Legislature:
Category:
Reset
Active:

Petrol allowance

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu l-allowance ta' petrol li huma ntitolati għalih: 1) is-segretarju permanenti; 2) diretturi ġenerali; 3) diretturi; 4) l-assistenti personali tal-ministru; u 5) segretarju tal-ministru? Kemm nefaq kull wieħed minnhom f'petrol xahar b'xahar bejn Jannar 2004 sa Novembru 2005?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mobile phones

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm jew hemmx membru mill-istaff privat tiegħu li għandu għall-użu uffiċjali tiegħu iktar minn mobile phone wieħed u iktar minn linja waħda (fixed line) fir-residenza tiegħu? Jista' jikkonferma jekk l-ammont minfuq qabiżx l-ammont ta' Lm400 matul is-sena 2004 u 2005?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda membru ta' l-istaff personali tiegħi li għandu aktar minn mobile phone wieħed għall-użu uffiċjali tiegħu. Rigward linja tat-telephone fir-residenza (fixed line), hemm uffiċjal wieħed li huwa il-Communications Coordinator. Dan għandu żewġ linji (waħda minnhom tintuża bħala fax) u l-ispiża tagħhom qatt ma qabżet l-Lm400 fis-sena fl-2004 u fl-2005.

Żvilupp Urban u t-Toroq — Internet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx uffiċjali fid-dekasteru tiegħu li għandhom is-servizz ta' l-internet fir-residenzi tagħhom "minbarra dak ipprovdut mill-MITTS" imħallas minn fondi pubbliċi? F'każ li fl-affermattiv, min approva s-servizz, għal min qiegħed jiġi pprovdut is-servizz u min hu l-ISP?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda uffiċjal fil-Ministeru/Dipartiment tiegħi għandu s-servizz ta’ internet fir-residenza tiegħu imħallas minn fondi pubbliċi. Fil-kas ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport, id-Direttur Licensing & Testing Dept, ic-Chief Executive Officer u d-Deputy Chairman jagħmlu użu minn dan is-servizz. Dan ġie approvat mill-bord ta’ l-Awtorita’ stess u l-ISP (Internet Service Provider).

Mobile phones

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew rapportati settijiet tal-mobile phones bħala mitlufa, misruqa jew bil-ħsara minn membri ta' l-istaff privat tiegħu? Jista' jgħid kemm kien jiswa kull mobile in kwestjoni? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għall-uffiċċju tas-segretarju parlamentari?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-Ministeru tiegħi kien hemm żewġ każi fejn membri ta’ l-istaff fis-Segretarjat Privat tiegħi kellhom jibdlu l-mobile phones tagħhom minħabba ħsara. Ma kien hemm l-ebda każ fejn xi mobile phones insterqu jew intilfu. F’każ wieħed inxtara sett ieħor bħala replacement li kien jiswa Lm150, filwaqt li l-każ l-ieħor inġab sett b’xejn meta ġie mibdul ma’ punti mogħtija mill-kumpanija li tagħti servizz ta’ telephone ċellulari. Ninsab infurmat ukoll li ma kien hemm l-ebda każ fejn membri ta’ l-istaff fl-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, insterqilhom, tilfu jew kellhom ibiddlu mobile phones minħabba ħsara.

Ġustizzja u Intern — Internet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx uffiċjali fid-dekasteru tiegħu li għandhom is-servizz ta' l-internet fir-residenti tagħhom "minbarra dak ipprovdut mill-MITTS" imħallas minn fondi pubbliċi? F'każ li fl-affermattiv, min approva s-servizz, għal min qiegħed jiġi pprovdut is-servizz u min hu l-ISP?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tweġiba hi fin-negattiv.

Mobile phones

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inxtraw mobile phones għall-użu personali tal-membri ta' l-istaff fl-uffiċċju tiegħu matul is-snin 2003, 2004 u 2005? Kemm minn dawn is-settijiet inxtraw bi prezz 'il fuq minn Lm50, Lm100, Lm150 u Lm200? Jista' jikkonferma jekk kienx hemm xi membri mis-segretarjat privat tiegħu li f'dan il-perijodu xtara iktar minn mobile sett wieħed, kemm-il wieħed inxtara u kemm kienu l-prezzijiet? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għall-uffiċċju tas-segretarju parlamentari?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub dwar 'mobile phones' hu s-segwenti:- 1) Mobile phones li nxtraw għall-użu personali u uffiċjali tal-membri ta' l-istaff: 2003 2004 2005 Ministry xejn xejn 1 Parliamentary Secretary xejn xejn xejn 2) Set li nxtara kien jiswa Lm150 3) Ma kienx hemm membri ta' l-istaff li xtraw iktar minn mobile sett wieħed.

Iklin — Pelican Lights

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17473, jista' il-Ministru jkun aktar speċifiku u jagħti data aktar konkreta għal meta hu mistenni li jibda x-xogħol fuq dawn il-pelican lights?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi dawn qegħdin fil-lista ta’ xogħol pendenti. Il-pelican lights jiġu nstallati skond l-urġenza, kien hemm pelican lights li saru f’dan il-perjodu li kienu aktar urġenti u b’hekk ingħataw prijorita’. L-Awtorita’ ser tagħmel mezz li dawn jiġu nstallati sas-sajf li ġej.

Ġustizzja u Intern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jiċħad jew jikkonferma li fid-dekasteru tiegħu nħarġu call for applications għall-karigi ta' segretarju permanenti, diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi, tmexxew l-intervisti u ħadd ma ġie appuntat minn dawk li applikaw u għaddew mill-interview b'suċċess? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid x'kienet ir-raġuni u min ħa din id-deċiżjoni?

Response (BORG, TONIO)

Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li l-proċess dwar calls for applications u tmexxija ta’ intervisti għall-mili ta’ vakanzi ta’ Segretarji Permanenti, Diretturi Generali u Diretturi isir mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija għar- rigward ta’ dawn it-tlitt karigi lill- Ministru konċernat. Rigward calls for applications ta’ Assistenti Diretturi, dawn isiru mis-Segretarjat Permanenti tal-Ministeru. Ninsab infurmat li fil-Ministeru tiegħi kien hemm żewġ każi fejn l-applikant li ġie l-ewwel fl-intervista ma ġiex appuntat fil-kariga. Dan sar minħabba li ż-żewġ uffiċċjali konċernati talbu huma stess biex jibqgħu jokkupaw il-pożizzjoni li kellhom. Din id-deċiżżjoni ttieħdet wara li kien hemm l-approvazzjoni neċessarja mill- Management and Personnel Office.

Segretarji permanenti/diretturi

Question

Jista' il-Ministru jiċħad jew jikkonferma li fid-dekasteru tiegħu inħarġu call for applications għall-karigi ta' segretarju permanenti, diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi, tmexxew l-intervisti u ħadd ma ġie appuntat minn dawk li applikaw u għaddew mill-interview b'suċċess? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid x'kienet ir-raġuni u min ħa din id-deċiżjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li matul din is-sena (2006) ma kien hemm l-ebda call for application għal kariga ta' Assistenti Diretturi mal-Ministeru tagħna. Dwar il-gradi l-oħra, nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Segretarji permanenti/diretturi

Question

Jista' il-Prim Ministru jiċħad jew jikkonferma li fid-dekasteru tiegħu inħarġu call for applications għall-karigi ta' segretarju permanenti, diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi, l-intervisti tmexxew u ħadd ma ġie appuntat minn dawk li applikaw u għaddew mill-interview b'suċċess? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid x'kienet ir-raġuni u min ħa din id-deċiżjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li fil-każ ta’ Segretarji Permanenti, il-ħatriet isiru fit-termini ta’ Artikolu 92 (3) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, u sejħiet ta’ applikazzjonijiet ma’ joħorġux għal dawn il-pożizzjonijiet. Għar-rigward tad-Diretturi Ġenerali u Diretturi, il-proċess huwa marbut mal-Linji Gwida dwar il-proċess ta’ l-għażla ta’ kapijiet tad-Dipartimenti, kopja anessa. Fil-każ ta’ Assistenti Diretturi, kien hemm żewġ każijiet fejn min ġie kklasifikat l-ewwel ma ħax il-kariga għax ġie l-ewwel f’żewġ proċessi ta’ għażla li seħħew fl-istess żmien u għażel pożizzjoni minnhom.

Ġustizzja u Intern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'kontijiet tad-dawl u ilma matul is-snin 2004 u 2005 fil-ministeru tiegħu u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid għandux pjan kif se jassorbi ż-żieda tas-surcharge fuq id-dawl meta l-vot allokat għal konsum tad-dawl għall-2006 baqa' bħal dak tas-sena 2005? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa fuq bozoz energy savers matul is-snin 2004 u 2005? Jista' jgħid jekk hux qegħdin jittieħdu miżuri sabiex jitnaqqas il-konsum tad-dawl u f'każ li fl-affermattiv, x'miżuri qegħdin jittieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar nefqa f'dawl u ilma u energy savers hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Waħda mill-funzjonijiet ewlenin tal-Green Leader maħtur f'kull Ministeru hija appuntu li jiġu introdotti inizjattivi biex jitnaqqas il-konsum ta' l-elettriku u l-ilma u jiġi evitat ħela bla bżonn ta' riżorsi oħra bħal karti, linka etc. Qed issir kampanja biex l-istaff tal-Ministeru jkun ekonomiku fl-użu tad-dawl u l-ilma biex titnaqqas kemm jista' jkun l-ispiża operattiva f'dan ir-rigward.

Ġustizzja u Intern — Mobile Phones

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu l-ammont globali ta' mobile phones użat mill-membri ta' l-istaff tiegħu? Minn min qegħdin jintużaw, min awtorizza tali użu u kemm huwa s-ceiling għal kull mobile phone? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għall-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ammont globali ta' mobile phones użat mill-membri ta' l-istaff privat tal-Ministeru u dak tas-Segretarju Parlamentari huwa 7, kif jidher f'din it-tabella. L-awtorizzazjoni ta' l-użu ta' dawn il-mobile phones hija skond il-guidelines "Engagement of Staff for Ministerial Secretariats" u skond guidelines maħruġa mill-Ministeru tal-Finanzi. Staff li għandhom mobile phones: Staff Ammont Ceiling fis-sena Ministery Head of Secretariat 1 No Ceiling Private Secretary 1 No Ceiling Assistant Private Secretary 1 Lm350 PRO 1 No Ceiling Parliamentary Secretary Head of Secretariat 1 No Ceiling Private Secretary 1 No Ceiling PRO 1 No Ceiling Total 7

Ġustizzja u Intern — Melita Cable

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi impjegati fid-dekasteru tiegħu li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Melita Cable, min huma u fil-każ li fl-affermattiv, kemm kienet l-ispiża bejn l-2004 u l-2005?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-uffiċini fejn hemm is-servizz tal-Melita Cable u l-ħlasijiet li saru għal dan is-servizz fl-2004 u fl-2005 hu kif ġej:- Post2004 Lm2005 Lm Ministeru85.5590.95 Segretarjat Permanenti85.5580.98 Uffiċċju fil-Parlament163.60157.92 Taqsima Proprjeta’ tal-Gvern335.85217.10 Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija239.08293.49

OPM — Mobile Phones

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew irrapportati settijiet ta' mobile phones bħala mitlufa, misruqa jew bil-ħsara minn membri ta' l-istaff privat tiegħu u/jew tas-Segretarju Parlamentari? Jista' jgħid kemm kien jiswa kull mobile in kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li kien hemm żewġ settijiet ta’ mobile phones li ġew irraportati bil-ħsara, wieħed minn membru ta’ l-istaff tal-Prim Ministru u ieħor minn uffiċjal fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari. Il-mobiles kienu jiswew Lm70 u Lm55 rispettivament.

OPM — Mobile Phones

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inxtraw mobile phones għal użu personali tal-membri ta' l-istaff fl-uffiċċju tiegħu jew tas-Segretarju Parlamentari matul is-snin 2003, 2004 u 2005? Kemm minnhom inxtraw għall-prezz ta' aktar minn Lm50, Lm100, Lm150 u Lm200? Jista' jikkonferma jekk kienx hemm xi membri mis-segretarjat privat tiegħu li f'dan il-perijodu xtara iktar minn mobile wieħed? Kemm-il wieħed inxtara u kemm kienu l-prezzijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-2003 sa l-2005 ma nxtraw l-ebda mobile phones għall-użu personali ta’ l-istaff fl-uffiċċju tiegħi jew tas-Segretarju Parlamentari.

OPM — Karozzi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-karozza uffiċjali tiegħu bħala Prim Ministru u s-second car humiex government owned jew mikrija? F'każ li mikrija, kemm hu l-ammont inkluż il-VAT li l-imsemmija karozzi huma mikrijin kuljum? F'każ ta' government owned cars, jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għal manutenzjoni/repairs ta' l-imsemmija karozza matul is-sena 2004/2005? Jista' jgħid jekk matul l-2004/2005 keriex xi karozza għall-użu tiegħu temporanjament? Fil-każ li fl-affermattiv, kemm inkriet kuljum? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għas-Segretarju Parlamentari li jaqgħu taħtu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

OPM — Impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' private staff li hemm miegħu u mas-Segretarju Parlamentari? Kemm minnhom huma uffiċjali pubbliċi, u kemm minnhom huma b'xi forma ta' kuntratt? X'inhu s-salarju, allowance u benefiċċji oħra (fringe benefits) li qegħdin jieħdu? Jista' jgħid kemm minnhom huma mid-distrett elettorali tiegħu u jagħti lista ta' l-ismijiet, indirizzi u n-numru ta' l-identita' tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil l-Onor Interpellant li għar-rigward tal-ewwel u t-tieni mistoqsija, l-istaff tas-Segretarjat Privat tiegħi jammonta għal total ta’ 36 li minnhom 30 huma uffiċjali pubbliċi u mis-settur tal-parastatali filwaqt li dak tas-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tiegħi huwa ffurmat minn total ta’ 11 li minnhom 7 huma uffiċċjali pubbliċi u mis-settur tal-parastatali. Għar-rigward tat-tieni mistoqsija, il-ħlas kollu li jirċievu dawn il-ħaddiema kif ukoll benefiċċji oħrajn huwa konformi mal-linji ta’ gwida għal ingaġġ ta’ ħaddiema fis-Segretarjat Privati ta’ Ministri (Guidelines of the engagement of staff for Minister’s Secretariat) kif approvat mill-Kabinett. Għar-rigward ta’ l-aħħar żewġ mistoqsijiet, napprezza raġuni valida qabel ngħati l-informazzjoni mitluba.

OPM — Safar

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm siefru bejn l-2004 u l-2005 il-membri tal-private staff tiegħu? Fejn marru? X'kienet ir-raġuni? Kemm ħadu flus/ingħataw flus għal kull safra u jikkonferma jekk kienx hemm xi ħadd minnhom li siefer first jew business class?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

OPM — Melita Cable

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi impjegati fid-dekasteru tiegħu li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Melita cable? Min huma u fil-każ li fl-affermattiv, kemm kienet l-ispiża bejn l-2004 u l-2005?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ‘A’ għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant. Fil-każ tal-Ministeru tal-Finanzi tabella ‘B’ turi l-istess informazzjoni mitluba.

OPM — Call for Applications

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm call for applications għall-karigi ta' segretarju permanenti, diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi matul is-snin 2004 u 2005 fid-dekasteru tiegħu? F'każ li fl-affermattiv, jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-order of merit finali ta' l-applikanti għall-kariga rispettiva? Jista' jgħid jekk hux f'kull każ il-persuna klassifikata fl-ewwel post ħadet l-appointment? F'każ li l-appointment ma ħaditux il-persuna klassifikata numru wieħed, jista' jgħid x'kienet ir-raġuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-tweġiba hija fil-pożittiv ħlief fil-każ tas-Segretarji Permanenti li jinħatru skond Artiklu 92 (3) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u sejħiet ta’ applikazzjonjiet ma’ joħorġux għal dawn il-pożizzjonijiet. Fil-każ ta’ Diretturi Ġeneral u Diretturi, il-ħatriet isiru fuq bażi ta’ kompetizzjoni u l-aktar kandidat adattat jintgħażel għall-pożizzjoni fit-termini ta’ Artiklu 92 (4) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. M’hijiex etika li jingħataw dettalji personali. Fil-każ ta’ proċessi għall-pożizzjonijiet ta’ Assistent Direttur, li ma jsirux skond Artiklou 92 (4) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, jista’ jkun hemm raġunijiet varji għalfejn min jiġi kklassifikat l-ewwel ma’ jiħux il-kariga bħal, per eżempju, meta uffiċjal jiġi l-ewwel f’żewġ proċessi ta’ għażla li jseħħu fl-istess żmien u jagħżel pożizzjoni minnhom.