B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15813, filwaqt li l-Prim Ministru kkonferma li l-prattika stabilita li ministru/segretarju parlamentari jitlob l-approvazzjoni tal-Prim Ministru sabiex ikun jista' isiefer, jista' il-Prim Ministru jiċħad jew jikkonferma li dejjem saret it-talba għall-approvazzjoni mill-ministri/segretarji parlamentari qabel siefru kif jitlob il-code of ethics?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-informazzjoni mogħtija lili, jirriżulta li dejjem saret it-talba għall-approvazzjoni mill-ministri/segretarji parlamentari għal safar.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15813, jista' il-Prim Ministru jgħid x'jiddetermina jew min jiddeċiedi meta jkun meħtieġ li l-ministri/segretarji parlamentari jissottomettu rapport għas-safar tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 16477, fejn intqal li sal-31/12/05 ittellgħu 63 xarabank (karozzi tal-linja) għal emission test ta' l-ADT, jista' il-Ministru jgħid kemm minnhom m'għaddewx mit-test, jekk ġewx immultati u x'miżuri ttieħdu wara t-test?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn dawn it-63 xarabank li ttellgħu għal emission test, 2 minnhom m’għaddewx u ġew immultati. Is-sidien ta’ dawn iż-żewġ vetturi ntalbu li jmorru jagħmlu t-tiswijiet meħtieġa sabiex wara jerġgħu jtellgħu l-vettura għat-test.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ittellgħu xarabanks (karozzi tal-linja) għal emission test ta' l-ADT matul Jannar 2006? Jista' jgħid kemm minnhom weħlu t-test, jekk ġewx immultati u x'miżuri ttieħdu wara t-test?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li matul Jannar 2006, 27 xarabank ittellgħu għal emission test u għaddew kollha.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16473, jista' il-Prim Ministru jgħid min ta l-approvazzjoni għal dan l-arranġament meta fl-Armata hemm ħafna aktar suldati li jixtiequ l-istess kundizzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-arranġament huwa wieħed temporanju li sar fuq talba ta’ l-Iskrivan tal-Kamra tad-Deputati u li jikkonċerna s-Surġent inkarigat mis-sigurta’ tal-Palazz tal-President fil-Belt.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16473, jista' il-Prim Ministru jgħid min hu dan l-uffiċjal, x'rank għandu, fejn qiegħed stazzjonat u minn liema dipartiment tal-gvern qiegħed jitħallas tal-ħin żejjed li qiegħed jaħdem?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li dan l-individwu huwa s-Surġent inkarigat mis-sigurta’ tal-Palazz tal-President fil-Belt. Dan qiegħed jitħallas tal-ħin żejjed li qed jaħdem mill-fondi allokati lill-Kamra tad-Deputati.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16472, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk inħarġitx sejħa għall-applikazzjonijiet għal post vakanti ta' direttur ġenerali fl-uffiċċju tiegħu? F'każ li ma ħarġitx, jista' jgħid x'qiegħed isir biex tiġi identifikata l-persuna ideali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kienet ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet għall-post vakant ta’ Direttur Ġenerali fil-Management and Personnel Office permezz taċ-ċirkulari OPM 39/2004 tal-10 ta’ Novembru 2004.
Fuq parir tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, skond l-Artiklu 92 (4) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, intgħażel uffiċjal, li min-naħa tiegħu, ma aċċettax l-inkarigu.
Sadanittant ġew fis-seħħ l-arranġamenti kif jidher fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16472.
Jista' il-Ministru jgħid kemm qam flus l-apparat li nxtara mill-ADT li jintuża biex jiżen trakkijiet għal roadside checks inspections, imsejjaħ bħala weigh pads?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-ispiża totali tal-weigh padsli qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant kienet ta' Lm9,526.23.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15822, filwaqt li l-Prim Ministru ikkonferma l-fiduċja tiegħu fil-ministri/segretarji parlamentari tiegħu li jżommu d-delegazzjonijiet żgħar kemm jista' ikun meta jsiefru, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk ingħatax permess meta xi ministri/segretarji parlamentari siefru u d-delegazzjoni kienet ta' erbgħa jew ħames membri ta' l-istaff privat tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex ikun speċifiku u jgħid għall-liema delegazzjoni qiegħed jirreferi, liema Ministru jew Segretarju Parlamentari u d-data.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il test sar permezz tal-weigh pads mixtrija mill-ADT għal testijiet ta' trakkijiet? Jista' jgħid jekk permezz ta' dawn il-weigh pads inħarġux multi u f'każ li fl-affermattiv, kemm-il multa nħarġet permezz ta' dan l-apparat?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li saru erba' (4) testijiet permezz tal-weigh padsu l-ebda multa ma ngħatat waqt dawn it-testijiet.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jingħata t-tarmac fil-parking area ta' ħdejn il-blokka ta' flats B1, C1 u D Ta' Paris, Birkirkara, wara l-playground ta' l-iskola sekondarja ta' Ta' Paris, Birkirkara, liema area ilha mingħajr tarmac għal ħafna aktar minn 20 sena sħaħ? F'każ li ser jingħata t-tarmac, jista' jgħid meta se jinbeda x-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ser issir spezzjoni fuq il-post sabiex jiġi stabbilit x'hemm bżonn isir.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' private staff li hemm mal-ministeru? Kemm minnhom huma uffiċjali pubbliċi u kemm minnhom huma b'xi forma ta' kuntratt? X'inhu s-salarju, allowance u benefiċċji oħra (fringe benefits) li qegħdin jieħdu? Jista' jgħid kemm minn dawn huma mid-distrett elettorali tiegħu u jagħti lista ta' l-ismijiet, indirizzi u identity cards tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Hemm 22 persuna fis-Segretarjat tal-Ministeru li lkoll ġejjin mis-Settur Pubbliku ħlief tlieta li huma b'kuntratt. Il-ħlas tagħhom huwa kif stabbilit fid-dokument tal-Gvern dwar din il-kategorija ta' ħaddiema liema dokument kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm siefru bejn l-2004 u l-2005 il-membri tal-private staff tiegħu? Fejn marru, x'kienet ir-raġuni, kemm ħadu/ingħataw flus għal kull safra u jikkonfermax jekk kienx hemm xi ħadd minnhom li siefer first jew business class?
Response (GALEA, LOUIS)
Tajjeb jiġi ċċarat li l-Ministeru m'għandu l-ebda 'private staff' tiegħu imma impjegati pubbliċi fis-segretarjat tal-Ministeru.
Informat li l-Kap tas-Segretarjat fil-Ministeru kien l-uniku uffiċjal li siefer darba fl-2004 u darbtejn fl-2005.
It-tliet darbiet li siefer kien fuq xogħol tal-Gvern:-
1) Fl-2004 akkumpanja lill-Ministru għat-92 sessjoni tal-Konferenza ta' l-ILO f'Ginevra, l-Isvizzera. Huwa rċieva s-somma ta' Lm115.46 kif hu stabbilit fir-regoli dwar subsistance allowance.
2) Fl-2005 akkumpanja lill-Ministru għal Seminar Dinji għall-Ministri ta' l-Edukazzjoni bit-titlu "ICT in Education" li sar f'Londra, l-Ingilterra. Huwa rċieva s-somma ta' Lm281.58 bħala subsistence allowance.
3) Fl-2005 attenda għas-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasbourg, Franza. Huwa rċieva s-somma ta' Lm158.66 bħala subsistence allowance, li minnhom irrifonda Lm127.86 li rċieva bħala subsistence allowance mill-Parlament Ewropew.
Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Servizz tal-Melita Cable
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi impjegati fid-dekasteru tiegħu li jagħmlu użu mis-servizz tal-Melita Cable? F'każ li fl-affermattiv, min huma u kemm kienet l-ispiża bejn l-2004 u l-2005?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat hekk :-
Dipartiment Ammont mħallas bejn l-2004 u l-2005 Fejn jinsab
Direttur Servizzi Korporattivi Lm355.97(l-ispiża tinkludi l-arretrati) Ministeru
Kunsill Malti Għall-iSport Lm176.47 Fitness Centre Tal-Qroqq
Relazzjonijiet Industrijali u Mpjiegi Lm 79.74 Dipartiment
Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Servizz ta' l-internet
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx uffiċjali fid-dekasteru tiegħu li għandhom is-servizz ta' l-internet fir-residenza tagħhom "minbarra dak ipprovdut mill-MITTS" imħallas minn fondi pubbliċi? F'każ li fl-affermattiv, min approva s-servizz, għal min qiegħed jiġi pprovdut is-servizz u min hu l-ISP?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hux dejjem saret talba għall-approvazzjoni lill-uffiċċju tal-Prim Ministru skond kif jitlob il-code of ethics tal-ministri "any Minister who needs to go abroad for any reason requires the approval of the Prime Minister" u jekk il-ministri ssottomettewx ir-rapport lill-uffiċċju tal-prim ministru hekk kif mitlub mill-istess code of etchics "Ministers are expected to submit a report to the Prime Minister on their return from official visits abroad" ta' kull safra (2004-2005)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nikkonferma li hija prattika stabbilita li Ministru jew Segretarju Parlamentari jitlob l-approvazzjoni tal-Prim Ministru sabiex ikun jista’ jsiefer. Fejn ikun meħtieġ imbagħad l-Ministru jew is-Segretarju Parlamentari jagħti rendikont ta’ dak li jkun ħareġ mill-laqgħat li kellu waqt is-safra partikolari f’laqgħa tal-Kabinett.
Jista' il-Prim Ministru jikkonferma jekk qattx ċaħad xi safar minn xi ministri minħabba nuqqas ta' fondi jew raġunijiet oħra fl-2004-2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari huma responsabbli biżżejjed li jitolbu approvazzjoni għal safar biss meta dan ikun verament meħtieġ u meta jkun fl-interess tal-pajjiż. Illum dan is-safar l-aktar li jkun meħtieġ huwa sabiex pajjiżna jkun rappreżentat fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Unjoni Ewropeja. F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru normalment ma jkollu l-ebda raġuni li jiċħad talba għal safar minn Ministru jew Segretarju Parlamentari ħlief meta dan ikun meħtieġ minħabba dmirijiet konnessi max-xogħol tal-Parlament jew ma impenji uffiċjali oħra.
B'riferenza għal code of ethics għall-ministri u segretarji parlamentari (liema code of ethics jinsab fuq il-website uffiċjali tal-gvern), jista' il-Prim Ministru jgħid:
1) Jekk il-fondi għas-segretajat privat tal-ministri qattx ġew użati għal skop partiġġjan;
2) jekk il-ministri dejjem informaw lill-prim ministru meta jkunu sejrin isiefru;
3) peress li l-ministri "should keep the number of members of their delegation as limited as possible, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk ingħatax permess lil xi ministri biex f'każi jieħdu magħhom erba' jew ħames membri tal-private staff fuq delegazzjoni; u
4) jistax jikkonferma jekk kienx hemm xi ministru li talab permess u/jew informa lill-Prim Ministru illi sejjer jieħu xi erba' jew ħames membri mill-private staff fuq xi safar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’riferenza għall-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onor Membru li d-dmirijiet tal-membri ta’ Segretarjat ta’ Ministru jew ta’ Segretarju Parlamentari huma stabbiliti f’dokument intitolat ‘Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats’ li oriġinarjament kien tħejja fl-1999 u li kien ġie rivedut fl-2003. Dan id-dokument kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra u l-membri ta’ Segretarjat huma mistennija li jimxu mal-provvedimenti tiegħu.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor Membru għat-Tweġiba li għadni kif tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15813.
Dwar il-partijiet l-oħra tal-Mistoqsija, nassigura lill-Onor Membru li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħi kollha jifhmu l-ħtieġa li n-numru ta’ membri tad-delegazzjonijiet tagħhom għandu jinżamm kemm jista’ jkun baxx.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm sarulu talbiet mill-ministri għal safar fl-2004-2005? Minn min saru, kemm minnhom ġew approvati u kemm ġew rifjutati? Jista' jagħti lista dettaljata ta' kull safra li ġiet approvata, kemm qamet u min kienu l-membri tad-delegazzjoni u fejn marru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor Interpellant għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15821, ma nħossx li hemm il-ħtieġa li toqgħod tinġabar l-informazzjoni dettaljata mitluba mill-Onor Membru.
Jista' il-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti (mibgħuta lill-istess Prim Ministru mill-istess Ministri) li għamlu l-Ministri għal safar matul l-2004-2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor Membru għall-informazzjoni li diġa’ tajtu fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15183.