.
Jista' il-Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li s-service road fi Blue Grotto Avenue, fiż-Żurrieq tiġi mogħtija wiċċ stante li dan ilu mistenni u issa li s-servizzi kollha jinsabu mgħoddija?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Infurmat li d-Direttorat bagħat perit jagħmel spezzjoni fuq it-triq imsemmija. Din it-triq qegħda fil-lista ta' xogħlijiet li jridu jsiru.
Universita' ta' Malta — Kors "Gender and Development"
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk is-suġġett studji soċjali hux se jibqa' jiġi mgħallem? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni illi għalliema f'dan is-suġġett li kienu qegħdin jattendu kors "Gender and Development" l-Universita' ta' Malta ma ġewx imħollija jibqgħu jattendu?
Jista' jgħid għalfejn dan is-suġġett mhux meqjus ta' priorita' bħal, per eżempju, l-Għarbi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diploma fl-Istudju Soċjali (Ġendru u Żvilupp) bdiet fil-11 ta' Ottubru 2004. Dan hu kors part-time ta' sentejn. Il-lectures isiru darbtejn f'ġimgħa, it-Tnejn u l-Erbgħa mid-disgħa sa nofsinhar.
Applikanti għal dan il-kors kien hemm 43. Ħamsa minnhom kellhom il-kwalifiki rekwiżiti. L-oħrajn, 38, wara li attendew għall-intervista ġew aċċettati bħala studenti maturi.
Informat li ċ-Ċentru ma żamm lil ħadd milli jattendi dan il-kors.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10660 u cioe' jara, stante li l-uffiċjali nkarigati daparti ta' l-Enemalta mhux qegħdin joffru l-ebda spjega suffiċjenti, x'inhi r-raġuni li l-kont tal-persuna anzjana - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - qiegħed ta' kull darba jkun eżorbitanti avolja m'għandhom l-ebda element li jistgħu jikkontribwixxu għal tali kont?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuni - dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament - sal-lum għadhom ma ġewx informati meta se jieħdu l-għajnuna konċessa lis-sajjieda u lanqas jekk effettivament humiex se jirċievu din l-għajnuna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-kuntratti kollha li s-sajjieda ffirmaw għall-għajnuna qegħdin jiġu pproċessati, u l-ħlasijiet joħorġu meta dan il-process ikun iffinalizzat.
Jista' il-Ministru jara, stante li l-uffiċjali nkarigati daparti ta' l-Enemalta mhux qegħdin joffru l-ebda spjega suffiċjenti, x'inhi r-raġuni li l-kont tal-persuna anzjana - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - qiegħed ta' kull darba jkun eżorbitanti avolja m'għandhom l-ebda element li jistgħu jikkontribwixxu għal tali kont?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub permezz ta' mistoqsija parlamentari 8666 u cioe' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja taċ-ċirkolari li permezz tagħha kienu ġew iffissati l-ħinijiet illi fihom għandhom jinġabru t-tfal ta' l-iskola filgħodu (tat-22 ta' Settembru 2004)? Jista' jara li dawn il-ħinijiet jiġu rispettati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-Taqsima tat-Trasport ta' l-Istudenti tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tagħmel skruntinju kontinwu tas-sitwazzjoni tat-trasport ta' l-istudenti lejn l-iskejjel u lura lejn id-dar. Dan isir billi jiġi investigat kull ilment li jitressaq mill-Kapijiet ta' l-Iskejjel jew minn ġenituri ħalli l-kondizzjonijiet tal-ftehim li kien sar ma' l-operaturi tat-trasport ta' l-istudenti jiġu mħarsa. Iċ-ċirkulari ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Wara li kull talba li saret lill-kunsill lokali taż-Żurrieq ġiet injorata, jista' il-Viċi Prim Ministru jintervjeni u jara x'jista' isir bħal, per eżempju culverts, biex il-kwantita' kbira ta' ilma li taqa' fi Triq San Mikiel għal ġo Sqaq l-Iben il-Ħali, Żurrieq għal ġol-pjazza, li jirrendiha diffiċli li n-nies tagħmel użu mill-istess toroq mingħajr ma jixxarbu b'mod partikolari t-tfal, tiġi milqugħa jew indirizzata u mhux l-istess triq tibqa' tgħereq?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jiena nfurmat li l-Management tal-Kumpanija, Kalaxlokk irrifjuta applikazzjonijiet tal-'leave' ta' żewġ ħaddiema tal-IPSL li dawn kienu qed jaħdmu taħt is-supervizzjoni tal-management tal-Kalaxlokk.
Dawn iż-żewġ ħaddiema riedu 'leave' fit-tul għall-kaċċa u l-insib. Dan il-'leave' ġie rrifjutat minħabba esiġenzi tax-xogħol.
Il-Management tal-Kumpanija Kalaxlokk qatt ma hedded li min jieħu s-'Sick Leave' jiġi mkeċċi, pero' il-ħaddiema ġew infurmati li min jabbuza mis-'sick leave' hu suġġett għal passi dixxiplinarji.
Dipartiment għall-manutenzjoni u kostruzzjoni — Ħaddiema
Question
Tista' il-Ministru tara x'inhi r-raġuni li l-ħaddiema fi ħdan id-dipartiment għall-manutenzjoni u kostruzzjoni u cioe' dawk involuti fil-kostruzzjoni, manutenzjoni eċċ., għad li jaħdmu l-overtime m'humiex jitħallsu tiegħu bħalma ġara fil-każ tal-klandestini ġewwa Ħal Far?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-overtime li rrefera għalih l-Onor. Interpellant ser jitħallas lill-impjegati flimkien mal-paga li jmiss.
Jista' il-Ministru jintervjeni, wara li kull talba li saret lill-Kunsill Lokali Żurrieq ġiet injorata, u jara x'jista' jsir bħal per eżempju culverts, biex il-kwantita' kbira ta' ilma li taqa' fi Triq San Mikiel għal ġo Sqaq l-Iben il-Ħali fiż-Żurrieq għal ġol-pjazza, li jirrendiha diffiċli li nies tagħmel użu mill-istess toroq mingħajr ma jixxarbu b'mod partikolari t-tfal, tiġi milqugħa jew diretta u mhux tibqa' tegħreq l-istess triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi t-triq imsemmija hija responsabilta' tal-Kunsill Lokali, ghalhekk ghal aktar informazzjoni l-Onorevoli Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Ministru kkonsernat.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra x'passi se jittieħdu biex l-inkonvenjent li qiegħed ibati pazjent - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - jitneħħa u dan peress li ilu għaddej għal diversi snin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħidilna x'inhu l-inkonvenjent li qiegħed ibati l-pazjent imsemmi
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-vettura bin-numru tar-reġistrazzjoni GVN451 għadhiex reġistrata fuq l-OPM u jekk le, għandux isir it-trasferiment għal fuq il-ministeru li bħalissa hu responsabbli minnha? Jista' jgħid meta u min hu responsabbli li jħallas għal kontravenzjoniijiet pendenti, bħalma hi dik bin-numru 052-13704-87?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-vettura bin-numru tar-reġistrazzjoni GVN-451 fil-preżent mhix irreġistrata fuq l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mid-dokumenti ta’ l-Uffiċċju jidher li qatt ma kienet irreġistrata fuq dan l-Uffiċċju.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fil-każ tal-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - fejn kien kien hemm arranġament għall-ħlas bin-nifs, il-korporazzjoni ta' l-ilma qed tesiġi ħlas fl-intier, kontra l-istess ftehim u dan avolja l-ammont dovut kien wieħed superjuri u ilhom isiru ħlasijiet bin-nifs?
Jista' jara li fil-każ ta' din il-persna, fuq raġunijiet umanitarji, il-ħlas tal-bilanċ dovut jibqa' isir bl-istess mod li kien qiegħed jiġi affettwat?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma qed tesiġi ħlas fl-intier tiegħu, għaliex il-persuna indikata ma onoratx il-ftehim milħuq.
B'riferenza għall-kuntratti ffirmati bejn il-gvern u sajjieda ċirka f'Diċembru 2002 konċernanti għajnuna finanzjarja, jista' il-Ministru jgħid: a) x'inhi r-raġuni li xi sajjieda ħadu l-għajnuna kollha u oħrajn le; b) jista' jgħid meta r-rimanenti bilanċi se jitħallsu issa li skada t-terminu tal-pagament tal-gvern u s-sajjieda kellhom joħorġuhom mill-but?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li f'Diċembru 2002 saru 42-il kuntratt, li minnhom 17 għadhom m'humiex magħluqa. Minn dawn is-17 hemm 9 dgħajjes li għadhom ma ressqux l-irċevuti kollha, jew talbu estensjoni taż-żmien tal-kuntratt, 4 dgħajjes li ressqu d-dokumenti li ma humiex kompluti, u 4 dgħajjes li ressqu d-dokumenti kollha neċessarji. Dawn ta' l-aħħar ġew ipproċessati u ser jitħallsu fix-xhur li ġejjin.
Jista' il-Ministru jgħdi x'inhi r-raġuni li filwaqt li l-ħaddiema ta' l-IPSL ġew informati sabiex jieħdu l-leave tagħhom b'mod li sa l-aħħar ta' Ottubru 2004 ikun fadlilhom biss ħamest ijiem, il-Kalaxlokk qegħda tirrifjuta li l-ħaddiema japplikaw għal-leave u qegħdin anke jiġu mhedda li jekk jibbenefikaw minn sick leave dawn se jiġu mkeċċija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jħarraf lill-Kamra liema dipartiment u/jew awtorita' huma inkarigati mill-kustodja tad-dokumenti pertinenti l-ħruġ ta' permessi mill-PAPB, liema bord illum huwa definit u l-funzjonijiet tiegħu ġew meħuda mill-MEPA?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) hija il-kustodi ta' dokumenti pertinenti tal-PAPB.
Kunsilli lokali — Segretarji esekuttivi tal-kunsill
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm il-kunsilliera kollha, ad eċċezzjoni ta' wieħed, tal-kunsill ta' l-Imsida qegħdin jilmentaw u joġġezzjonaw għas-segretarji esekuttivi tal-kunsill, din xorta waħda qegħda tiġi mposta fuqhom?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita'.