B'referenza għar-risposta għal mistoqsija parlamentari 27112, jista' l-Ministru jordna lil min hu konċernat sabiex verament jispezzjona, b'mod partikolari Triq il-Knisja, San Pawl il-Baħar u t-toroq l-oħra anċillari, stante illi l-ilma, f'din l-akwata, jintefa' b'mod regolari ta' kuljum b'aċċentwazzjoni kbira matul il-lejl bil-konsegwenza li ħafna vetturi li jiksru għal Triq il-Knisja ta' spiss jiskidjaw minħabba l-istess ilma?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika verament jagħmlu spezzjonijiet, kif ġie rappurtat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27112.
Wara spezzjonijiet li reġgħu saru fl-4 ta' Settembru wara nofsinhar u fil-5 ta' Settembru filgħaxija fit-toroq indikati, ġie nnutat li kien hemm xi ħruġ ta' ilma mill-bankina quddien garaxx fi Triq il-Konverżjoni, liema ilma kien qed jinżel tul Triq Toni Bajjada u jispiċċa fi Triq il-Knisja, San Pawl il-Baħar.
Peres li ġie nnutat li dan l-ilma kien ilma ċar u kien hemm flow kontinwa, ġew infurmati l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma minnufih, li ħadu l-passi neċessarji biex setgħet tissewwa l-ħsara.
Nixtieq nfakkar ukoll li hu dmir ta' kull ċittadin li jirraporta ħsarat ta' dan it-tip lill-korporazzjoni konċernata, ħalli wieħed jevita li jkun hemm ħela ta' ilma jew inċidenti tat-traffiku bla bżonn.
B'referenza għal mistoqsija parlamentari 27105, jista' l-Ministru jikkonferma jekk attwalment ġiex appuntat receiver of wrecks?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-aħħar receiver of wrecks maħtur kien fis-sena 2003. Minn mindu għalaq il-każ li għalih ġie appuntat għadu ma sarx receiver of wrecks ieħor, peress illi fil-prattika jinħatar receiver of wrecks kull meta jkun hemm każ ta’ wreck.
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li Triq Ġulju ġewwa Buġibba/Qawra tinsab parzjalment ostakolata minn pjattaforma tal-konkos għad li m'hemm l-ebda użu għaliha? Jista' jieħdu dik l-azzjoni u joħroġ dawk l-ordnijiet relattivi, sabiex dan l-ostaklu li m'hu xejn mixtieq f'żona turistika, jitneħħa?
Jista' l-Ministru jgħid, fil-parti fejn saret il-platform riċentement f'Marsaxlokk, jekk ir-ramel li kien jinsab fl-area tneħħiex jew addirittura ġiex mirdum? Jekk tneħħa, fejn tpoġġa u jekk ma tneħħiex u ntradam kienx hemm permess tal-MEPA fiż-żewġ istanzi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li waqt l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni Nru. PA 5308/03 ġie sottomess Project Description Statement dettaljat. Fil-parti ta' dan id-dokument li titratta l-iskart implikat mill-kostruzzjoni ntqal li r-ramel għandu jitneħħa biex ikunu evitati problemi strutturali fil-futur u l-materjal li jitneħħa jiġi sottopost għal analiżi kimiċi biex ikun stabbilit jekk hux kontaminat jew le. Fl-istess dokument intqal li jekk il-material ikun kontaminat jintrema skond struzzjonijiet maħruġin mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u l-WasteServ (Malta) Ltd. Jekk jinstab li dan il-materjal ikun nadif, dan jinxteħet fil-baħar skond il-provvedimenti stipulati fil-London Dumping Convention. Għaldaqstant, id-Direttorat ta’ l-Ippjanar ipproċeda skond il-kundizzjonijiet rilevanti.
Ninsab infurmat li ttieħdu kampjuni tar-ramel, tajn u ħama u ntbagħtu għall-analiżi. L-analiżi wrew li ma kienx hemm residwi perikolużi. Il-kwantità tar-ramel kienet żgħira ħafna u l-kuntrattur neħħa dan ir-ramel, tajn u ħama u ddispona minnhom skond il-permess ta' żvilupp.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li flow pumps fl-Isptar Mater Dei ser jittellgħu mill-Isptar St Lukes?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema flow pumps qiegħed jirreferi minħabba li ġewwa l-isptar Mater Dei hemm varji tipi ta' flow pumps.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li l-laboratorji tal-patoloġija fl-Isptar Mater Dei ma jilħqux il-livelli rikjesti mill-Unjoni Ewropea?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-laboratorji l-ġodda tal-Patoloġija jikkonsistu minn laboratorji moderni u ta' teknoloġija avvanzata, mgħammra b'apparat sofistikat u modern.
Il-livelli ta' kwalita' tal-laboratorji ġewwa l-Mater Dei jiżbqu bil-kbir dawk ta' ħafna laboratorji ta' l-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li sodod mill-Isptar ta' San Luqa ser jiġu trasferiti fl-Isptar Mater Dei? Jista' jikkonferma jekk is-sodod fl-isptar il-ġdid hux kollha ser ikunu elettroniċi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li ser jiġu trasferiti 250 sodda mill-Isptar San Luqa għall-isptar Mater Dei, li dawn jitħaddmu kollh mekanikament. Is-sodod l-oħra ta' l-isptar Mater Dei jitħaddmu kollha bl-elettriku.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li l-iskola governattiva tal-Qrendi ser tiġi konvertita f'kamp għall-immigranti illegali? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid ma' min ikkonsulta?
Response (GALEA, LOUIS)
Jiddispjaċini li l-Onor. Membru jagħmel uzu ħazin mill-Ħin tal-Mistoqsijiet biex f'Mistoqsija jagħmel allegazzjoni li hi gidba ħoxna li saret bi skopijiet partiġġjani biex tizra dubji f'moħħ in-nies.
M'hemm u ma kien hemm qatt l-ebda ħsieb li din l-iskola governattiva sservi l-iskop allegat mill-Onor. Membru. Għall-kuntrarju f'din l-iskola nagħtu servizz ta' kindergarten u primarju fl-edukazzjoni kif ukoll nakkomodaw l-iskola Helen Keller. Dan il-Gvern investa u qed ikompli jinvesti biex insebbħu l-iskola u intejjbu l-kwalita' tas-servizz edukattiv.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fi Triq Ġulju Qawra/Buġibba, għad li l-kostruzzjoni li kienet għaddejja tlestiet, is-sodda tat-tower crane ma tneħħietx u hi ta' ngombru u eyesore?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninform lill-Onorevoli Nterpellant li permessi ta' "tower cranes" huma fil-kompitu tal-Kunsill Lokali kkonċernat. L-ADT ġibdet l-attenżjoni tal-Kunsill ta' San Pawl il-Baħar biex jieħu azzjoni mmedjata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid hux minnu li meta nbiegħet il-Jerma Palace Hotel il-gvern biegħ dik l-art tal-gvern li fuqha kien sar encroachment mis-sidien preċedenti? Jekk hu minnu, jista' l-Ministru jippreżenta kopja ta' dan il-kuntratt?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li, mhux minnu li meta nbiegħet il-lukanda Jerma Palace f'Marsaskala, il-Gvern biegħ xi art tal-Gvern.
In vista tal-wegħda li saret fl-aħħar budget u ċioe' illi dawk li jormlu u jkunu kapaċi jaħdmu u effettivament ikunu fl-impjieg m'humiex se jitilfu d-dritt tagħhom li jibqgħu jirċievu l-pensjoni tar-romol u dan b'effett minn Jannar 2007, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li tali persuni ġew imċaħħda mid-dritt li jirċievu l-benefiċċju tal-pensjoni għax jinsabu fl-impjieg?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment konċernat għaddej b’eżerċizzju biex jiġu identifikati l-persuni li se jibbenefikaw mill-miżura li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant u qed isir it-tibdil meħtieġ fis-software tas-sistema ta’ l-assessment u l-ħlas biex dawn il-benefiċjarji jirċievu l-pensjoni dovuta.
Ninsab infurmata wkoll li, hekk kif jiġu finalizzati dawn il-proċessi, dawk li għandhom dritt għal din il-pensjoni minn Jannar 2007 ser jirċevuha bl-arretrati minn dik id-data. Għalhekk mhux il-każ li jingħad li dawn il-persuni ġew imċaħħda mid-dritt li jirċievu l-benefiċċju dovut.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġi appuntat receiver of wrecks sabiex jiġu mgħoddija skond il-liġi dawk il-bċejjeċ tal-baħar li nstabu abbandunati u li qegħdin isofru ħsara?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima se tieħu l-passi neċessarji biex jinħatar receiver of wrecks.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-awtoritajiet konċernati b'mod partikolari l-ADT, qed tippermetti ksur tal-liġi billi tħalli li jsiru linji sofor doppji quddiem aċċessi li ma jintużawx bħala garage, stante li l-fond jintuża bħala kċina bħalma hu l-każ fi Triq il-Biedja, Safi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-Awtorita Dwar it-Trasport ta' Malta ma tapprovax linji sofor doppji quddiem garaxxijiet. Permessi għal linji sofor relatati ma' access liberu għal garaxx, jinħarġu skond il-Policy for Unimpeded Access to Garages.
Skond l-Att ta' l-Awtorita' Dwar it-Trasport, l-awtorita' hija responsabbli mill-aspetti tat-trasport li jseħħ f'toroq pubbliċi kif definit l-istess att. L-Onor Interpellant qed jirreferi għall allegat abbużi relatati mal-uzu ta' propjeta' privata. L-Awtorita' m'għandiex dritt bil-liġi li titlob għal aċċess ta' garaxxijiet privati sabiex tivverifika l-użu tagħhom. Għaldaqstant, f'każijiet bħal dawn, l-awtorita' tibbaża d-deċiżjonijiet relatati ma' garaxxijiet privati fuq il-permessi tal-bini maħruġin mill-Awtorita' ta' Malta Dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru, in vista tal-fatt li għad li saru diversi rapporti lid-dipartiment konċernat baqa' nedempjenti u ma ħa l-ebda passi sabiex jara li ma jkun hemm l-ebda traskors ta' tfigħ ta' l-ilma fi Triq l-Imħar, Triq Ġulju, Triq il-Knisja fost toroq oħra f'San Pawl il-Baħar, Qawra u Buġibba?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lil-Onor. Interpellant li kull darba li ġie reġistrat xi lment dwar xi tfiegħ jew ħruġ ta' ilma, dan dejjem ġie investigat kontra dak li qiegħed jallega l-Onor. Interpellant u dejjem ittieħdu l-passi neċessarji skond il mertu tal-każ mill-ispetturi rispettivi tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika.
Minn spezzjonijiet li saru mill-ispetturi tar-reġjun fil-5 ta' Lulju 2007 f'diversi toroq f'San Pawl il-Baħar, Buġibba u Qawra nkluż dawk indikati jiġifieri Triq l-Imħar u Triq il-Knisja, ma ġie nnutat l-ebda ilma.
Fir-rigward ta' Triq Ġulju f'Buġibba, l-ilma li kien nieżel mat-triq kien kawża ta' tiswijiet mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma fuq main ta' l-ilma fi Triq Luigi Preziosi.
B'referenza għal bus terminus f'Marsaxlokk, jista' l-Ministru jara li x-xufiera tal-karozzi tal-linja fuq ir-rotta no 27 matul il-ġimgħa, cioe' mit-Tnejn sas-Sibt jagħmlu użu minn dik uffiċjali li tinsab fil-viċinanza ta' l-iskola primarja u mhux minn dik sekondarja li suppost tintuża nhar ta' Ħadd biss, peress li fil-preżent qed jagħmlu użu minn dik sekondarja tul il-ġimgħa kollha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li l-venda bejn il-5.30 u 9.00 ta’ filgħodu tkun fejn l-iskola primarja. Mid-9.00 l-quddiem, ir-rotta tkun b’sistema ċirkolari u x-xarabank kull ma ddum tistenna 5 minuti ġol venda.
Jista' l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra kemm hemm kawżi pendenti quddiem it-tribunal industrijali, kemm ġew ippreżentati f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm ġew deċiżi? Apparti hekk, jista' jgħid kemm hemm kawżi pendenti wara li c-chairman irriżenjat peress li ġiet elevata għall-uffiċċju ta' maġistrat?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wassallix fl-uffiċju tweġiba tingħata f' xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra kemm hemm swimming pools reġistrati ai termini ta' l-Avviż Legali 129/2005 kif ukoll liema huma dawk il-postijiet li ġew hekk reġistrati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba diġa ġiet mgħoddija lil din il-Kamra fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24360.
Madankollu, nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li sal-lum hemm 256 swimming pool reġistrati u l-lista tagħhom tinsab għall-informazzjoni tal-pubbliku fuq il-paġna eletronika tat-Taqsima Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika (http://www.health.gov.mt/dph/ehupdffiles/RegPools.pdf) skond provvediment ta' A.L. 129 ta l-2005.
B'referenza għal bus terminus f'Marsaxlokk, jista' l-Ministru jara li x-xufiera tal-karozzi tal-linja fuq ir-rotta no 27 matul il-ġimgħa, cioe' mit-Tnejn sas-Sibt jagħmlu użu minn dik uffiċjali li tinsab fil-viċinanza ta' l-iskola primarja u mhux minn dik sekondarja li suppost tintuża nhar ta' Ħadd biss, peress li fil-preżent qed jagħmlu użu minn dik sekondarja tul il-ġimgħa kollha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Fir-rigward tal-kumpens li l-gvern qiegħed jgħaddi lil min jixtri l-laħam tal-majjal imrobbi lokalment, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-gvern qiegħed iħallas dan il-kumpens minflok ma jara li jinqatel majjal lokali meta hu fatt magħruf li dan il-kumpens inħareġ sabiex jinqatel il-majjal lokali u fil-fatt mhux qed jiġri dan? Jista' jgħid x'passi se jittieħdu sabiex is-suq lokali jiġi salvagwardjat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispjega eżatt xi jrid jgħid bil-Mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid x'possibilta' hemm li l-majjal lokali jibda jiġi gradad u li l-majjal importat jiġi wkoll mogħti grading u ppakkjat b'mod li jintgħaraf minn dak lokali? Fin-nuqqas ta' tali grading u distinzjoni ta' kwalita' u dan sabiex il-produtturi tal-majjal lokali ma jisfawx fix-xejn appena jonqos is-sussidju, jista' jgħid hemmx ħsieb ta' xi għajnuna alternattiva?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-majjal lokali diġà hu suġġett għall-klassifikazzjonijiet skond is-sistema ‘Scase’.
Rigward il-parti tal-Mistoqsija dwar ippakkjar, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din lill-Ministru kkonċernat.