Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex ma jibqax jintefa' żibel u skart ieħor fil-kantuniera bejn Jockey's Lane u Serkin Road il-Marsa?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' il-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji u opportuni ħalli tiġi rimedjata l-ħsara u ma jibqax joskula l-ilma minn Triq il-Ġerrej/is-Serkin il-Marsa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment ser jiġi investigat u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-jeddijiet għal-kumpens li ngħataw lis-sidien ta' artijiet in kontro kambju għall-proprjeta' espropriata taħt l-Att (illum revokat) Nru 1 ta' l-1983, humiex ukoll se jiġu likwidati u mħallsin skond il-formoli proposti fl-Abbozz Nru 58 ta' l-2005?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proposti fl-Abbozz Nru. 58 ta' l-2005 qegħdin isiru għall-proprjeta' esproprjata taħt l-Ordinanza dwar l-Akkwist ta' l-Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi (Kapitolu 88) u ma jinkludux il-proprjetajiet li kienu ġew esproprjati taħt l-Att Nru. 1 ta' l-1983 (Att dwar Arei għall-Iżvilupp tal-Bini).
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16230 u jgħid: B'riferenza għall-informazzjoni dwar xiri ta' apparat għall-isptar Mater Dei li tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra (PL3740) nhar l-Erbgħa 28 ta' Settembru 2005, jista' il-Prim Ministru jagħti rendikont ta' apparat mediku li nxtara għall-isptar Mater Dei bejn Ġunju 2005 u Novembru 2005 u li ma kienx imniżżel fil-lista li ġiet impoġġija fuq il-mejda tal-Kamra? Jista' jgħid kemm kien il-valur ta' dan l-apparat? Jista' jagħti rendikont tad-ditti u l-kumpanniji li mmanifatturaw dan l-apparat mediku? Jista' jagħti rendikont separat ta' l-apparat li nxtara mingħand kull ditta u l-ispejjeż involuti? Jista' jagħti rendikont ta' l-apparat li għad fadal jinxtara għall-isptar Mater Dei?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabelli li qed inpoggi fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' il-Ministru jindaga u joħroġ dawk l-ordnijiet u direttivi neċessarji u opportuni sabiex jiġi żgurat illi d-drenaġġ ma jibqax jispara fil-btieħi tar-residenti ta' Triq Zaren Dalli, Birżebbuga kull meta tagħmel ix-xita u li l-pompi stallati jkunu fi stat tajjeb ta' użu u mhux inoperabbli bħalma huma fil-preżent?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid l-arbli ta' l-ex-Deutschwelle fl-inħawi tax-Xwieki, Żurrieq meta ser jitneħħew? X'inhi r-raġuni li dawn m'għadhomx jinxtgħelu b'dawl aħmar bħal qabel sabiex jiġi evitat periklu?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jara li jsir culvert sabiex jidderiġi l-ilma li jaqa' fi Triq Zakkaria Roncali stante li qiegħed jidħol fil-garages u jifforma għadira kbira tant li ħadd mir-residenti ma jkun jista' joħroġ minn daru?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li ser isiru spezzjonijiet fit-triq msemmija mill-Onoreovli Interpellant sabiex tiġi analizzata il-problema ndikata.
Jista' il-Prim Ministru jara li fil-każ tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, id-dipartiment tat-taxxa ma jibqax jeżerċita pressjoni fuqha għal ġbir ta' taxxa għal perijodu 1978 sa 1996 meta d-dipartiment jaf li tali mhux dovut għax preskritt u żewġha jinsab mejjet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pożizzjoni li jiżvela informazzjoni personali. Nitlob għalhekk lill-persuna konċernata biex tiċċekkja mas-sezzjoni tat-Taxpayer Service tad-dipartiment matul il-ħin ta’ l-uffiċċju.
Tista' il-Ministru tinvestiga x'inhi r-raġuni li persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, meta talab jivverifika l-konribuzzjoni minnu mħallsa, is-snin 2004 u 2005 ma ġewx indikati?
Jista' issa jivverifika sabiex jiġi stabilit li l-istess persuna qiegħda tirċievi dak spettant lilha bħala pensjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma bil-miktub lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.
Jista' il-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra għalfejn il-post ta' general manager mal-Maltapost li kien okkupat mill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għadu vakanti wara li l-istess persuna ġie maħtur bħala CEO mal-Maltapost?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dan il-kaz, il-pożizzjoni ta' General Manager Corporate Services mal-Maltapost, u d-dmirijiet marbuta ma' din il-kariga, ġew inkorporati ma' dawk tas CEO.
Jista' il-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra għalfejn il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma baqgħax jokkupa l-kariga ta' CEO mal-Maltapost li issa hija okkupata minn persuna oħra li isimha wkoll qed jintbagħat separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex żewġt itfal li huma neqsin mis-smiegħ u li jagħmlu użu mill-cochlear implant biex tgħinhom jisimgħu ma ngħatawx għajnuna biex jixtru apparat bżonjuż ħafna, filwaqt li tlett itfal oħra li huma wkoll neqsin mis-smiegħ u li jużaw il-hearing aids ingħataw l-għajnuna biex jixtru l-istess apparat, anke jekk dawn applikaw wara ż-żewġt itfal imsemmija?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' talloka somma ta' Lm62,000 fis-sena li tkopri servizz ta' Għajnuniet Speċjali biex tgħin persuni b'diżabilita' jixtru apparat li jgħinhom jgħixu ħajja aktar indipendenti.
Peress li l-valur tat-talbiet ikun akbar mis-somma allokata, il-Kummissjoni ħatret Bord ta' ħames persuni biex jeżamina l-applikazzjonijiet għal dan is-servizz kull xahar skond il-kriterji stabbiliti u jiddeċiedi liema għandhom jirċievu l-flus u liema għandhom jitqiegħdu fuq il-waiting list għal sena. Dawk li t-talba tagħhom ma tiġix milqugħa fi żmien sena jistgħu jerggħu japplikaw.
Ninsab infurmata li l-applikazzjonijiet dwar iż-żewġt itfal li għamel referenza għalihom l-Onor. Interpellant saru f'Jannar 2005 u qegħdin fuq il-waiting list ma 56 oħra. Jekk it-talba tagħhom ma tkunx intlaqgħet sa Jannar li ġej, jistgħu jerġgħu japplikaw.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhuma l-kriterji ta' kif tingħata l-għajnuna lil dawn in-nies bi bżonnijiet speċjali mill-kummissjoni nazzjonali persuni b'diżabilita'?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ tipprovdi diversi servizzi u għajnuna għall-persuni b’diżabilita’ li huma suġġetti għal kriterji differenti.
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għas-Servizz Għajnuniet Speċjali, ninsab infurmata li l-Bord li jeżamina l-applikazzjonijiet jikkunsidra:
· il-ħtieġa tal-għajnuna;
· ir-raġuni għaliex qed tintalab;
· il-benefiċċju u l-prattiċita li tittieħed mill-għajnuna;
· il-mezzi finanzjarji ta’ l-applikant u l-familja;
· l-aspett soċjali; u
· xi assistenza finanzjarja minn sorsi oħra.
B'riferenza għall-informazzjoni dwar xiri ta' apparat għall-isptar Mater Dei li tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra (PL3740) nhar l-Erbgħa 28 ta' Settembru 2005, jista' il-Prim Ministru jagħti rendikont ta' apparat mediku li nxtara għall-isptar Mater Dei bejn Ġunju 2005 u Novembru 2005 u li ma kienx imniżżel fil-lista li ġiet impoġġija fuq il-mejda tal-Kamra? Jista' jgħid kemm kien il-valur ta' dan l-apparat? Jista' jagħti rendikont tad-ditti u l-kumpanniji li mmanifatturaw dan l-apparat mediku? Jista' jagħti rendikont separat ta' l-apparat li nxtara mingħand kull ditta u l-ispejjeż involuti? Jista' jagħti rendikont ta' l-apparat li għad fadal jinxtara għall-isptar Mater Dei?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid issa li l-kostruzzjoni tas-substation fin-Nigret, Bubaqra, Żurrieq ilha x-xhur li tlestiet, meta ser jitwaħħal l-apparat fiha sabiex tissaħħaħ il-provvista ta' l-elettriku fil-lokalita'?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid taħt liema poter jew liġi d-dipartiment tat-taxxa qiegħed jesiġi lil persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tħallas arretrati ta' taxxa allegatament dovuta għal perijodu li jmur oltre 30 sena u għalhekk huma preskritti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li d-dispożizzjoni rilevanti hija l-klawsola 54 ta’ l-Att II ta’ l-2004 li emendat l-artikolu 47 ta’ l-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa. Il-liġi minn dejjem tat lill-Kummissarju tmien snin biex jiġbor it-taxxa minn meta l-assessment ikun sar finali u konklussiv. B’din l-emenda, f’dawk il-każijiet fejn il-preskrizzjoni setgħet daħlet sal-aħħar tas-sena 2003, il-Kummissarju ngħata sal-aħħar tas-sena 2005 biex jirrimedja billi jieħu l-azzjoni legali neċessarja.
Jista' il-Ministru jgħid fejn spiċċa l-monument storiku, li jmur lura għal żmien meta f'Malta jingħad li wasal Konti Ruġġieru, li jinsab fil-post indikat fuq is-site plan li qed tintbagħat separatament u cioe' fil-kontrada magħrufa ta' Misrah Suffara, Ħad-Dingli? Jista' jgħid x'passi se jittieħdu kontra l-persuna li wittiet l-art li hi tal-gvern u qiegħda tinżamm l-istess bla titlu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qed tinvestiga il-każ imqajjem mill-Onorevoli Interpellant.
Qed isir stħarriġ fuq dan il-każ mad-Dipartiment tal-Artijiet u mal-Malta Environment and Planning Authority, dwar l-użu preżenti ta’ din l-art u dwar x’azzjonijiet legali ttieħdu s’issa.
Is-Sovrintendenza qed tistharreġ ukoll jekk sarx ksur ta' l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (Kap 445) fuq monumenti storiċi li setgħu kienu jeżistu f’dan il-lok.
Jista' il-Prim Ministru jgħid taħt liema poter jew liġi d-dipartiment tat-taxxa qiegħed jesiġi lil persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tħallas arretrati ta' taxxa allegatament dovuta għal perijodu li jmur oltre 30 sena u għalhekk huma preskritti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
B'riferenza għall-korrispondenza li qed tintbagħat separatament, jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju jinsab il-proċess sabiex Triq il-Familja Brancati tingħata d-dehra li tixirqilha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li x-xogħol li sar s’issa f’din it-triq sar mill-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura. Bħalissa qed isiru l-istejjem sabiex joħorġu tenders għax-xogħol ta’ tarmac mill-Awtorita' dwar it-Trasport.
B'riferenza għall-korrispondenza li qed tintbagħat separatament, jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju jinsab il-proċess sabiex Triq l-Ispnar tingħata d-dehra li tixirqilha?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.