Legislature:
Category:
Reset
Active:

Monte di Pieta' — Vetturi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid: a) kemm hemm karozzi ngaġġati mal-Capital Transfer Duty/Monte di Pieta'; b) min juża dawn il-karozzi; c) kemm hemm użati mill-istaff għal qadi ta' dmirijiet u x'tip; d) kemm-il mil jagħmlu kuljum; e) kemm hu l-konsum tal-petrol; f) kemm weħlu ċitazzjonijiet kull vettura u x'tip kienu e.g. parking, overspeeding, etc. g) min ħallas l-istess; h) kienx hemm każi fejn dawn il-vetturi ntużaw għal skop personali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li : (a) Mad-Dipartiment tal-Capital Transfer Duty hemm karozza waħda ingaġġata. (b) Din il-karozza għandha n-numru ta’ Reġistrazzjoni GVN 461 hi wżata mid-driver tad-dipartiment. (c) L-istess karozza hija wżata għall-qadi ta’ dmirijiet tal-uffiċjali tad-dipartiment u minħabba l-problema ta’ parkeġġ bosta drabi twassal ukoll lid-direttur. Ix-xogħol jikkonsisti fi traġetti ta’ kuljum għall-posta, traġetti oħra fid-depot tal-pulizija, fil-kwartieri tar-Revenue Security Corps spiss ukoll, tintuża biex jitqassmu kontijiet mill-istess membri tar-Revenue Security Corps, il-ġbir taċ-ċekkijiet kull xahar mill-kumpaniji tal-Assikurazzjoni, xogħol konness mall-MITTS, traġetti bejn id-dipartiment u d-Diviżjoni tat-Taxxi Interni l-Furjana, ġarr ta’ materjal in konnessjoni mar-ristrutturiżazzjoni tad-dipartiment u xogħol ieħor li jinqala kuljum in konnessjoni mad-Dipartiment tal-Gvern. (d) Hemm varjazzjoni kbira fin-numru ta’ kilometri kuljum. (e) Il-kont tal-petrol hu kif sejjer jingħad:- Vettura Sena Konsum Lm GVN 461 2003 621 GVN 461 2004 459 GVN 461 2005 657 f) Mill-1 ta’ Jannar 2003 il-vettura bin-numru GVN 461 kellha 5 kontravenzjonijiet – 2 minħabba li ma kienx qed jintuża s-safety belt, 1 minħabba l-parkeġġ, 1 overspeeding u l-oħra gġax ma kelliex il-liċenzja mwaħħla mal-windscreen. g) Id-Dipartiment ħallas għal dawn il-kontravenzjonijiet imma l-impjegat irrifonda lura lid-Dipartiment il-ħlas. h) Il-vettura ma tintuża għal-skop personali. Minbarra l-karozza indikata hawn fuq id-Direttur tad-Dipartiment għandu “a fully expensed car” skond il-Performance Agreement

Żurrieq — Lampi

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga u jara x'inhi r-raġuni li, għad li twaħħlu żewġ lampi u cioe' waħda fi Triq San Bartilmew u l-oħra fi Triq Nardu Sacco fiż-Żurrieq, u għad li ilhom aktar minn sitt xhur li twaħħlu, dawn sal-lum għadhom ma nxtegħlux?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li biex jinxtegħlu l-lampi msemmija kien meħtieġ li l-linji jiġu estiżi għal fuq dawn iż-żewġ arbli. Dan ix-xogħol huwa lest u l-lampi attwalment inxtegħlu.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Knisja

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga u jara x'inhi r-raġuni li Triq il-Knisja (cioe' li tagħti għal fuq il-menqa ħdejn il-Gillieru) San Pawl il-Baħar, dejjem bl-ilma jiskula għal ġo fiha u għad li jsiru r-rapporti l-ebda azzjoni ma tittieħed?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-każ imsemmi ilu jiġi studjat bir-reqqa mill-KSI għal numru ta’ xhur. Wara ħafna testijiet fuq l-ilma li kien qiegħed jiskula, l-KSI ikkonkludiet li l-ilma ma kienx ġej minn xi sorsi tagħha. Skond rapport iddettaljat li l-Korporazzjoni kienet bagħtet f’Awissu li għadda, kemm lill-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar, kif ukoll lil xi residenti li kienu qed jilmentaw, il-ġejoloġija ta’ l-inħawi kollha ta’ San Pawl il-Baħar u tal-madwar, tikkonsisti f’ħafna rqajja ta’ saffi ta’ tafal. Dan ifisser li ilma ġieri jista’ jkun ġej minn sorsi naturali minn ħafna bogħod. Minkejja li t-testijiet li saru kienu juru biċ-ċar li l-ilma mhux tal-KSI, il-Korporazzjoni ma eskludietx il-possibilita’ li xi darba fil-futur seta’ jkun hemm xi tnixxiegħa ta’ ilma li jirriżulta minn xi ħsara fis-sistemi tagħha. Fil-fatt jidher li dan l-aħħar ġara propju hekk, u l-ilma li kien ittestjat fl-14 ta’ Novembru jixbaħ lil dak tal-KSI. Jidher li dan l-ilma qed jitħallat ma l-ilma li diga’ kien ilu joħroġ. Bħalissa qed isiru testijiet ta’ tfittix bir-reqqa biex jekk hemm xi ħsarat, dawn jinstabu u jissewwew. Dan ma jfissirx li l-ilma se jieqaf għal kollox minħabba ir-raġuni li ssemmiet qabel.

Fondi mill-UE — Self-employed

Question

B'riferenza għal euros 10 miljun li ġew diretti mill-Unjoni Ewropea favur is-self-employed u negozji żgħar, jista' il-Ministru jgħid: a) minn min hu kompost in- network li dawwar dawn il-fondi favur is- self-employed u negozji żgħar; b) b'liema mod is-self- employed ġew informati bil-manjiera sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-fondi; c) kif saret l-għażla ta' dawk li bbenefikaw; d) min huma dawk li bbenefikaw; u e) kemm hu l-ammont li kull wieħed irċieva minn dawn il-fondi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s'issa Self Employed u Negozji Żgħar ibbenefikaw minn aktar minn EUR 10 miljuni taħt diversi programmi imniedja minn inizzjattivi ta' diversi Ministeri u Dipartimenti li minnhom jistgħu jibbenefikaw negozji żgħar u self employed taħt proġetti bħal m'huma l-FP6, l-ESF, Fondi Reġjonali, Programmi ta' Agrikoltura, Programmi Edukazzjonali u oħrajn. Uħud minn dawn il-Proġetti qed jinħadmu permezz tan-Network favur aċċess aħjar għal Programmi ta' l-Unjoni Ewropea imniedi mill-istess Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed. Dan in-Networkhuwa network miftuħ sabiex il-Gvern flimkien ma' konsulenti li jipprovdu servizzi ta' informazzjoni fuq programmi tal-Unjoni Ewropea ikunu jistgħu jilħqu aktar negozji żgħar u self employed sabiex jibbenefikaw minn dawn il-fondi. Kull min hu interessat jista jissieħeb f'dan in-network li permezz tiegħu jinħadmu programmi tal-Unjjoni Ewropea mit-tfassil, sal-implimentazzjoni u rappurtaġġ. Dwar il-parteċipazzjoni f'dawn il-proġetti kollha nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jistaqsi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministri kkonċernati.

AFM — Klandestini

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se jiġu stallati dawk il-faċilitajiet, bħal showers u lockers kif ukoll jiġu mogħtija ilbies protettiv sabiex dawk inkarigati mill-klandestini, b'mod partikolari l-membri ta' l-Armata, u dan stante l-preżenza ta' mard li jista' jaffettwa lill-istess membri?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi kull ċentru tad-detenzjoni ta’ l-Armata għandu faċilitajiet ta’ ‘showers’ għall-personnel li jkunu xogħol u li kull suldat għandu l-locker tiegħu. Id-differenza hi li f’Ħal Safi l-lockers huma ċentraliżżati minħabba nuqqas ta’ spazju. Fir-riward ta’ lbies protettiv, fuq ir-rakkomandazzjoni tad-dipartiment tas-saħħa, kull suldat ġie provdut b’maskli protettivi sabiex jintlibsu fil-preżenza ta’ immigranti li jkunu qed jieħdu kura għall-kontra it-TB.

Youth Specialisation Studies Scheme

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm studenti applikaw għall-iskema ta' għajnuna mill-youth specialisation studies scheme (i.e. tnaqqis mill-interessi ta' study loans, li bihom studenti Maltin imorru jistudjaw barra minn Malta) b'kollaborazzjoni sħiħa ma' l-APS? Minn min kien magħmul il-bord ta' l-għażla (credentials committee)? Jista' jelenka l-kriterji ta' kif dawn ġew magħżula? Jista' iħabbar min ġie aċċettat għall-imsemmija youth specialisation studies scheme? Kemm studenti ma ġewx aċċettati għall-imsemmija skema u għalfejn ma ngħatawx raġunijiet għalfejn ma ġewx aċċettati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li 37 student applika għall-Youth Specialisation Studies Scheme. Il-bord ta' l-għazla kien magħmul minn : Dr. James Calleja - Chairperson Malta Qualifications Council Mr. Niki Baldacchino - Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ Mr. Edward Calleja - APS Bank Ms. Annabelle Vassallo - Policy Unit Ms. Mariella Orlando - Sezzjoni Żgħażagħ Informat ukoll li l-kriterji kienu li l-applikanti jkunu ta' nazzjonalita' Maltija ta' eta' bejn it-18 u t-30 sena. Il-kors ma jsirx hawn Malta. It-tul tal-kors huwa ta' massimu ta' 5 snin u mhux anqas minn sena akkademika. Ma jiġux aċċettati korsijiet li jispiċċaw fl-istess sena ta' applikazzjoni sakemm il-kors ma bediex fl-istess sena u huwa twil ta' l-inqas sena skolastika. Ingħatat preferenza wkoll lill-korsijiet li skond studju mill-ETC u mill-Malta Enterprise huma ta' benefiċċju għall-pajjiżna u li ġew ippubblikati fl-applikazzjoni fosthom: studji fil-Medicina, Bioteknologija, Farmacewtika, Inginerija, Elettronika, Telekomunikazzjoni, Automotive , Industrija tal-IT. Il-Bord elenka dawk l-applikanti li l-korsijiet tagħhom kienu jaqgħu taħt il-kriterji msemmija u ssuġġerixxa li jingħata sussidju lill-: Mary Ann Attard, Vanessa Borg, Francesca Buttigieg, Adrian Caruana, Andrew Cremona Darren Duncan, Matthew Farrugia, Oliver Frendo, Nathan Gatt, Neil Pace O'Shea, Kirsten Marie Pulis, Janet Randich, Luke Sultana, Moira Zahra.

AFM — Klandestini

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se jiġu stallati dawk il-faċilitajiet, bħal showers u lockers kif ukoll jiġu mogħtija ilbies protettiv sabiex dawk inkarigati mill-klandestini, b'mod partikolari l-membri ta' l-Armata, u dan stante l-preżenza ta' mard li jista' jaffettwa lill-istess membri?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Malta Enterprise — Department Estate Management

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux il-każ, ossia l-ħsieb tal-Malta Enterprise li terġa' tgħaddi lura art fil-kontrada tal-Karwija, l/o Safi lid-department estate management, liema art kienet ġiet mgħoddija lilha fl-1996 għal skop ta' proġett konness ma' l-avjazzjoni stante li dan il-proġett jidher li qatt ma immaterjalizza?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ż-żona msemmija fil-mistoqsija għadha xorta waħda intenzjonata għal żvilupp industrijal konness ma’ l-avjazzjoni. Wiehed ma’ jistax jneħħi l-opportunita` għal dan it-tip ta’ żvilupp li jista’ jsir biss fil-viċinanzi ta’ l-ajruport.

Raħal Ġdid — Pjazza Sant'Ubaldeska

Question

Jista' il-Ministru jara: (a) li jsir xi tip ta' ilqugħ dekorattiv jew xort'oħra fi Pjazza Sant'Ubaldeska, Raħal Ġdid stante li l-parti t'isfel minn fuq iz-zuntier tal-knisja l-qadima huwa sors ta' periklu ċar; (b) li tiġi mdawla; (c) li jsir landscaping u (d) li jsir dak ir-restawr li jixraq lill-istess knisja li hi monument arkitettoniku?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Benefiċċji soċjali — Maternity/parental leave

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għad li rebħet anke l-Appell quddiem l-Arbitru, id-dipartiment għadu xorta waħda jonqos milli jottempora ruħu fil-każ ta' l-arretrati ta' SA?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Birżebbuga — Surmast ta' Skola

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu ppjanat li l-iskola ta' Birżebbuġa jkollha surmast imexxi stante li din il-kariga ilha vojta u hija x-xewqa ta' dawk kollha konċernati li għas-sena d-dieħla dan in-nuqqas ma jipperpettwax ruħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qed jiġu proċessati l-applikazzjonijiet għall-Kap ta' l-iskejjel li ħarġet u tagħlaq nhar il-Ġimgħa 21 ta' Lulju 2006.

Birżebbuga — Triq ir-Rizza

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed iżomm milli jsiru x-xogħlijiet neċessarji u opportuni sabiex id-drenaġġ ma jibqax ifur fid-djar ta' Triq ir-Rizza f'Birżebbuġa, meta hu fatt magħruf li l-ħsara hija konċentrata fuq il-main tal-gvern fl-istess triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li x-xogħol li irrefera għaliħ l-Onor Interpellant issa tlesta.

MEPA — Enforcement order

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li sid il-kont li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament jew l-operaturi tiegħu, għad li hemm fuq l-istess stabiliment diversi enforcement notices/orders se jibqa' jopera b'mod skorrett u mhux skond il-liġi? Jista' il-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji u l-MEPA taġixxi skond il-liġi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) f'dan il-każ qed taġixxi skond il-ligi. Ir-restaurant għadu jopera minkejja l-każ ta' enforcement ECF820/04 għaliex l-illegalità' tirrigwarda varjazzjoni fil-bini u mhux bdil fl-użu tal-post. Barra minnhekk, l-imwejjed li jitpoġġew quddiem ir-restaurant huma koperti b'permess PA5750/96 u l-każ ta' enforcement ECF880/04 kien irtirat. Bħalissa hemm applikazzjoni pendenti PA6998/04 li qed titlob li tirregolarizza l-varjazzjonijet fis-sit u għaldaqstant f'dan l-istadju ma jistgħux jittieħdu aktar passi.

Birżebbua — Tal-Papa

Question

Jista' il-Ministru jgħid: a) x'inhi r-raġuni li qiegħda tiġi kkonsidrata l-estensjoni ta' l- area ta' żvilupp f'Tal-Papa, Birżebbuġa meta hemm art li tista' tintuża u li tinsab diġa' fl-iskema; b) meta appena jiġu spustati l-impjanti tal-gass u l-Enemalta, se jkun hemm ħafna sit għall-iżvilupp; c) itteħdux in konsiderazzjoni l-fatt li fuq din l-art jgħixu żrinġijiet li huma protetti u endemini għal Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li: a) l-art msemmija li hija propjetà tal-Gvern kienet indikata biex tidħol fl-iskemi ta' l-iżvilupp mill-1995 permezz tal-pjan lokali ta' Marsaxlokk u Birżebbuġa. b) L-iżvilupp fuq l-art tat-tankijiet tal-fuel huwa regolat permezz ta' development brief li ġie approvat wara konsultazzjoni pubblika. L-iżvilupp fuq l-art preżentement okkupata mit-tankijiet tal-gass huwa regolat mill-policy MQ03 tal-pjan lokali ta' Marsaxlokk u Birżebbuġa. It-tneħħija ta' dawn l-impjanti minn ġo Birżebbuġa huwa skond id-direzzjoni mogħtija mill-policies MB02 u MQ03 ta' l-imsemmi pjan lokali. ċ) Meta saret il-proposta, wara konsultazzjopni nterna, ma kienx hemm indikazzjoni li l-inħawi kellhom valur ta' konservazzjoni speċjali. Ta' min ifakkar li dan is-sit ilu propost għal żvilupp aktar minn għaxar snin u matul dan iż-żmien fl-ebda stadju ma ġie indikat dan it-tħassib.

ADT — Liċenzji tal-coaches

Question

Jista' il-Ministru jgħid taħt liema regolament jew proċedura persuni li jidditjenu liċenzja special u cioe' dik li permezz tagħha jsuqu coaches issa li qegħda tiġi mġedda l-liċenzja tagħhom qegħdin jiġu sprovisti/imċaħħda (ossia din il-liċenzja mhix tiġġedded) mit-tiġdid ta' din il-liċenzja? Jista' jagħti spjega għal din l-azzjoni?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li ma teżisti l-ebda problema fit-tiġdid tal-liċenzja biex persuna tkun tista’ ssuq coach.

Sigurta' fil-Qorti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali inkarigati sabiex ifittxu u jissorveljaw fil-bibien tal-qorti? Kemm swiet is-sistema ta' cameras stallati fil-bini tal-qorti? Din is-sistema ħarġet b'tender jew b'direct order?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' uffiċjali inkarigati sabiex ifittxu u jissorveljaw fil-bibien tal-Qrati tal-Ġustizzja huma sebgħa. Is-sistema ta' cameras stallati fil-bini tal-Qrati tal-Ġustizzja swiet totalment Lm3,292. Din is-sistema inxtrat permezz ta' quotation li saret Diċembru 2005 (Lm1,186) u Mejju 2006 (Lm2,106).

Qorti — Tindif

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min hu inkarigat mit-tindif tal-qorti in ġenerali, liema xogħol jidher li ilu ma jsir ix-xhur?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tas-Support Services huwa responsabbli mit-tindif tal-Qrati tal-Ġustizzja. Ix-xogħol ta' tindif fil-Qrati tal-Ġustizzja isir regolari kuljum. Peress li dan mhux qed ikun sodisfaċenti għad-Diviżjoni, ħarġet tender li se tagħlaq fil-5 ta' Lulju 2006 biex it-tindif isir aħjar.

Qorti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm swew il-bibien u l-ilqugħ tal-ħġieġ appena tidħol il-bieb prinċipali tal-qorti? Dan ix-xogħol u fornitura ta' bibien u lqugħ inħarġet permezz ta' tender jew direct order? Kemm swiet l-iscanner machine?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-bibien u l-ilqugħ tal-ħġieġ appena tidħol il-bieb prinċipali tal-qorti swew is-somma ta' Lm26,106. Dan ix-xogħol u formitura ta' bibien u lqugħ inħarġet permezz ta' tender. Infurmat ukoll li l-iscanner machine swiet Lm9,000.

Avviż legali

Question

In vista ta' avviż legali li jobbliga lil "kulħadd" jissottometti lilu nnifsu għat-tfittxija, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid inħarġitx xi direttiva sabiex ċerti mħallfin, maġistrati u ministri jiġu eżentati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma ħarġet l-ebda direttiva sabiex ċerti Imħallfin, Maġistrati u Ministri jiġu eżentati mill-miżuri ta' sigurta'. Il-ġudikatura għandha aċċess separat u ndipendenti tagħha pero' meta dawn jagħżlu li jgħaddu mill-bieb prinċipali tal-Qorti, jitqabbżu l-kju tan-nies.

Importazzjoni ta' skrataċ — Ħlas ta' ECO tax

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma jekk titħallasx ECO tax fir-rigward ta' skrataċ importati għal skop ta' sparar fuq plattini (24gr)? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid għalfejn din it-taxxa qegħda tiġi mposta fuq l-importazzjoni ta' skrataċ vojta ntenzjonati sabiex jiġi kkargat fihom materjal ta' 24 gr għal sparar fuq plattini lokalment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi skond Legali 312 ta’ l-2005 m’għandiex titħallas Eko kontribuzzjoni fuq skrataċ importati li ma jeċċedux piż ta’ 24 gramma kkargati. Mill-banda l-oħra Eko kontribuzzjoni bir-rata ta’ 2 ċenteżmi kull biċċa għandha titħallas fuq skrataċ importati li jkunu jeċċedu piz ta’ 24 gramma ikkargati kif ukoll fuq skrataċ importati vojta. L-iskrataċ imsemmija fit-tieni parti tal-mistoqsija jaqgħu taħt din l-aħħar imsemmija definizzjoni ta’ l-Avviż Legali u għaldaqstant l-Eko kontribuzzjoni għandha titħallas.