Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fondi mill-UE

Question

Jista' il-Ministru jgħid: a) kemm ġiet allokata fondi Malta mill-Unjoni Ewropea għas-sena 2004 u 2005 separatament; u b) kemm kienu dawk li applikaw għal din l-għajnuna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher fit-tabella annessa hawn taħt : 2004 Allokazzjoni f’Euros 2004 Beneficjarji 2005 Allokazzjoni f’Euros 2005 Beneficjarji EAGGF 3,257,154.18* 81 2,742,745.82* 62 FIFG Nil Nil 3,679,061** 12*** TOTAL 3,257,154.18 81 6,421,806.82 74 * Euro 1,800,000 minn din is-somma hi minn fondi Maltin ** Euro 766,549 minn din is-somma hi minn fondi Maltin *** Din iċ-ċifra hi provisorja għaliex għad hemm proġetti li l-proċess ta’ tendering għadu għaddej jew għad m’hemmx approvazzjoni.

Sajd Ewropew

Question

In vista ta' dak li qed tħejji l-Kummissjoni Ewropea dwar is-sostenibilita' tas-sajd Ewropew, jista' il-Ministru jgħid: a) x'inhuma l-miżuri li se jittieħdu sabiex l-ispejjeż li s-sajjieda Maltin qegħdin ibatu minħabba l-eżawriment fl-għadd tal-ħażniet tal-ħut, jiġu mtaffija? b) Jekk dawn il-miżuri humiex se jkunu f'forma ta' flus jew għajnuna xorta oħra? c) X'miżuri se jipproponi l-gvern Malti sabiex jissalvagwarda u jirristruttura l-industrija tas-sajd quddiem il-Kummissjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwistjoni ta’ konservazzjoni, u għalhekk is-sostenibbiltà tas-settur tas-sajd kienu, għadhom u jibqgħu tema importanti għall-Gvern. Barra minn hekk, il-Gvern qiegħed ikompli jiddiskuti fi ħdan il-laqgħat fuq kull livell possibli biex fil-fond Ewropew għas-Sajd li għandu jiġi approvat dalwaqt jiġu kkunsidrati l-bdil tal-makni eżistenti tal-bastimenti tas-sajd b’makni ġodda aktar effiċjenti. Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tenniet li dan il-bdil jista’ jiġi ffinanzjat minn fondi statali huwa pass kbir lejn id-direzzjoni li Malta qed issostni. Dan l-istess fond Ewropew għas-Sajd irid jipprovdi wkoll l-fondi neċessarji għall-miżuri oħra indirizzati lejn il-flotta bħal ma hu l-aġġustament ta’ l-isforz tas-sajd u l-immodernizzazzjoni. Barra minn hekk, hemm bżonn li fuq livell reġjonali u Ewropew, Malta tibqa’ tissielet biex naddottaw miżuri tekniċi sabiex nillimitaw l-isforz tas-sajd fil-Mediterran għal kulħadd. Hemm bżonn ukoll li nibqgħu insostnu lill-kooperattivi rappreżentanti tas-sajjieda sabiex dawn jibqgħu jipparteċipaw fuq livell Ewropew u reġjonali fi ħdan l-istrutturi rappreżentattivi tagħhom bħal ma hi l-MEDISAMAK biex jilħqu ftehim bejniethom kollha fuq il-miżuri ta’ konservazzjoni fil-Mediterran u jaslu għal formazzjoni ta’ l-istrument importanti għal dan il-għan, li huwa r-Regional Advisory Council (RAC).

Mqabba — Triq il-15 ta' Settembru 1598

Question

Jista' il-Ministru jgħid, ġaladarba nħarġet anke l-esproprjazzjoni fil-gazzetta tal-gvern kopja hawn annessa, meta se jinbeda x-xogħol fuq Triq il-15 ta' Settembru 1598 fl-Imqabba?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-Mistoqsija Parlamentari tingħata fżseduta oħra.

Każ dwar leave ta' persuna

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għandux permess sabiex jassenti ruħu darbtejn fil-ġimgħa mill-post tax-xogħol? Għandu permess li jitlaq minn fuq il-post tax-xogħol qabel il-ħin, kuljum? Għandu permess li japplika għal sick leave b'mod esaġerat u jekk iva, x'passi ttieħdu ? Ħa leave without pay?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li ma jeżisti l-ebda mpjegat fl-Isptar San luqa bl-isem li ntbagħat separatament mal-Mistoqsija.

Ħal Kirkop — Triq 29 ta' Mejju 1552

Question

B'riferenza għal Triq 29 ta' Mejju 1552 f'Ħal Kirkop, jista' il-Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li r-rimanenti parti ta' din it-triq tiġi mogħtija wiċċ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ser issir spezzjoni fuq il-post sabiex isir rapport fuq l-istat tat-triq.

Ħal Kirkop — Provvista ta' elettriku

Question

Jista' il-Ministru jintervjeni u jara li jittieħdu dawk il-miżuri relattivi sabiex Triq il-Militar f'Ħal Kirkop tkun provduta bi provvista ta' elettriku stabbli u kostanti?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li x-xogħol meħtieġ biex il-provista ta' l-elettriku tiġi kif meħtieġ huwa lest u għandu jibda juri l-effett tiegħu fi ftit ġranet oħra.

Ħal Kirkop — Bus stop

Question

Jista' il-Ministru jordna/jintervjeni sabiex isir bus stop adebilit fi Triq San Pietru, f'Ħal Kirkop?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li fl-10 ta' Marzu, 2006 id-Direttorat dwar it-Trasport Pubbliku kellu laqgħa mall-Kunsill Lokali ta' Ħal Kirkop fejn saru diversi talbiet f'dan ir-rigward. Għaldaqstant, fil-futur immedjat l-Awtorita' ser twettaq din ir-rikjesta.

Marsa — Triq is-Salib

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk Triq is-Salib, Marsa hijiex privata jew pubblika? Jekk hi privata, jista' jgħid il-gvern qattx ta wiċċ lil din it-triq? Jista' jgħid jekk il-fatt li din tinfed ma' l-iżvilupp ta' triq oħra jirrendihiex privata? X'inhi r-raġuni li ma ġietx espropriata? X'passi se jittieħdu, stante illi r-residenti huma sprovisti minn servizzi, bħal tal-ħobż, gas, pitrolju minħabba terz li qiegħed jallega li hi privata u qed jistitwixxi proċedura kriminali kontra talin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress li Triq is-Salib hija pjuttost twila, riferenza għall-pożizzjoni partikolari tista’ tiffaċilita' l-proċess ta’ riċerka li jrid isir sabiex tingħata risposta korretta.

Mqabba — Triq Dun Giacomo Tortella

Question

Jista' il-Ministru, għar-rigward ta' Triq Dun Giacomo Tortella fl-Imqabba, jgħid: a) meta din it-triq se tingħata wiċċ issa li l-bini fl-istess triq tela' kollu? b) meta se tiġi ffurmata s-service road li tgħaqqad Triq Dun Giacomo Tortella ma Vjal il-Konvoj ta' Sta. Marija?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Shipbuilding — Parking

Question

B'riferenza għal parking li jinsab fl-ex-shipbuilding, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li dan jiġi trasformat fi ġnien/area ta' rikreazzjoni għat-tfal/residenti ta' Albert Town?

Response (BORG, TONIO)

Il-Gvern għadu ma ħax deċiżjoni dwar l-aħjar użu li għandu jsir mill-art li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant.

Ħal Kirkop — Sprayer/painter

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid, għar-rigward ta' l-isprayer/painter li jinsab fi Triq iż-Żebbiegħ f'Ħal Kirkop, li qiegħed dar ma' dar ma' skola tal-gvern: a) hux jopera bil-permess; b) x'posibbilta' hemm, jekk fl-affermattiv, li jiġi allokat banda oħra u dan minħabba l-fumes li jikkawża li hu ta' dannu għal saħħet il-ġirien u l-istudenti?

Response (BORG, TONIO)

Ser issir ri-lokazzjoni fil-Qasam Industrijali ta' Ħal Luqa tal-garaxx in kwestjoni mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern u d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni; dan ser isir in vista tal-Pjan mniedi sentejn ilu mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni ta' espansjoni tal-iskola eżistenti u l-bini ta' kumpless sportiv ġdid. Diġa' nħarsu l-permessi tal-MEPA għall-bini ta' post alternattiv u malli dan ikun lest issir ir-rilokazzjoni.

Mqabba — Spazju għal rikreazzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jitnaddaf l-ispazju kbir li huwa ntiż bħala spazju għar-rikreazzjoni tal-pubbliku fi Triq Dun Giacomo Tortella, fl-Imqabba u x'tip ta' ippjanar hemm għal kif dan l-ispazju għandu jiġi żviluppat u utilizzat?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalita’ legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali ikkonċernat.

Benghajsa — Triq Carmel

Question

In vista tal-fatt li t-triq bejn il-freeport u Ħal Far qiegħda tingħata wiċċ ġdid, u cioe' issir mill-ġdid, jista' il-Ministru jara li d-drenaġġ jiġi estiż sabiex jilħaq Triq Carmel f'Benghajsa, sabiex fil-futur din it-triq ġdida ma jkollix għalfejn tinqala' bi ħsara għall-istess triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Marsa — Tindif ta' Toroq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li Triq Chester u Gadrija f'Albert Town il-Marsa jiġu mnaddfa?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalita’ legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali ikkonċernat.

Imqabba — Hall ta' l-iskola

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu ppjanat li titlesta l-hall ta' l-iskola ta' l-Imqabba li ilha fi stat ta' ġebel u saqaf għal żmien twil?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xoghol miexi skond kif kien proġettat. Bħalissa qegħdin isiru xogħolijiet ta' finishings fuq ġewwa u fuq barra, u fl-istess ħin ser jitkomplew x-xogħolijiet ta' bini fuq in-naħa fejn qiegħed is-substation, liema xogħol kellu jistenna sakemm tlesta x-xogħol ta' shifting tal-cables minn naħa tal-Enemalta. Ix-xogħolijiet għaddejjin kif kienu ppjanati u l-proġett għandu jitlesta kif kien ipprogrammat.

Ħal Kirkop — Triq 29 ta' Mejju 1552

Question

B'riferenza għal Triq 29 ta' Mejju 1552 f'Ħal Kirkop, jista' il-Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li r-rimanenti parti ta' din it-triq tiġi mogħtija wiċċ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Għoti ta' Benefiċċji

Question

Tista' il-Ministru, għar-rigward tad-dettalji li qegħdin jintbagħtu separatament, tgħid x'inhi r-raġuni li mhijiex intitolata għal benefiċċju tal-mard meta d-dħul hu daqstant?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata direttament bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Ex shipbuilding — Xogħol ta' blasting

Question

Jista' il-Ministru jara x'passi jistgħu jittieħdu sabiex kull meta jsir il-blasting fl-ex shipbuilding dan ma jkunx ta' inkonvenjent għar-residenti u ħaddiema konsegwenza tat-trabb u materjal li joħnoq l-area?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' blasting ġewwa s-sit tal-Marsa tal-Malta Shipyards ġie mnaqqas sal-livell minimu u li jissodisfa l-bżonnijiet tal-klijenti. Ix-xogħol ta' blasting isir ġewwa postijiet magħluqa jew inkella fil-baċir stess sabiex b'hekk jitnaqqas kemm jista' jkun l-impatt lokali. Ix-Shipyards naqqsu l-impatt billi fejn ikun possibbli jevitaw li jsir xogħol ta' blasting f' "open areas".

Inċineratur tal-biċċerija

Question

Jista' il-Ministru jgħid: a) fiex wasal il-proġett sabiex jiġi stallat l-apparat neċessarju fl-inċineratur tal-biċċerija sabiex tittaffa r-riħa u x-xaħmijiet li joħorġu miċ-ċumnija ta' l-istess? b) meta dan l-apparat se jiġi stallat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17644.

Lands — Esproprjazzjoni ta' proprjeta'

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 16527, jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li qed issir diskriminazzjoni kontra s-sidien oriġinali tal-proprjetajiet esproprjati taħt l-Att (illum revokat) nru. 1 ta' l-1983?

Response (BORG, TONIO)

L-amendi tal-Kapitlu 88 dwar l-Ordinanza dwar l-Akkwist ta' l-Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi permezz tal-Abbozz Numru 58 tal-2005, b'ebda mod ma qegħdin jagħtu xi vantaġġ lil dawk is-sidien illi l-proprjeta' tagħhom ġiet esproprjata fit-tmeninijiet taħt din il-liġi. Is-sidien illi l-proprjeta' tagħhom ġiet esproprjata taħt Att Numru 1 ta' l-1983 dwar Arei għall-Iżvilupp tal-Bini qegħdin jiġu kkompensati bil-mod li tipprovdi l-liġi stess sakemm l-Onor. Interpellant mhux qed jimplika li l-liġi ta' l-1983 li għadda il-Gvern iffurmat mill-partit li tiegħu hu deputat, hija diskriminatorja.