Jista' l-Ministru jgħid x'possibilta' hemm li tinbidel is-sistema preżenti u ċioe' li l-majjal jinqatel skond il-grazzja ta' l-individwu u tidħol waħda ta' roaster li tirrifletti permezz ta' persentaġġ il-kwota li kull produttur jiddetjeni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-booking tal-qatla huwa f’idejn il-Koperattiva tal-Produtturi tal-Majjal.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-MEPA qiegħda tkaxkar saqajha fl-evalwazzjoni ta' applikazzjonijiet li jikkonċernaw irziezet tat-trobbija ta' annimali, fosthom majjal, meta din l-evalwazzjoni kellha ssir sabiex l-istess irziezet ikunu compliantmar-rekwiżiti ta' l-Unjoni Ewropea sa l-aħħar ta' Mejju 2007?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tiprijoritizza l-ipproċessar ta' dawn l-applikazzjonijiet. Dan l-aħħar twaqqaf ukoll tim żgħir ta' nies li qiegħed jikkonċentra speċifikament fuqhom, b'koordinament sħiħ mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, mas-Servizzi Veterinarji u ma’ dipartimenti oħrajn.
Wieħed irid iżomm f'moħħu li dawn huma applikazzjonijiet kumplessi ta' rziezet li tipikament ikunu kbar u li għandhom diversi impatti fuq, fost l-oħrajn, l-ambjent tal-madwar, ir-residenti li joqogħdu fil-qrib u fuq l-ilma tal-pjan. Għalhekk, biex jiġu pproċessati dawn l-applikazzjonijiet ikun hemm bżonn ukoll ta' informazzjoni minn diversi dipartimenti u awtoritajiet oħrajn, kif ukoll, diversi drabi, mill-periti u l-konsulenti ta' l-applikanti. Iż-żmien li jittieħed biex tasal din l-informazzjoni sfortunatament bilfors itawwal iż-żmien biex jiġu determinati l-applikazzjonijiet. L-irziezet iridu jkunu konformi mar-rekwiżiti ta' l-Unjoni Ewropea sa l-ewwel ta' Mejju 2008, u mhux sa l-aħħar ta' Mejju 2007 kif indikat mill-Onorevoli Interpellant.
Għaldaqstant huwa ċar li mhuwiex minnu li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qed “tkaxkar saqajha” kif allega l-Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħarraf lil din il-Kamra kemm hemm condominia rreġistrati skond l-Att dwar il-Condominia? Barra minnhekk il-Gvern għandu statistika kemm-il binja f'Malta hija condominium?
Response (BORG, TONIO)
L-Att dwar il-Condominia (Kap. 398) jobbliga lir-Reġistratur ta' l-Artijiet sabiex jirreġistra:
a. l-amministraturi ta' condominia [Artikolu 15(5)] u
b. ir-regoli li jirregolaw condominia [Artikolu 24(3)]
u mhux il-Condominia nnifishom.
Ninsab infurmat illi sa llum, hemm mija u wieħed u sittin (161) condominium illi rreġistraw l-informazzjoni hawn fuq imsemmija mar-Reġistru ta' l-Artijiet.
Infurmat ukoll illi r-Reġistru ta' l-Artijiet ma jżommx statistika dwar kemm il-binja f'Malta hija condominium.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23062 jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li joħorġu l-promozzjonijiet f'dan ir-rigward u jekk fl-affermattiv meta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li fit-12 t’April 2007 ħarġet sejħa permezz taċ-Ċirkulari tal-MPO Nru. 49/2007 għall-postijiet ta’ Assistant Technical Officers (ATOs) fid-Dipartiment għall-Manifattura u s-Servizzi (MSD) kif indikat hawn taħt:
A.T.O. (Lifts)
A.T.O. (Stores)
A.T.O. (Metal Trades)
Din is-sejħa tagħlaq fl-4 ta’ Mejju 2007.
Jista' l-Ministru jgħid x'wassal biex ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni ta' toroq in korsi ġewwa Ħal Għaxaq f'area magħrufa Ħal Millieri, jieqaf ħesrem? Jista' jgħid dawn ix-xogħlijiet meta se jerġgħu jissoktaw?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet jinsabu għaddejjin u mhux weqfin. Ix-xogħol kien waqaf ftit sakemm l-entitajiet ċaqalqu l-arbli tagħhom.
In vista tal-fatt li ħarġu divesi sejħiet għal promozzjonijiet fil-varji snajja', jista' l-Ministru jgħid hux il-ħsieb li jingħataw promozzjonijiet fil-qasam tal-mastrudaxxa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi l-Management and Personnel Office fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħareġ dawn is-sejħiet għal ħaddiema fis-sena ta’ mastrudaxxa:
Technical Officer (Carpenter)
Tradesman / Senior Tradesman (Carpenter)
Jista' l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra kemm hemm swimming pools reġistrati ai termini ta' l-Avviż Legali 129/2005 kif ukoll liema huma dawk il-postijiet li ġew hekk reġistrati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament: a) għandhiex xi arranġament speċjali mad-dipartiment ta' l-ambjent sabiex ma tmurx fuq il-post tax-xogħol? b) hijiex mislufa mill-kunsill lokali ta' Tas-Sliema? c) għandhiex permess sabiex waqt il-ħin tax-xogħol tkun taħdem mas-soċjeta' separatament indikata?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma jirriżultalix li l-persuna indikata minnu taħdem ma’ xi dipartiment jew ma’ xi entità li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħi.
Tista' l-Ministru tgħarraf lil din il-Kamra kemm hemm kawżi pendenti quddiem it-tribunal industrijali, kemm ġew ippreżentati f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm ġew deċiżi?
Apparti hekk, jista' jgħid kemm hemm kawżi pendenti wara li ċ-chairman irriżenjat peress li ġiet elevata għall-uffiċċju ta' maġistrat?
X'inhi r-raġuni li għadu ma ġiex maħtur chairman ieħor?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Tribunal Industrijali ma jaqax taħt ir-responsabbilita' tad-dekasteru tiegħi u għalhekk nitolbu jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru, b'riferenza għal Triq il-Qattus, Hal Għaxaq, jgħid liema parti minn din it-triq se tingħata wiċċ u x'possibbilta' hemm li din tingħata wiċċ minn tarf sa l-ieħor?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din it-triq qiegħda fil-lista ta’ toroq li jridu jiġu asfaltati sal-2008. Il-gvern ser jasfalta il-parti li hi miftuħa u mibnija.
B'riferenza għal Triq Danny Cremona, Ħal Kirkop stante li f'din it-triq jaqa' ħafna ilma tant li qed jidħol fi djar privati, jista' l-Ministru jara li jinbnew culverts li jieħdu l-istess ilma f'post apposta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Onorevoli Nterpellant huwa mitlub jindika liema huma d-djar privati li qed ikollhom dawn il-problemi minħabba li dan id-Direttorat ma kellux rapporti f’dan is-sens.
Jista' l-Ministru jintervjeni li l-culvert li sar fi Triq il-Pitiross, Ħal Għaxaq jiġi mgħotti bi gradilja stante li huwa ta' periklu għal dawk kollha li jagħmlu użu minn din it-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil-Onorevoli Nterpellant li dan il-culvert li qiegħed eżatt taħt il-kurdina tal-bankina u wiesgħa 4 pulzieri. Dan kien sar sabiex ikun jista’ joħroġ l-ilma tax-xita minn katusi tad-djar li kienu l’isfel mill-livell tat-triq. Ma jidhirx li dan jista’ jkun ta’ periklu għax in-nies jimxu fuq il-bankina u diffiċli biex ipoġġu saqajhom eżatt taħt il-bankina.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li d-distributuri tal-gass fuq il-Belt Valletta jingħataw allowance minħabba turġien filwaqt li distributuri f'postijiet oħra fejn ukoll huma karatterizzati minn turġien ma jingħatawx? X'possibilita' hemm li din id-diskriminazzjoni titneħħa?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-allegata diskriminazzjoni saret mill-Gvern Laburista f'Novembru 1996. Biex titneħħa din id-diskriminazzjoni jagħmel aktar sens ekonomiku li titneħħa din l-allowance.
B'riferenza għal persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tista' l-Ministru tara jekk tikkwalifikax għal reviżjoni ġdida taħt l-iskema R minħabba d-diffikultajiet li għaddejja minnhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi s-sussidju fuq il-kera tal-persuna ndikata nhadem is-sena l-ohra u tnaqqas biex jirrefletti d-dhul taghha. Revizjoni ohra ssir is-sena d-diehla.
Żurrieq — Sqaq li jagħti għal Valletta Road - lampa
Question
Jista' l-Ministru jgħid hux possibbli ssir lampa fi sqaq ġewwa ż-Żurrieq u dan in vista tal-fatt li diġa' saret talba mill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Kunsilli Lokali huma responsabbli li jsiru lampi ġodda fejn hemm bżonn fil-lokalita' tagħhom. L-Enemalta ma' rċeviet l-ebda talba biex issir lampa ġdida f'din it-triq imsemmija.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li jikkonċernaw in-nomina jew tneħħija ta' persuna fdata bil-kariga ta' ambaxxatur, konslu, eċċ.? L-eta' hija kriterju? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid liema hi dik l-eta' illi fiha tali persuna jkollha tirtira?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Dawn l-għażliet jibqgħu diskrezzjonali - naturalment wieħed iżomm quddiem għajnejh l-interess ta` Malta u l-idoneita` tal-persuna għall-kariga, partikolarment in vista tal-Miri Strateġiċi tal-politika Barranija ta` Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-residenti ta' Triq il-Karmnu, Bengħajsa l/o Birżebbuga humiex ser jiġu provduti bis-servizz tad-drenaġġ? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-grad ta' ATO fi ħdan id-Dipartiment tal-Public Works, jew aħjar l-MSD, ilu żmien twil ma jingħata promozzjoni għalih avolja hemm nuqqas u d-Dipartiment qed jinqeda b'nies fi grad anqas?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li r-raġuni prinċipali għaliex naqsu l-Assistant Technical Officers (ATOs)fid-Dipartiment tal-Manifattura u s-Servizzi (MSD) hi li f’dawn l-aħħar snin ħarġu diversi promotions għall-grad ta’ Technical Officers. F’Novembru tal-2005 biss saru 10 Technical Officersf’daqqa, li 8 minnhom ingħataw lil ATOs fl-istess Dipartiment u dawn allura ħolqu vakanzi fil-grad ta’ ATOs.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jindaga, b'riferenza għall-applikazzjoni E40/2002/I/7 intavolata mat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, x'kienet ir-raġuni li wasslet lid-dipartiment jiddikjara li l-art ma tintużax skond kif stipulat fl-iskema meta l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jaħdem l-istess raba u jabita fir-razzett li hemm fuq l-istess sit?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ġiet irrifjutatha għaliex ma kinitx konformi mal-kundizzjonijiet ta' l-Iskema tal-Qbiela li fost affarijiet oħra kienu jipprekludu li jsiru applikazzjonijiet fuq bini li jkun qed jintuża għal skopijiet residenzjali jew mhux agrikoli. Barra minnhekk l-istess applikazzjoni kienet tirkeb b'mod sostanzjali fuq art oħra tal-Gvern li hija mogħtija b'ċens temporanju lil terzi. Il-bqija tal-art ma jidhirx li kienet qed tintuża għal skop agrikolu.
Tista' il-Ministru tara jekk hux il-każ li tiġi riveduta t-tabella fejn jinħadem il-kera skond il-qligħ ta' l-applikant u dan peress illi minħabba l-iżviluppi tul dawn l-aħħar għaxar snin circa, l-għajnuna tas-servizzi soċjali u/jew il-pagi m'għadhomx jirriflettu r-realta' attwali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li, fil-fatt, l-iskedi li fuqhom jinħadem is-sussidju tal-kera jiġu riveduti kull sena skond iż-żieda li tkun ingħatat għall-għoli tal-ħajja.