Legislature:
Category:
Reset
Active:

Lands — Esproprjazzjoni ta' proprjeta'

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 16527, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-valur fis-suq liberu tal-jeddijiet għall-kumpens li ngħataw in kontrokambju għall-proprjeta' esproprjata taħt l-Att (illum revokat) nru. 1 ta' l-1983 paragunat mal-valur tal-proprjetajiet relattivi li kieku evalwati bil-kriterji kontemplati fl-Abbozz Nru. 58 ta' l-2005?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi biex jiġi stabbilit x'inhu l-valur fis-suq liberu tal-jeddijiet għal kumpens li ngħataw in kontrakambju għall-proprjeta' esproprjata taħt l-Att I ta' l-1983 paragunata mal-valur tal-proprjetajiet relattivi li kienu evalwati bil-kriterji kontemplati fl-Abbozz Nru. 58 ta' l-2005, irid isir eżerċizzju kumpless li jinvolvi ħafna riżorsi kemm ta' impjegati kif ukoll ta' flus li jieħu ħafna tul taż-żmien. Peress illi t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern bħalissa għandha ħafna xogħol ieħor ma nħossx li jkun għaqli li dan l-eżerċizzju għandu jsir.

Skejjel — Każ dwar għalliema

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga l-allegazzjoni ta' każ ta' nuqqas ta' attenzjoni u inizjattiva ta' għalliema tal-Physics? Dettalji qed jintbagħtu separatament.

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-klassijiet tat-tielet, ir-raba' u l-ħames sena għandhom il-Physics. Kien hemm żewġ għalliema tal-Pysics, waħda ġiet trasferita u l-għalliem li ġie flokha irreżenja. Għalhekk l-istudenti tat-tielet sena għadhom mingħajr għalliem tal-Physics. Informat ukoll li l-istudenti tar-raba' u l-ħames sena għandhom għalliema tal-Physics regolari u sa llum qatt ma kien hemm ilmenti minn ġenituri jew għalliema.

Ħal Kirkop — Istallar ta' bozza

Question

Jista' il-Minsitru jintervjeni u jara li tiġi stallata bozza fi Triq San Nikola u fi Triq Bernardette Farrugia, f'Ħal Kirkop li hi triq mudlama u in vista tal-fatt li kien hemm diversi inċidenti ta' sgass fuq anzjani fl-istess triq u l-madwar?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-installazzjoni ta' bozoz ġodda ġiet devoluta lill-Kunsilli Lokali u għalhekk m'għadhiex responsabilita' ta' l-Enemalta.

Tax-Xwieki — Arbli ta' l-ex Deutschewelle

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid l-arbli ta' l-ex Deutschewelle fl-inħawi tax-Xwieki l/o Żurrieq humiex se jiġu mneħħija u meta? X'inhi r-raġuni li dawn m'għadhomx jixgħelu b'dawl aħmar bħal qabel sabiex jiġi evitat periklu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern diġa' awtorizzat lil Armata biex tneħħi l-arbli li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant.

Esproprazzjoni ta' proprjeta'

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 16527, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid bl-isem lil min ingħataw jeddijiet għal kumpens in kontrokambju għal proprjeta' esproprjata taħt l-Att (illum revokat) nru. 1 ta' l-1983 u x'inhu l-valur rispettiv li ġie attribwit lil dawn il-jeddijiet u jindika l-proprjeta' relattiva? Jista' jgħid bl-isem u prezz relattiv kemm-il jedd għall-kumpens ġie likwidat u tħallas u kemm-il jedd għadu pendenti u jindika l-proprjeta' relattiva?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi sabiex inkun nista' ngħid bl-isem, lil min ingħataw jeddijiet għal kumpens in kontrakambju għal proprjeta' esproprjata taħt l-Att Nru. 1 ta' 1983 u x'inhu l-valur rispettiv li ġie attribwit lil dawn il-jeddijiet u nindika l-proprjeta' relattiva kif ukoll ngħid bl-isem u prezz relattiv kemm-il jedd għal kumpens kif ġie likwidat u tħallas u kemm-il jedd għadu pendenti u ngħid il-proprjeta' relattiva, irid isir eżerċizzju kumpless li jinvolvi ħafna riżorsi kemm ta' impjegati kif ukoll ta' flus li jieħu ħafna tul taż-żmien. Peress illi t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern bħalissa għandha ħafna xogħol ieħor ma nħossx li jkun għaqli li dan l-eżerċizzju għandu jsir.

Mosta — Tal-Blata l-Għolja - Plots

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 16527, jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li fuq il-plots li ngħataw mill-gvern oriġinati mill-proprjeta' sitwata Tal-Blata l-Għolja fil-Mosta li ġiet esporprjata taħt l-Att (illum revokat) nru. 1 ta' l-1983 inbnew sija vilel detached u semi-detached, sija terraced houses, uħud minnhom anke bi swimming pool (ara per eżempju PA 00121/04) u dan kollu avolja li s-sidien oriġinali għadhom ma tħallsux ta' l-art?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi jista' jkun li inbnew sija detached villas u semi detached villas, sija terraced houses u uħud minnhom anke bi swimming pool. Dan kollu setgħa jsir peress li l-unika kondizzjonijiet li kien hemm fil-kuntratti tal-plots li ġew mibjugħa taħt l-Att Nru. 1 ta' l-1983 kien li jsiru benefikati ta' mhux anqas minn erba' t'efef Lira Maltin (Lm4,000) fi żmien tlett snin u ma kien hemm xejn kontra l-bini ta' detached villas jew semi-detached villas bi swimming pool.

Lands — Esproprjazzjoni ta' proprjeta'

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 16527, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jikkumpensa fi żmien raġonevoli lis-sidien għall-proprjeta' esproprjata taħt l-Att (illum revokat) nru. 1 ta' l-1983, jiġifieri bi flus ekwivalenti għall-valur ta' l-art relattiva minflok il-jeddijiet u x'miżuri se jittieħdu biex jaffettawa dan il-ħlas?

Response (BORG, TONIO)

Sabiex is-sidien oriġinali jitħallsu għall-proprjeta' esproprjata taħt l-Att Nru. 1 ta' 1983, iridu jmorru huma quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ kif jitlob l-Att Nru. 1 ta' 1983.

Lands — Esproprjazzjoni ta' proprjeta'

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 16527, jista' il-Viċi Prim Ministru jindika eżattament fejn jinsabu l-proprjetajiet kollha li ġew esproprjati taħt l-Att (illum revokat) nru. 1 ta' l-1983 u x'inhu l-kejl tagħhom? Jista' jindika eżattament u bil-kejl relattiv kemm minn dawn il-proprjetajiet se jiġu ritornati, jew diġa' ġew ritornati lis-sidien oriġinali? Jista' jindika eżattament u bil-kejl relattiv u bl-isem u prezz relattiv, liema minn dawn il-proprjetajiet ġew trasferiti mill-gvern biċċiet art lil terzi u jindika wkoll l-att/i li bih/om sar it-trasferiment/i relattivi? Jista' jgħid x'beħsiebu jagħmel il-gvern ma' dawk il-proprjetajiet li għadhom fil-pussess tiegħu u mhux se jiġu ritornati lis-sidien oriġinali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat kif ġej:- Il-proprjetajiet li ġew esproprjati taħt l-Att Nru. 1 ta' l-1983 dwar Arei għall-Iżvilupp tal-Bini huma:- 1983 B'Kara (Taż-Żwejt) Mellieħa (Ta' Penellu) Mosta (Sta Margerita) Msida (Swatar) Naxxar (Tas-Sgħajtar) Pembroke Attard (Tal-Fuklar) Qormi (Tal-Ħandaq) 1985 Dingli (Ix-Xagħra l-Kbira) Kalkara (Tal-Kappuċini) Mosta (Tal-Blata l-Għolja) Pembroke (San Ġorġ) L-Arei li qegħdin jiġu indikati hawn taħt kienu ġew ippublikati bħala arei għall-iżvilupp tal-Bini imma ma sarux:- 1985 Għaxaq (Tal-Wilga) Mġarr (L-Iskorba) Swieqi (St Andrews) Mellieħa (Ta' Selmun) Xemxija (Tal-Kortin) Żurrieq (Tal-Ġibjun) Xewkija (Ta' Lambert) Sabiex jiġi stabbilit il-kejl ta' dawn l-Arei kollha irid isir eżerċizzju sħiħ li jinvolvi ħafna ħin u riżorsi u peress li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern għandha ħafna xogħol ieħor ta' urġenza ma nħossx li jkun għaqli li għandha tieqaf mix-xogħol li qiegħda tagħmel sabiex tipprovdi din l-informazzjoni. Permezz tal-Att XXII ta' l-2001 dwar ir-Restituzzjoni ta' art esproprjata bis-saħħa ta' l-Att dwar Arei għall-Iżvilupp tal-Bini, il'fuq minn 527 tomna art ġiet restitwita lura lis-sidien permezz tal-avviż legali numru 84 li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tal-14 ta' Marzu 2003. Il-kejl kif ukoll il-pjanti tal-arei li ġew restitwitti huma indikati fuq il-gazzetta. Dawn il-527 tomna art kienu barra mill-Arei li ġew żviluppati permezz ta' bini residenzjali u toroq. Ma jirriżultax li baqa aktar art li trid tiġi restitwita lura. Għar-raġunijiet spjegati aktar 'il fuq mhux possibli li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern tindika kull plot li ingħatat minħabba li dan jinvolvi eżerċizzju kumpless li jinvolvi ħafna ħin u riżorsi. It-trasferiment ta' plots lil terzi sar taħt Att Nru. 1 ta' l-1983. Il-proprjetajiet li għadhom fil-pussess tal-gvern jikkonsistu fi plots jew biċċiet ta' art f'Arei ġa żviluppati. Il-Gvern mhux bi ħsiebu jirritorna dawn il-proprjetajiet lis-sidien oriġinali. Sa issa t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern għada ma ħadet ebda deċiżjoni x'għandha tagħmel b'dawn il-proprjetajiet imma l-ħsieb hu li tgħaddihom lill-Awtorita' tad-Djar ħalli jiddisponu minnhom huma.

Sptar Mater Dei — Xiri ta' apparat mediku

Question

B'riferenza għall-informazzjoni dwar xiri ta' apparat għall-isptar Mater Dei li tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra (PL3740) nhar l-Erbgħa 28 ta' Settembru 2005, jista' il-Prim Ministru jagħti rendikont ta' apparat mediku li nxtara għall-isptar Mater Dei bejn Ġunju 2005 u Novembru 2005 u li ma kienx imniżżel fil-lista li ġiet impoġġija fuq il-mejda tal-Kamra? Jista' jgħid kemm kien il-valur ta' dan l-apparat? Jista' jagħti rendikont tad-ditti u l-kumpanniji li mmanifatturaw dan l-apparat mediku? Jista' jagħti rendikont separat ta' l-apparat li nxtara mingħand kull ditta u l-ispejjeż involuti? Jista' jagħti rendikont ta' l-apparat li għad fadal jinxtara għall-isptar Mater Dei?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 16528 seduta Numru 340.

Ilma tal-bjut

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-liġi li tiddetta li l-ilma tal-bjut ma jistax imur fid-drenaġġ: a) inbidlitx u saretx l-oppost? b) Jekk fin-negattiv, jista' jgħid min awtorizza sabiex l-ilma li jaqa' fi Triq Ħal Manin il-Qrendi ossia Triq il-Warda jgħaddi għal ġod-drain b'detriment li dan jiżbroffa fil-basements tar-residenti tal-madwar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-liġi li tirregola li l-ilma tal-bjut ma jistax imur fid-drenaġġ ma nbidlitx. Wara nvestigazzjoni li saret mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, ġie kkonfermat li qed isir proġett mill-Kunsill Lokali tal-Qrendi dwar l-ilma tax-xita li jaqa' fit-triq Ħal Manin u triq il-Warda, liema proġett dan id-Dipartiment ma kienx involut fih. Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant wkoll li dan id-Dipartiment ma rċieva l-ebda lment mir-residenti tat-toroq imsemmija dwar xi nfiltrazzjoni fil-basements ta' dawn ir-residenti. Madankollu, dan il-każ ġie riferut lid-Dipartimenti kkonċernati sabiex issir l-investigazzjoni neċessarja.

Monti ta' Birżebbuġa

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li l-monti li jarma Birżebbuġa jibda jarma f'post ieħor u dan minħabba l-inkonvenjent li qiegħed joħloq sew għar-residenti (li f'każ ta' emerġenza m'hemmx aċċess la għal ambulanza u lanqas għal fire engine) kif ukoll għall-istess bejjiegħa (li huma sprovvisti minn faċilitajiet sanitarji u jarmaw fuq xulxin)?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li skond l-Avviż Legali 119 tal-2002 li jirregola attivitajiet li jeħtieġu permess mill-Kunsill Lokali, jekk kemm il-darba l-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa iressaq proposta quddiem dan il-ministeru sabiex jiġi rilokat is-suq preżenti għal xi post ieħor, it-talba tkun tista tiġi ikkunsidrata kif xieraq. Izda nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant li l-monti kien iċċaqlaq minn fejn kien qabel għal fejn hu llum fuq inizjattiva tal-Kunsill u bi qbil mal-Gvern.

Ħal Kirkop — Għassa tal-pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-għassa tal-pulizija ta' Ħal Kirkop, f'ħafna okkażjonijiet, tkun magħluqa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-Għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant qed ikun hemm dettaljat kuntistabbli regolarment. Madankollu, jista' jkun hemm drabi fejn l-eżiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-pulizija li jkunu għassa joħorġu fuq xogħol, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq f'dawk il-ħinijiet.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tintervjeni u tara li persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibda tirċievi l-pensjoni lilha spettanti skond il-liġi? Tista' il-Ministru tintervjeni wkoll fir-rigward ta' l-għajnuna in vista tal-fatt li hi armla u għandha żewġt itfal xi tmantni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali.

Servizz Pubbliku

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema mas-settur pubbliku (ċivil) fuq kuntratt definit tax-xogħol u kemm hawn ħaddiema mas-settur pubbliku - kumpanniji, korporazzjonijiet statali - fuq kuntratt definit tax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi fis-Servizz Pubbliku hemm 658 impjegati li huma b’kuntratt definit, u m’għandhomx grad sustantiv. Hemm ukoll 108 impjegati b’kuntratt definit fl-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. Rigward l-entitajiet fis-Settur Pubbliku li ma jaqgħux taħt id-dekasteru tiegħi, niltob lill-Onor Interpellant li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri konċernati.

Birżebbuga — Triq Zaren Dalli

Question

Jista' il-Ministru jindaga u joħroġ dawk l-ordnijiet u direttivi neċessarji u opportuni sabiex jiġi żgurat illi d-drenaġġ ma jibqax jispara fil-btieħi tar-residenti ta' Triq Zaren Dalli, Birżebbuga kull meta tagħmel ix-xita u li l-pompi stallati jkunu fi stat tajjeb ta' użu u mhux inoperabbli bħalma huma fil-preżent?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-pompi msemmija huma fi stat tajjeb ta' użu u li ser jiġi nstallat rising main ġdid biex jinqata' l-izbroff li dwaru lmenta l-Onor Interpellant.

Maltapost

Question

Jista' il-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra għalfejn il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma baqgħax jokkupa l-kariga ta' CEO mal-Maltapost li issa hija okkupata minn persuna oħra li isimha wkoll qed jintbagħat separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-persuna indikat m'għadux jokkupa l-kariga ta' CEO mal-Maltapost għax m'aċċettax il-kuntratt ġdid li ġie offrut lilu.

Substation fin-Nigret

Question

Jista' il-Ministru jgħid issa li l-kostruzzjoni tas-substation fin-Nigret, Bubaqra, Żurrieq ilha x-xhur li tlestiet, meta ser jitwaħħal l-apparat fiha sabiex tissaħħaħ il-provvista ta' l-elettriku fil-lokalita'?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-cables u l-apparat neċessarju ġie nstallat mill-Enemalta fis-substation fil-15 ta' Diċembru 2005 u bdiet taħdem minn dak in-nhar stess.

Servizz Pubbliku

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema mas-settur pubbliku (ċivil) fuq kuntratt definit tax-xogħol u kemm hawn ħaddiema mas-settur pubbliku - kumpanniji, korporazzjonijiet statali - fuq kuntratt definit tax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha ser tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.