Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li l-casuals mal-gvern li ilhom għal diversi snin, in vista ta' dak li tirregola l-Unjoni Ewropea f'dan ir-rigward, isiru tal-post?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista' il-Ministru tindaga u tgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, mhijiex tiġi mogħtija l-attenzjoni u l-għajnuna neċessarja avolja huwa każ li jimmerita attenzjoni u għajnuna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk l-għajnuna li qed tistenna li tirċievi l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant hi s-sussidju li kienet tieħu fuq kera tal-post mikri mill-privat, ninsab infurmata li tard is-sena l-oħra din il-persuna kienet infurmat lill-Awtorita' tad-Djar li kienet telqet mill-post li kienet qed tieħu s-sussidju fuqu u marret toqgħod ma' persuna oħra f'appartament tal-Gvern.
Jista' il-Prim Ministru jgħid: a) kemm hemm karozzi ngaġġati mal-Capital Transfer Duty/Monte di Pieta'; b) min juża dawn il-karozzi; c) kemm hemm użati mill-istaff għal qadi ta' dmirijiet u x'tip; d) kemm-il mil jagħmlu kuljum; e) kemm hu l-konsum tal-petrol; f) kemm weħlu ċitazzjonijiet kull vettura u x'tip kienu e.g. parking, overspeeding, etc. g) min ħallas l-istess; h) kienx hemm każi fejn dawn il-vetturi ntużaw għal skop personali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk saritx xi ħsara fuq ix-shelters u fuq l-imtali waqt il-ħidma fuq il-bini tal-kulleġġ San Benedittu f'Ħal Kirkop?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma saret l-ebda ħsara fuqhom. Informat ukoll li x-xelters u l-ħajt ta' l-Imtali kienu protetti u 'monitored' waqt il-perjodu tal-kostruzzjoni skond kif rikjest fil-permess tal-MEPA.
Jista' il-Prim Ministru jgħid: 1) kemm saru investigazzjonijiet fis-suċċessjoni/capital transfer duty u Monte di Pieta' f'dawn l-aħħar għaxar snin? 2) X'kienet ir-raġuni? 3) X'irriżulta minn kull waħda minn dawn l-investigazzjonijiet? 4) X'kien l-eżitu/azzjoni fil-konfront ta' kull investigazzjoni? 5) Kemm minn dawk investigati kienu jikkonċernaw persuni li għandhom konnessjoni familjari ma' individwi fl-amministrazzjoni tad-dipartiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
In vista tal-fatt li t-triq bejn il-freeport u Ħal Far qiegħda tingħata wiċċ ġdid, u cioe' issir mill-ġdid, jista' il-Ministru jara li d-drenaġġ jiġi estiż sabiex jilħaq Triq Carmel f'Benghajsa, sabiex fil-futur din it-triq ġdida ma jkollix għalfejn tinqala' bi ħsara għall-istess triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li s-sistema tad-drenaġġ se tiġi estiża max-xogħol li qed isir biex fil-futur din it-triq ġdida ma jkollhiex għalfejn tinqala.
Jista' il-Ministru jgħid, ġaladarba nħarġet anke l-esproprjazzjoni fil-gazzetta tal-gvern kopja hawn annessa, meta se jinbeda x-xogħol fuq Triq il-15 ta' Settembru 1598 fl-Imqabba?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi din it-triq qiegħda fil-lista ta' toroq li jridu jsiru mill-Awtorita' dwar it-Trasport. L-ADT toħroġ numru ta' tenders sabiex isiru numru ta' toroq minn żmien għal żmien skond il-prijoritajiet li tirriżulta minn diversi fatturi bħal żvilupp fit-triq, expropjazzjoni, formazzjoni tat-triq, kobor tal-proġett u żmien ta' kemm ilha ffurmata it-triq.
Ħal Kirkop — Parkeġġ użat minn dilettanti ta' l-ajruplani
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux korrett li l-parking preżentement utilizzat minn dilettanti ta' l-ajruplani fi Triq l-Industrija fl-inħawi tal-Karwija ġewwa Ħal Kirkop, hux se jiġi anness ma' l-art tal-forzi armati biex tintuża bħala garaxx minnhom?
Response (BORG, TONIO)
Għalkemm mhux ċar għal liema proprjeta' qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, ninsab infurmat li sa issa it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern m'għandha l-ebda talba fis-sens indikat fil-mistoqsija tiegħu. L-anqas ma jirriżulta li hemm xi forma ta' titolu favur xi dilettanti tal-ajruplani fuq art tal-Gvern fi Triq l-Industrija f'Ħal Kirkop.
Jista' il-Ministru jgħid kemm l-FTS nefqet flus bħala kumpens lill-komunita' fuq restawr ta' siti storiċi fl-inħawi tal-Kulleġġ San Benedittu f'Ħal Kirkop? F'każ li l-FTS wettqet xi restawr, liema huma u x'baqa' isir?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Onor. Interpellant jaf li l-permessi għall-bini li toħroġ il-MEPA jieħdu in konsiderazzjoni aspetti li jirrigwardjaw il-patrimonju kulturali li jista' jkun hemm fuq is-sit. L-FTS qed tosserva dawn l-aspetti kif mitlub fil-permess.
Jista' il-Ministru jara, wara li fallew il-proċeduri normali, li jinbidel il-wire li jissuplixxi l-konsum lil bozza W064-31 li tinsab imwaħħla mal-Knisja ta' Ħal Kirkop?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-linja 34 hemmx il-ħsieb li tinbidel ir-rotta tagħha u cioe' hix se tibqa' tgħaddi mill-pjazza kif minn dejjem kienet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li bħalissa għaddejjin taħtidiet bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta, l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku u l-Kunsill Lokali ta' Ħal Kirkop sabiex isir xi tibdil fir-rotta li taffettwa lir-residenti tal-lokalita' ta' Ħal Kirkop. Dan it-tibdil ser isir sabiex jiġi estiż is-servizz fl-inħawi tal-Housing Estate.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jkun lest il-ground ta' l-iskola primarja San Benedittu?
Jista' jagħti breakdown ta' l-ispiża fuq l-istess proġett ossia ground u xi kriterji ntużaw fl-għoti tat-tenders għax-xogħol li twettaq s'issa?
Jista' jgħid intlaħaqx il-pjan ta' azzjoni fuq il-ħidma ta' l-istess ground? Jekk fin-negattiv, għaliex u x'kienu d-diffikultajiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 18398.
Jista' il-Prim Ministru jispjega għaliex uffiċjali mid-dipartiment tat-taxxi taw struzzjonijiet lill-uffiċjali mid-dipartiment tas-subbasti biex iżommu 7% mir-rikavat ta' kull bejgħ bis-subbasta bħala capital gains u dan minkejja l-istqarrija tal-Prim Ministru stess li l-eżenzjoni mill-capital gains ta' bejgħ b'subbasti se tibqa' mhux mittiefsa? Ara budget speech ta' din is-sena fl-aħħar paragrafu, paġna 32.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-ministeru sabiex iġib lil bdiewa konxji mill-fatt li jridu japplikaw issa għal fondi mill-UE? X'qed jagħmel il-ministeru sabiex jiffaċilita u jgħin lil bdiewa japplikaw?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li kull bidwi rreġistrat irċieva fuljett ta' tagħrif estensiv rigward l-applikazzjoni għal għajnuna fuq 12-il miżura. F'dan il-fuljett ingħata tagħrif fuq kull miżura, meta bdiet tintlaqa’ l-applikazzjoni u meta tagħlaq, kemm kienet l-għajnuna u liema rata tapplika. Barra minn hekk, il-bidwi qed jingħata tagħrif ta' x'inhuma l-obbligazzjonijiet li hu jrid jaċċetta li jirrispetta biex ikun eliġibbli għal għajnuna bħal ma huma il-prattiċi għal biedja għaqlija u kondizzjonijiet oħra ambjentali inklużi dawk imsejħa Cross-Compliance.
Saru laqgħat ta' informazzjoni ma’ l-assoċjazzjoni tal-bdiewa, u kooperattivi, kif ukoll jitħaddem freephone li jilqa’ kull diffikultà li jistaqsu l-bdiewa. L-applikazzjoni hija elettronika u magħmula b'tali mod li l-bidwi ma hemmx għalfejn jimla karti, iżda jġib miegħu pjanti magħmula mid-dipartiment ta' l-Integrated Administration and Control System (IACS) stess bla ħlas, u jiddikjara fuq liema għajnuniet irid japplika, u xi prodott ikabbar fuq l-art li jaħdem. Il-bidwi jingħata kopja ta' l-applikazzjoni li jkun għamel elettronikament permezz ta' l-Uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Integrated Administration and Control System (IACS), u dan ikun jista’ jirrevediha ġo daru u wara, jekk jkun il-każ, jitlob tibdil fi żmien stipulat. Barra minn hekk, bdiewa li jaħdmu aktar minn 40 tomna raba qed jingħataw appuntamenti nhar ta’ Sibt u Ħadd. Il-ħin meta jintlaqgħu l-applikazzjonijiet mit-Tnejn sal-Ġimgħa ġie wkoll estiż biex kull bidwi jkun jista’ japplika l-Għammieri fuq it-12-il miżura f'ġurnata waħda. Sar ukoll eżerċizzju biex bdiewa minn ċerti lokalitajiet ġew mitluba japplikaw fi żmien speċifikat biex l-ammont ta' applikazzjoniijiet jkun imqassam kemm jista’ jkun ugwalment bl-anqas inkonvenjent għall-bidwi.
Jisa' il-Ministru jgħid kemm hemm bdiewa reġistrati ma' l-uffiċċju għall-amministrazzjoni u kontroll ta' l-art agrikola (IACS)?
Jista' jgħid kemm minn dawn il-bdiewa applikaw għal xi għajnuna finanzjarja?
Jista' jgħid kemm kien hemm bdiewa reġistrati li ma humiex sid tar-raba li ddikjaraw li jaħdmu u hemm min minnhom irċieva għajnuna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ bdiewa reġistrati fl-uffiċċju għall-Amministrazzjoni u l-Kontroll ta’ l-Art Agrikola (IACS) huwa ta’ 14,098. Għad m’hemmx statistika li turi jekk dawn il-bdiewa humiex is-sidien tar-raba’ li jaħdmu.
Fis-sena 2004 kien hemm 6,257 applikazzjoni għall-għajnuna finanzjarja, waqt li fis-sena 2005 saret 4,950 applikazzjoni. Din is-sena, s’issa daħlu 2,453 applikazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu dawk li applikaw sabiex jirċievu għajnuna derivanti mill-Unjoni Ewropea: a) għar-restawr ta' ħitan tas-sejjieħ ta' l-ilqugħ; b) għall-ipproċessar tat-tadam; c) għat-tkabbir ta' frott u ħxejjex; d) għajnuna lil min jipprattika l-biedja u tkabbir ta' dwieli; u kemm kienu l-fondi allokati f'kull kategorija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jista’ l-Onorevoli Membru jindika għal liema perjodu qed jirreferi?