Legislature:
Category:
Reset
Active:

Każ dwar pensjoni

Question

B'riferenza għal persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li ilu li spiċċa mix-xogħol mill-1998 u sal-lum il-pensjoni dovuta lilu għadha ma nħadmitx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fil-fatt, il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ilha tirċievi pensjoni tas-Sigurta' Soċjali regolarment mill-1998.

Każ dwar Ħanut

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-sid tal-ħanut li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament għad li għandu diversi enforcmenet orders u mhux kopert bil-permessi rikjesti mil-liġi, se jibqa' jikser il-liġi mingħajr ma tittieħed azzjoni sabiex jinżamm mil-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija irriżulta illi l-istabbiliment imsemmi mill-Onorevoli Interpellant huwa kopert bil-liċenzji tan-negozju meħtieġa. Jidher pero' li hemm xi enforcement notice minn naħa tal-MEPA. Għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Birżebbuga — Sqaq il-Qoton

Question

Jista' il-Ministru jara li Sqaq il-Qoton f'Ġebel Road u cioe' Sqaq il-Qoton f'Birżebbuga jingħata wiċċ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saret spezzjoni fl-imsemmi sqaq minn uffuċjali tal-Awtorita' dwar it-Trasport. Irriżulta li dan l-isqaq huwa asfaltat u m’huwiex fir-responsabbilita’ ta’ l-ADT.

Sigurta' Soċjali

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija fil-konfront tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u b'riferenza għad-dokument li wkoll qed jintbagħat separatament, tista' il-Ministru tindika għalfejn id-dipartiment qed jgħid li kkonsidra 52 bolla għas-sena 2001 meta jirriżulta li ġew ikkonsidrati 42 biss?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Ħal Kirkop — Bozza mwaħħla mal-knisja

Question

Jista' il-Ministru jara, wara li fallew il-proċeduri normali, li jinbidel il-wire li jissuplixxi l-konsum lil bozza W064-31 li tinsab imwaħħla mal-Knisja ta' Ħal Kirkop?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret jirriżulta li ma hemmx il-ħtieġa li jinbidel il-wire li jissuplixxi din il-bozza. Din il-bozza qed tixgħel normali.

Importazzjoni ta' skrataċ — Ħlas ta' ECO tax

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma jekk titħallasx ECO tax fir-rigward ta' skrataċ importati għal skop ta' sparar fuq plattini (24gr)? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid għalfejn din it-taxxa qegħda tiġi mposta fuq l-importazzjoni ta' skrataċ vojta ntenzjonati sabiex jiġi kkargat fihom materjal ta' 24 gr għal sparar fuq plattini lokalment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.

Pensjoni — Ħlas ta' bolol

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għas-sena 2001 ġew kkonsidrati biss 40 bolla bħala mħallsa għall-fini ta' pensjoni meta fil-fatt huwa kellu mħallas 52 bolla? Tista' tispjega wkoll x'inhi r-raġuni li l-bolol imħallsa għas-sena 2004-05 ma ġewx meħuda in konsiderazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Acting Head

Question

Jista' il-Ministru jgħid fuq liema kriterji l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ġiet promossa għal grad ta' Acting Head meta: a) fil-mument li ġiet promossa kien hemm għalliema oħra fuq il-waiting list għall-istess pożizzjoni; b) ma kenitx eliġibbli li toqgħod għal interview peress li ma kellhiex għaxar snin esperjenza bħala għalliema, ma kellhiex il-kwalifiki meħtieġa u hemm oħrajn li huma senior tagħha? Jista' jgħid kif min scale 9 din il-persuna ġiet scale 6? Jista' jgħid jekk il-persuna ndikata hijiex se tirritorna fil-post oriġinali tagħha u cioe' tgħallem?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-każ ta' l-iskola primarja konċernata, li minħabba n-numru ta' tfal mhix intitolata għal Assistent Kap, id-Direttur ta' l-Operat sejjaħ l-għalliem anzjan biex jaġixxi ta' kap ta' l-iskola sakemm jinħatar il-Kap. Il-pożizzjoni ta' Aġent Kap ma hix promozzjoni fi grad sostantiv li għaliha jkun hemm applikazzjoni jew xi waiting list. Meta jinħatar il-Kap min ikun Aġent Kap jirritorna lura fuq xogħolu fil-klassi. L-Onor. Membru hu informat ħażin dwar l-iskala ta' salarju li fiha tinsab il-persuna konċernata.

Art fil-bajja ta' San Ġiljan

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħarraf lill-Kamra liema art fil-bajja ta' San Ġiljan (Spinola Bay) tista' tintuża mill-operaturi ta' restaurants li hemm u liema art hija għad-dispożizzjoni tas-sajjieda? Jista' jgħarraf lill-Kamra b'liema kondizzjonijiet ingħatat lil dawn ir-ristoranti?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta tal-bajja ta' Spinola li turi lokalitajiet mogħtija b'encroachment mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern fejn jistgħu jitpoġġew imwejjed u siġġijiet minn stabbilimenti. Il-parti tal-mistoqsija dwar liema art hija għad-disposizzjoni tas-sajjieda għandha ssir lil Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent.

Mqabba — Triq Dun Giacomo Tortella

Question

Jista' il-Ministru, għar-rigward ta' Triq Dun Giacomo Tortella fl-Imqabba, jgħid: a) meta din it-triq se tingħata wiċċ issa li l-bini fl-istess triq tela' kollu? b) meta se tiġi ffurmata s-service road li tgħaqqad Triq Dun Giacomo Tortella ma Vjal il-Konvoj ta' Sta. Marija?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ix-xogħol ta' bini fi Triq Giacomo Tortella u s-service road ma' Vjal il-Konvoj ta' Sta Marija m'ilux wisq li tlesta. Ix-xogħol ta' kostruzzjoni f'dawn it-toroq qiegħed fil-lista ta' xogħlijiet li jridu u li qed isiru fl-Imqabba. M'ilux id-Direttorat tat-toroq għamel xogħol ta' toroq fi Triq Mons A.Caruana, Triq Ġanni Darmanin u Triq Xandru Farrugia u fil-ġimgħat li ġejjin ħa jkun qed isir xogħol fi Triq il-Familja Brancati, Triq l-iSpnar u Triq it-Torba.

Persuni self-employed

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm huma dawk is-self-employed li bbenefikaw minn xi għajnuna naxxenti mill-budget jew naxxenti mill-UE?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex ikun iktar ċar fil-mistqosija tiegħu u jikkjarifika għal liema snin irid din l-informazzjoni. Nitolbu wkoll jikkjarifika jekk l-għajnuniet li hu qed jistaqsi dwarhom humiex diretti jew indiretti.

Bejgħ bis-subbasta — Capital gains tax

Question

Jista' il-Prim Ministru jispjega għaliex uffiċjali mid-dipartiment tat-taxxi taw struzzjonijiet lill-uffiċjali mid-dipartiment tas-subbasti biex iżommu 7% mir-rikavat ta' kull bejgħ bis-subbasta bħala capital gains u dan minkejja l-istqarrija tal-Prim Ministru stess li l-eżenzjoni mill-capital gains ta' bejgħ b'subbasti se tibqa' mhux mittiefsa? Ara budget speech ta' din is-sena fl-aħħar paragrafu, paġna 32.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-artiklu 5A (introdott bl-Att II ta’ l-2006) fih numru ta’ esklużjonijiet u numru ta’ eżenzjonijiet. L-esklużjonijiet jirreferu għal dawk it-trasferimenti li mhumiex taxxabbli taħt l-artiklu 5A bit-12% imma huma taxxabbli xorta waħda taħt xi artiklou ieħor fil-liġi. L-eżenzjonijiet jirreferu għal trasferimenti li fihom infushom huma taxxabbli imma li qed jiġu meqjusin li mhumiex taxxabbli taħt l-ebda artikolu tal-liġi. Il-paragrafu tad-Diskors imsemmi juża l-kelma ‘eżenzjonijiet’ kemm għal dawk it-trasferimenti li ġew eskluzi minn dan l-artiklu l-ġdid kif ukoll għal dawk li ġew eżentati mit-taxxa. F’dan is-sens baqgħet l-eżenzjoni fejn ikun kaz ta’ trasferiment ta’ proprjeta’ residenzjali jew assenjament ta’ proprjeta’ b’konsegwenza ta’ separazzjoni. Dawn, flimkien ma eżenzjonijiet oħrajn, japplikaw kemm taħt l-artiklu 5 (qligħ kapitali) kif ukoll taħt l-artiklu l-ġdid 5A (bit-12%). Dwar trasferimenti bis-subbasta tajjeb wieħed jgħid li l-liġi tat-Taxxa fuq id-Dħul qatt ma pprovdiet ezenzjoni mit-taxxa. Sal-lum dawn kienu taxxabbli taħt l-artiklu 5 (qligħ kapitali) u l-paragrafu tad-Diskors imsemmi jgħid biss li l-bdil fis-sistema tat-taxxa għal rata ta’ 12% finali mhux se tolqot trasferimenti bis-subbasta għax dawn se jibqgħu taxxabbli taħt is-sistema ta’ qabel. L-Att II ta’ l-2006 qiegħed mhux jeżenta imma jeskludi dawn it-trasferimenti mill-artiklu 5A, fis-sens li dawn it-trasferimenti jibqgħu intaxxati bis-sistema’ ta’ qabel. L-Att II ta’ l-2006 qiegħed mhux jeżenta imma jeskludi dawn it-trasferimenti mill-artiklu 5A, fis-sens li dawn it-trasferimenti jibqgħu intaxxati bis-sistema ta’ qabel. Għaldaqstant tajjeb qed isir bħalissa li tinzamm it-taxxa provvizorja ta’ 7% fuq il-valur tat-trasferiment.

Monte di Pieta' — Investigazzjonijiet

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid: 1) kemm saru investigazzjonijiet fis-suċċessjoni/capital transfer duty u Monte di Pieta' f'dawn l-aħħar għaxar snin? 2) X'kienet ir-raġuni? 3) X'irriżulta minn kull waħda minn dawn l-investigazzjonijiet? 4) X'kien l-eżitu/azzjoni fil-konfront ta' kull investigazzjoni? 5) Kemm minn dawk investigati kienu jikkonċernaw persuni li għandhom konnessjoni familjari ma' individwi fl-amministrazzjoni tad-dipartiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi f’dawn l-aħħar għaxar snin saret investigazzjoni waħda li tolqot l-operat tal-Monte di Pieta’. Minħabba li l-kaz qiegħed f’idejn il-pulizija mhux opportune li jingħataw dettalji f’dan l-istadju.

Kulleġġ San Benedittu

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fit-taħmil u l-kostruzzjoni tal-Kulleġġ San Benedittu f'Ħal Kirkop nstabux siti storiċi? Il-kuntrattur għadu marbut bil-bond li kellu jiddepożita l-bank sabiex jagħmel tajjeb għal dawk il-ħsarat li setgħa kkawża lil siti storiċi fil-madwar ta' l-istess kulleġġ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fis-sit in kwestjoni ma nstabux siti storiċi. It-taħmil u l-kostruzzjoni tal-Kulleġġ San Benedittu kienu 'monitored' skond kif rikjest mill-permess tal-MEPA.

Menqa ta' San Pawl

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għar-rigward tax-xogħlijiet ta' kostruzzjoni ta' pedament li qed isir flok dar qadima li twaqqgħet ħdejn il-Menqa ta' San Pawl , ingħatax xi permess mid-dipartiment ta' l-artijiet biex is-sidien jieħdu, jibnu u jagħlqu l-passaġġ li kien hemm minn żmien immemorabbli minn quddiem l-istess sit? Jista' jgħid jekk id-dipartiment ta dan il-kunsens, qabel iddeċieda, ħax in konisderazzjoni l-fatt illi issa l-pubbliku in ġenerali jrid jgħaddi bilfors minn trejqa bilkemm tgħaddi karozza u dan bil-perikli kollha immaġinabbli?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta' l-Artijiet għamel spezzjoni fil-post indikat mill-Onor. Interpellant u qiegħed jinvestiga il-każ aktar fid-dettal.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tinvestiga x'inhi r-raġuni li persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qegħda tirċievi bħala pensjoni Lm49 fix-xahar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Ħaddiema li tilfu l-impjieg

Question

Jista' il-Ministru jgħid Malta x'passi ħadet sabiex tibbenefika mill-fond Ewropew ġdid b'appoġġ għall-ħaddiema li sfaw vittma ta' l-impatt negattiv tal-ftuħ tas-suq? Jista' jgħid kemm minn dawk il-ħaddiema li tilfu l-impjieg jew kellhom jagħlqu n-negozju tagħhom bħala konsegwenza diretta tal-ftuħ tas-suq ġew individwalizzati u se jibbenefikaw minn dan il-fond? Jista' jgħid kif dawk kollha ntitolati se jiġu nformati b'din l-għajnuna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-European Globalisation Adjustment Fund se jkun amministrat mill-Planning and Priorities Co-ordination Division fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Informat ukoll id-diskussjoni dwar is-suġġett għadha sejra (bħalissa qiegħdha fis-Social Questions Working Party) u ma hemmx deċiżjoni finali dwar kemm il-pajjiżi se jkunu allokati flus. Malta qed tinsisti sabiex il-kriterji ta' intervent jiġu modifikati biex ikopru r-realta' u ċirkostanzi speċifiċi ta' l-ekonomija Maltija. Li qed titlob Malta hu li dawn il-kriterji jkunu aktar flessibbli sabiex jieħdu in konsiderazzjoni l-impatt ta' xokk fis-settur ta' l-impiegi vis-a-vis id-daqs ta' reġjun partikolari.

Ħaddiema li tilfu l-impjieg

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm se tiġi allokata Malta, b'riżultat ta' l-impatt tal-ftuħ tas-suq li konsegwenza ta' hekk ħafna ntemmilhom l-impjieg b'riżultat tal-bidliet fl-aġġustamenti relatati mal-kummerċ, mill-fond Ewropew ġdid b'appoġġ għall-ħaddiema?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 18409.

Ħaddiema — Riskji marbuta ma radjazzjoni ottika

Question

B'riferenza għall-ftehim li sar mal-Kunsill tal-Ministri fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni biex il-ħaddiema jitħarsu minn riskji marbuta ma radjazzjoni ottika, jista' il-Ministru jgħid: a) ġaladarba sorsi naturali bħax-xemx ġew eliminati u Malta l-ikbar radjazzjoni h ija x-xemx, jista' jgħid x'kienet ir-reazzjoni ta' Malta? b) F'liema stadju waslet Malta fl-addozzjoni ta' din il-liġi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li Malta qablet mal-pożizzjoni konċiljatorja li titneħħa r-riferenza għal sorsi naturali ta’ din it-tip ta’ radjazzjoni mill-abbozz tad-Direttiva dwar Protezzjoni kontra r-Radjazzjoni Ottika. Informat ukoll li fil-preżent l-abbozz tad-direttiva jinstab fil-fażi tat-tielet qari quddiem il-Kunsill, u allura la għadu ġie addottat u lanqas m’hemm ħjiel dwar l-eventwali data tal-pubblikazzjoni fil-ġurnal Uffiċċjali.

Oġġetti pirotekniċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid: a) x'irriżulta mill-konsultazzjonijiet minnu miżmuma u li kellhom jagħlqu fil-15 ta' Marzu 2006 in konnessjoni mad-direttivi ġodda dwar it-tqegħid fis-suq ta' oġġetti pirotekniċi? b) Jekk il-projbizzjoni għal użu ta' l-istess lokalment waqt attivitajiet u festi, tneħħietx? c) X'riżultati u konklużjonijiet waslet għalihom l-awtorita' Maltija dwar l-Istandards, għar-rigward ta' l-istess suġġett in segwitu għal konsultazzjonijiet minnha mitluba?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li saru diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni bejn l-uffiċjali għoljin tal-Awtorita’ Maltija dwar l-iStandards flimkien ma' l-uffiċjali tal-Ministeru għall-Kompettitivita’ u Komunikazzjoni, l-ewwel internament mal-Kumitat dwar l-Esplożivi fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern u aktar tard mal-Membri ta’ l-Għaqda Piroteknika Maltija, mad-detenturi tal-liċenzji tal-kmamar tan-nar liċenzjati, mal-importaturi ta’ materjal li jintuża fil-manifattura tan-nar, kif ukoll ma individwi oħra li talbu li jiltaqgħu mal-istess uffiċjali, biex tiġi spjegata l-proposta u tkun definita l-pożizzjoni tal-Gvern Malti għall-waqt it-taħdidiet fil-Kunsill Ewropew li mistennija jibdew aktar tard din is-sena. Matul dawn il-konsultazzjonijiet, kien hemm appoġġ qawwi għall-pożizzjoni li qed jieħu l-Gvern Malti favur il-proposta tal-Kummissjoni Ewropeja, b’riżerva importanti li Malta diġa għamlet sa minn Mejju 2005 permezz tar-Rappreżentant Permanenti tagħha fi Brussell, jiġifieri illi l-manifattura tradizzjonali tal-logħob tan-nar f’Malta m’għandhiex tintmiss. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija wieħed irid itenni illi f’dan l-istadju, għadna biss qed nitkellmu fuq proposta għall-Direttiva u mhux "Direttiva". L-Ordinanza dwar l-Esplożivi (Kap 33) u r-regolamenti l-oħra kollha li joħorġu minnha ser jibqgħu fis-seħħ. Ta’ min wieħed jisħaq illi waqt il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, Malta ser tinsisti li għandu jkun hemm distinzjoni netta bejn logħob tan-nar intenzjonat għall-użu kummerċjali. Hareġ biċ-ċar matul l-istess konsultazzjonijiet illi min fost ‘l fuq minn 800 liċenzjat « A » jew « B » li għandna f’ Malta jixtieq li jieħu vantaġġ mis-suq kbir Ewropew li ser ikun qed jinfetaħ permezz ta’ din id-Direttiva u jibda jimmanifatura l-logħob tan-nar b’għan kummerċjali, ser ikun jista’ jagħmel dan b’aktar faċilita’ u bi tnaqqis konsiderevoli fl-ispejjeż, minħabba li valutazzjoni waħda għall-konformità CE se tieħu post sa 25 proċedura ta’ approvazzjoni parallela. L-Awtorita’ għaldaqstant tikkonsidra illi bl-emendi Maltin, il-benefiċċji ewlenija għandhom ikunu: it-tnaqqis tal-piżijiet fuq l-intrapriżi permezz ta’ sistema ta’ approvazzjoni armonizzata biex l-oġġetti pirotekniċi jitqiegħdu fis-suq, flimkien mal-ħolqien ta’ suq wieħed aċċessibli saħansitra wkoll għall-operaturi ekonomiċi Maltin, u ta’ livell għoli ta’ ħarsien għall-konsumaturi.