B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16270 fejn tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi kemm kienet in-nefqa fuq gazzetti minn uffiċjali fil-ministeru u d-dekasteri tiegħu, jista' il-Ministru jgħid kif in-nefqa minn ċertu uffiċjali hija Lm64.92 aktar minn ta' l-uffiċjali oħra (Marzu 2004) apparti li ta' xhur oħra fejn bħal Marzu 2004 hemm diskrepanza kbira bejn in-nefqa ta' l-uffiċjali? Jista' il-Ministru jagħti breakdown ta' liema gazzetti nxtraw u kemm inxtraw kopji ta' kull gazzetta bil-flus minfuqa xahar b'xahar matul l-2004 u l-2005 mill-communications coordinator?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Communications Co-ordinator jixtri żewġ settijiet tal-gazzetti kollha li jiġu ppublikati f'Malta bil-Malti u bl-Ingliż mit-Tnejn sal-Ħadd. Sett ta' gazzetti jinżamm fl-uffiċju tiegħu fejn jiġi analizzat u jinqatgħu dawk il-partijiet mill-gazzetti li jkunu jitrattaw stejjer dwar il-Ministeru, l-awtoritajiet, entitajiet, kummissjonijiet u kumitati li jaqgħu taħt l-istess Ministeru. Jinqatgħu ukoll stejjer barranin li jittrataw it-turiżmu, il-kultura u xxandir pubbliku. Is-sett l-ieħor idur mas-Segreterija tal-Ministeru u wara jinġieb lura biex jinżamm għal ċertu żmien bħala riferenza.
Sal-2004 il-Communications Co-ordinator kien jixtri wkoll sett gazzetti bl-Ingliż u bil-Malti, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, għall-uffiċju tas-Segretarju Permanenti.
Jista' il-Prim Ministru jiċħad jew jikkonferma, riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 16471, li x-xogħol ta' kostruzzjoni li sewa Lm112.744 b'direct order sar kollu minn Ballut Blocks u ma kienet involuta l-ebda kumpannija oħra bħala sub-contractor fix-xogħol, anke jekk il-kumpannija Ballut Blocks kienet responsabbli għaliha? Jista' jiċħad jew jikkonferma li xi proprjetarju/i u/jew direttur/i u/jew managers tal-kumpannija Ballut Blocks għandhom parentela ma xi deputat tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux informat li jekk jinħareġ il-permess ta' applikazzjoni numru 05565/05 tal-MEPA jinħoloq inkonvenjent serju għar-residenti ta' Triq Ġużeppi Licari f'Birkirkara minħabba li b'konsegwenza ta' hekk tingħalaq it-triq? Jista' jgħid jekk jaqbilx li din l-applikazzjoni għandha tinżamm sakemm tinfetaħ it-triq min-naħa l-oħra, kif suppost kien ippjanat, għal ġid tar-residenti?
Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Website
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm qamet flus sabiex inbniet il-website tal-ministeru tiegħu? Jista' jgħid jekk tqabbditx xi kumpannija privata biex bniet din il-website u jekk fl-affermattiv min kienet din il-kumpannija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bini tal-website tal-Ministeru swiet Lm7,444 (VAT inkluża). Il-website ġiet mibnija mill-MITTS.
Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni
Question
Jista' il-Ministru jgħid min jieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-website tal-ministeru u min hu responsabbli minn dak kollu li jidher fuq l-istess website?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-'hosting' isir mill-MITTS u l-manutenzjoni jsir mill-Maltanet. Impjegat tal-Ministru huwa responsabbli minn dak kollu li jidher fuq il-website.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista ta' l-għalliema li jgħallmu evening classes tal-gvern f'suġġetti mhux akkademiċi? Jista' jgħid x'suġġett jgħallem jew tgħallem kull wieħed jew waħda minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għalliema li jgħallmu evening classes tal-gvern f'suġetti mhux akkademiċi hemm 35 għalliem għal 23 suġġett f'Malta, u 4 għalliema għal 3 suġetti f'Għawdex. Lista dwar l-għalliema li jgħallmu evening classes tal-gvern f'suġġetti mhux akkademiċi, ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 15990, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm approvazzjoni mid-direct orders department tal-gvern għall-istess direct order? F'każ affermattiv, jista' jgħid min ta l-approvazzjoni mill-istess dipartiment tad-direct orders?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Direct Order ġiet awtorizzata minni, bħala Ministru tal-Finanzi, skond ir-Regolamenti dwar il-Kuntratti Pubbliċi ta’ l-2005.
Turiżmu u Kultura — Impjegati 'il fuq minn 61 sena
Question
B'riferenza għall-informazzjoni li ngħatat fi tweġiba parlamentari 16267, jista' il-Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuni msemmija fl-ordni tat-tabella li tqiegħdet fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16267.
Ma narax l-utilitá li nipprovdi aktar informazzjoni f’dan ir-rigward.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi segretarju permanenti li qiegħed/qiegħda jagħmel/tagħmel xogħol ta' acting director general/director fl-istess ħin fl-uffiċċju tal-Prim Ministru jew ministeru ieħor? F'każ fl-affermattiv, jista' jgħid min huma dawn l-uffiċjali u x'salarju/renumerazzjoni qegħdin jieħdu talli qegħdin jokkupaw kariga ta' acting position?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi hemm Segretarju Permanenti wieħed li qiegħed, ukoll, jagħmel xogħol ta’ aġent Direttur Ġenerali. Dan huwa s-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Minħabba l-fatt illi għad ma ġietx identifikata persuna biex timla l-vakanza ta’ Direttur Ġenerali fil-Management and Personnel Office, is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tiegħi baqa’ jaqdi wkoll id-doveri ta’ dak il-post.
Ta’ dan qiegħed jingħata allowance ekwivalenti għad-differenza bejn Skala 1 u Skala 2 tas-salarji tal-Gvern illi matul l-2005 kienet Lm1,052 fis-sena. Fl-2006 id-differenza hija ta’ Lm1,066 fis-sena.
Ir-renumerazzjoni ta’ Direttur Ġenerali fl-2005 kienet ta’ Lm12,320 u Lm12,467 fl-2006.
Jista' il-Prim Ministru jiċħad jew jikkonferma li fl-armata hemm xi suldat/i li minflok time-off ta' ħin żejjed li qegħdin jaħdmu, qegħdin jieħdu kumpens fi flus tal-ħin żejjed li jaħdmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li fil-Forzi Armati ta’ Malta hemm individwu wieħed biss li qed jingħata kumpens fi flus tal-ħin żejjed li jaħdem. Dan il-kumpens mhux qed jitħallas minn fondi ta’ l-Armata imma minn dipartiment tal-Gvern ieħor li miegħu jaħdem l-individwu.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx vakanzi mas-servizz ċivili għal diretturi ġenerali u diretturi? Jista' jgħid f'liema ministeru qegħdin dawn il-vakanzi separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Għalkemm it-tabella turi l-pożizzjonijiet vakanti fil-31 ta’ Diċembru 2005, billi qiegħed isir ristrutturar tal-Istrutturi Għolja f’diversi Ministeri, mhux il-pożizzjonijiet kollha fit-tabella neċessarjament ser jigu mimlija. Ir-restrutturar li qed ssir jista jirrizulta fit-tneħħija ta’ xi pożizzjonijiet u l-amalgamazzjoni ta’ oħrajn jew il-kreazzjoni ta’ pożizzjonijiet ġodda.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ittellgħu karozzi tal-gvern għal emission test ta' l-awtorita' dwar it-trasport? Ta' liema ministeru kienu dawn il-karozzi? Ittieħdet azzjoni sabiex jissewwew f'każ li ma għaddewx mit-test? Jista' jgħid jekk ġietx imponuta multa fuq dawk il-karozzi li ma għaddewx mit-test?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li għaxar (10) vetturi tal-gvern ġew mgħajta biex jitilgħu għal emission test.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' l-għaxar vetturi li ġew mgħajta għal emission test u ta' liema Ministeru kienu.
Mill-vetturi li telgħu għat-test kien hemm erba' vetturi li m'għaddewx mit-test u ġew irrapurtati fuq bażi ta' karozza mhux miżmuma tajjeb (minħabba id-duħħan eċċessiv). Tnejn minn dawn il-vetturi reġgħu telgħu għat-test u għaddew mit-tieni test wara li l-imsemmija vetturi ġew irranġati, filwaqt li ż-żewġ vetturi l-oħra ma telgħux għat-tieni test meta ġew mgħajta u għaldaqstant l-Awtorita' għamlet restrizzjoni fuq il-liċenzja ta' dawn iż-żewġ vetturi.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi uffiċjali tal-gvern li qegħdin acting f'xi kariga ta' direttur ġenerali u direttur? F'każ li fl-affermattiv, x'inhi l-allowance/remunerazzjoni li qegħdin jieħdu dawn l-uffiċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li hemm żewġ (2) uffiċjali li nħatru Aġenti Diretturi sakemm il-pożizzjoni relattiva tibqa’ vakanti. L-awtorizzazzjoni ħarġet minn dan l-Uffiċċju għax il-pożizzjonijiet huma vakanti. Il-pożizzjonijiet huma:-
· Stamperija tal-Gvern
· Reġistru Pubbliku
Fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ġie approvat Strument ta’ Delega fil-25 ta’ Marzu 2003, li jawtorizza lis-Segretarji Permanenti jaħtru aġenti diretturi ġenerali/diretturi, meta pożizzjonijiet bħal dawn ma jkunux vakanti u l-persuna rakkomandata tkun l-iktar waħda anzjana fid-dipartiment. Għaldaqstant, għal informazzjoni simili fil-każ ta’ Ministeri oħrajn, l-Onorevoli interpellant mistieden jgħaddi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministri rispettivi.
Uffiċjali għolja li jagħmlu xogħol ta’ aġenti diretturi ġenerali/diretturi jitħallsu d-differenza bejn is-salarju tagħhom u s-salarju tal-pożizzjoni ogħla li fih jkunu aġenti skond Artiklu 2.4.5 tal-Public Service Management Code.
Nirreferik ukoll għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija Parlamentari numru 16472/10/1.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ix-xarabanks (karozzi tal-linja) humiex disposti li jittellgħu għal emission test ta' l-awtorita' dwar it-trasport? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid kemm ittellgħu xarabanks sal-lum għal dan it-test?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li x-xarabanks huma obligati li jattendu għal emission test ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport.
Sa l-31 ta ' Diċembru 2005 ġew ittestjati total ta' 63 xarabank.
Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi segretarju permanenti, diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi fid-dekasteru tiegħu li ma ġġeddilhomx il-kuntratt matul is-snin 2004 u 2005? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid min kienu, għaliex ma ġġeddilhomx il-kuntratt u fejn qegħdin jaħdmu llum?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ma kien hemm l-ebda uffiċjal fil-pożizzjonijiet imsemmija mill-Onor. Interpellant li ma ġġeddilux il-kuntratt matul is-snin 2004 u 2005. Fl-2005 id-Direttur tat-Turiżmu u s-Servizzi Korporattivi nħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex u għalhekk qiegħed iservi f’dak il-Ministeru. Fl-istess sena wkoll, id-Direttur (E.U. Affairs, Policy Development and Programme Implementation) ġie boarded out.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri li jiffurmaw il-privatisation unit, x'salarju għandhom, xi fringe benefits/allowance għandhom u/jew humiex impjegati b'xi forma ta' kuntratt u f'każ li fl-affermattiv, ingħatawx approvazzjoni ta' l-uffiċċju tal-prim ministru għal dan?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Privitisation Unit hija magħmula minn tlett membri; Chairman li għadu renumerazzjoni ta' Lm17,000 li tinkludi allowance għall-użu ta' karozza u telephone.
Direttur li għandu salarju ta' Lm12,000 fis-sena u Transaction manager b'salarju ta Lm8,896 fis-sena.
Ninsab infurmat li kien hemm approvazzjoni tal-Uffiċju tal-Prim Ministru biex saru l-kuntratti.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-privatisation unit għamlitx użu minn kumpanniji ta' avukati/professjonisti privati għal pariri/konsulenzi? F'każ li fl-affermattiv, kif intgħażlu dawn il-kumpanniji/individwi, x'tip ta' servizz taw jew qegħdin jagħtu lil privatisation unit u x'ammont tħallas lilhom fl-2004 u fl-2005?
Response (GATT, AUSTIN)
Iva, il-Privatisation Unit għamlet użu minn numru ta' kumpaniji għall-pariri u konsulenzi. Il-kumpaniji li ntgħażlu fl-2004 u 2005 ġew mgħażula b'mod kompetittiv. Dawn kienu jvarjaw minn ditti ta' Avukati, Accountants u Investment Banks.
Is-servizzi li taw u li qegħdin jgħatu kienu relattati mal-privatiżżazzjoni tal-Malta Freeport Terminals Co. Ltd., l-għoti ta' Liċenzja għall-Lottu Pubbliku, l-bejgħ tal-ishma fis-Sea Malta, tal-Maltacom u l-Bank of Valletta plc kif ukoll l-kummerċjaliżżazzjoni tal-Petroleum Division tal-Enemalta.
Ġew ukoll imqabbda Stock Brokers, Registrar u Manager għall-bejgħ tal-ishma tal-Malta International Airport.
Rigward l-aħħar parti ta' l-informazzjoni mitluba naħseb li l-Onor. Interpellant jifhem li minħabba n-natura kummerċjali u kunfidenzjali, din ma tistax tkun żvelata.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' commission li l-Maltacom tieħu fuq kull telefonata li ssir waqt ġbir: 1) għall-karita, 2) minn partiti politiċi u 3) televoting ta' individwi oħra?
Jista' jgħid jekk jaqbilx li fil-każ ta' ġbir ta' fondi għal skopijiet karitattivi, il-Maltacom għandha tagħti s-servizz tagħha mingħajr commission?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta li tajt għall-PQ 1130.
Jista' il-Prim Ministru jiċħad jew jikkonferma li x-xogħol kollu għal bini tad-detention centre ta' Lyster Barracks qam is-somma ta' Lm128,709 kif kwotat fil-mistoqsija parlamentari 15990 u x-xogħol sar kollu permezz ta' direct order waħda msemmija fl-istess mistoqsija? Jista' jiċħad jew jikkonferma li x-xogħol kollu globalment biex inbena d-detention centre f'Lyster Barracks qam is-somma ta' Lm230,000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nikkonferma li l-ispiza biex jinbena l-kumpless imsemmi kienet Lm128,709 u mhux Lm 230, 000. Nitlob lill-Onorevoli Membru biex jirreferi wkoll għat-tweġiba tal-Mistoqsija Nru 16471.
Jista' il-Prim Ministru jgħid, b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15990, min kien il-kuntrattur u/jew jekk kienx hemm sub-contractors li ngħataw id-direct order? Jista' jgħid kemm ħa flus il-kuntrattur u/jew is-sub-contractor separatament mis-somma globali tad-direct order?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-kuntratturi li ngħataw id-Directo Order kienu:
Ballut Blocks Ltd – xogħolijiet ta’ kostruzzjoni, Lm 112,744
Master Electric Ltd – “fittings” ta’ l-ilma, elettriku u sanitarji, Lm7,908
Master Enterprises Ltd – “fittings” ta’ l-ilma, elettriku u sanitarji, Lm4,488
Joseph Zahra Ltd (il-Fajsu) – ħadid u azzar, Lm3,569