Legislature:
Category:
Reset
Active:

AFM — Confidential Reports

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarux il-confidential reports tas-sena 2006 fil-Forzi Armati, fir-reġimenti kollha u fejn ma sarx jista' jgħid għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-confidential reports tas-sena 2006 fil-HQAFM, fl-ewwel u fit-tielet Reġiment saru kollha. Fir-raba’ Reġiment, fl-Iskwadra Marittima u fl-Air Wing għad fadal xi ftit li għadhom ma tlestewx minħabba primarjament xogħol amministrattiv li kien jikkonċerna r-rijorganizzazzjoni li saret fl-Armata u x-xogħol ieħor operattiv li għafas fuq l-amministrazzjoni ta’ l-imsemmija Unitajiet li fadlilhom jikkonkludu. L-eżerċizzju kollu tal-confidential reports ser jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

AFM — Klawsola ta' l-irtirar

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24747 liema tweġiba ingħatat fis-seduta 542, jista' l-Prim Ministru jikkonferma li meta daħlet fis-seħħ għall-ewwel darba l-klawsola ta' l-irtirar mill-Forzi Armati, s-suldati kienu ġew mgħarrfa ukoll li dawk l-individwi li meta jagħlqu 55 sena u ma jkunux laħqu servew 25 sena dawn jingħatalhom ċ-ċans li jibqgħu iservu sakemm jagħlqu 25 sena servizz jew 61 eta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 27505 ta’ l-istess Onorevoli Interpellant.

Lyster barracks — Tined

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu jew le li ser jinbena kumpless tat-tined ieħor ġewwa Lyster Barracks, Ħal Far biswit dak eżistenti biex ikun jista' jakkomoda madwar 1,500 klandestin? Jekk iva, jista jgħid jekk sarx xi studju fuq l-implikazzjonijiet li dan ser ikollu fuq is-sigurta' kemm tal-barracks u kemm tal-pajjiż speċjalment meta wieħed jieħu inkonsiderazzjoni li ġewwa dan il-barracks hemm l-ikbar ħażna ta’armi li hawn fil-pajjiż.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li hemm il-ħsieb illi jinbena Closed Detention Compound ieħor biswit t-tent compound eżistenti f’Lyster Barracks. Tingħata kull attenzjoni sabiex filwaqt li nipprovdu għall-bżonnijiet ta’ l-immigranti irregolari, nipprovdu ukoll sigurtà meħtieġa għall-protezzjoni ta’ kwalsiasi armi f’Lyster Barracks.

AFM — Kurunelli

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex żewġ kurunelli li għandhom 25 sena servizz ġeddewlhom is-servizz sa l-eta' ta' 61 sena filwaqt li oħrajn f'rank iżgħar li għandhom 25 sena servizz ma tawhomx l-istess opportunita' li ħadu dawn il-kurunelli? Jista' jgħid jekk jarax diskriminazzjoni bejn il-kurunelli u suldati f'rank iżgħar li m'għandhomx 25 sena servizz, meta dawn ta' l-aħħar ma tħallewx jaħdmu fejn kienu qabel u ntbagħtu mad-detention service?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li dawn iż-żewġ kurunelli ma ngħataw ebda trattament speċjali għajr estenzjoni sat-8 ta’ Jannar 2008 kif sar ma’ diversi suldati u uffiċjali oħrajn fl-Armata.

Sptar Boffa

Question

Jista' l-Ministru jgħid eżatt x'se jsir mill-isptar Boffa 'il quddiem? Jista' jiċħad jew jikkonferma li hemm il-ħsieb li dan l-isptar jingħata lil xi kuntrattur privat minflok flus li għandu jieħu? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid min hu dan il-kuntrattur u kemm għandu jieħu fi flus?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27630 (Seduta 557).

Iklin — Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni u jara tistax tinstab soluzzjoni biex jitnaqqas il-ħafna traffiku li jgħaddi minn Triq Ġuże' Pesci, Triq Mons P.P Saydon, Triq Ċensu Busuttil u Triq Ġuże' Galea l-Iklin peress li ngħalqet it-triq li tagħti għall-Vibes?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Huwa ferm apprezzat li l-Onor Interpellant jikkjarifika għal liema triq qed jirreferi sabiex l-Awtorita Dwar it-Trasport tkun f'pożiżżjomi li tinvestiga dan is-suġġeriment.

Maltastar

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-ġurnal elettroniku Maltastar.com qed jiġi filtered fuq il-mezzi ta' l-internet provduti mill-gvern lill-impjegati tiegħu, meta ġurnali elettroniċi oħra, fosthom il-Maltarightnow, m'hemm l-ebda problemi biex wieħed jidħol fih?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ġurnal elettroniku Maltastar.com mhux qed jiġi filtered fuq il-mezzi ta' l-internet u ghaldaqstant dan qed jiġi provdut mill-gvern lill-impjegati tiegħu.

Finanzi fid-Dipartimenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il Ministeru u Dipartiment tal-Gvern għandu żbilanċ fl-Emoluments Vote għas-sena 2007? F'kull każ, kemm hi d-differenza bejn l-ammont ta' flus li l-Ministeri u Dipartimenti għandhom bżonn biex iħallsu lill-impjegati sa l-aħħar tas-sena u kemm fil-fatt kien ivvutat lilhom fil-Budget 2007?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-aġġustamenti meħtieġa fil-Voti tal-Ministeri u d-Dipartimenti tal-Gvern, fosthom għall-effett tal-Ftehim Kollettiv, li assorba ż-żieda dovuta għall-għoli tal-ħajja, isiru fix-xahar ta’ Diċembru kif ikun hemm bżonn mill-Vot tat-Teżor li fih Item apposta għal dan l-iskop u li hi mistennija tkun biżżejjed biex tkopri dawn l-aġġustamenti.

Forzi Armati — Irtirar

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li s-suldati li se jgħalqu l-eta' ta' 55 sena jew aktar u li ma jkunux laħqu servew għal 25 sena se jitħallew iservu fil-Forzi Armati wara t-8 ta' Jannar 2008?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dawk is-suldati li jkunu għalqu 55 sena fit-8 ta’ Jannar 2008 u ma jkunux laħqu servew għal 25 sena, ser jiġu irtirati mis-servizz fil-Forzi Armati ta’ Malta. Madanakollu dawn diġà ġie offrut lilhom impieg mad-Detention Services għall-perijodu mit-8 ta’ Jannar 2008 sa meta jagħlqu 25 sena servizz jew 61 sena fl-età skond liema jiġri l-ewwel. Dawn jibqgħu bl-istess paga li jkollhom fit-8 ta’ Jannar 2008, jingħatalhom xogħol skond ma jitlob il-Commander tad-Detention Services u ż-żmien li jaħdmu mad-Detention Service jiżdied maż-żmien fis-servizz fil-Forzi Armati ta’ Malta għall-fini ta’ pensjoni.

Forzi Armati — Skwadra Marittima

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħidilna kemm kien jiswa t-tender għall-proġett ta' l-immodernizzar tal-moll tal-bażi marittima tal-Forzi Armati? Meta bedu u meta kellu jkun lest? Kemm se jiġi jiswa u meta se jkun lest?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Promozzjonijiet fl-Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux se jerġgħu joħorġu l-promozzjonijiet fl-Armata skond kif ħabbar s-Segretarju Parlamentari l-Onor. Tony Abela fl-artiklu fil-gazzetta "In-Nazzjon" datata 15 ta' Jannar, 2007 fejn qal li l-promozzjonijiet mhux se jdumu biex jerġgħu joħorġu matul is-sena kurrenti? Jista' jgħid jekk jistgħux jerġgħu jiġu promossi nies li ħadu promozzjoni s-sena l-oħra, kemm f'dawk li huma other ranks u high ranks?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26924.

Detention Services — RSC

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għala ċertu surġent li qiegħed misluf mad-Detention Service ma ġiex imsejjaħ lura bħall- kumplament tal-membri li kienu fl-istess Detention Service peress li hu fatt magħruf li l-membri tar-Revenue Security Corp li kienu mislufin (attached) ma' reġimenti jew kumpaniji oħra fi ħdan l-Armata ġew msejħa lura fil-korp skond l-esiġenza ta' l-Armata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna li hu mifhum li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant qed jaqdi doveri essenzjali fit-tmexxija tad-Detention Centre ta’ Ħal Safi u għaldaqstant għal issa mhux fl-interess tas-Servizz li dan jintbagħat lura mar-Revenue Security Corps. Ta’ min jinnota li apparti dan l-individwu bħalissa hemm tlettax-il membru ieħor tar-Revenue Security Corps li huma mislufin ma’ entitajiet oħra ta’ l-Armata barra l-istess korp.

Forzi Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarux il-confidential reports tas-sena 2006 fil-Forzi Armati, fir-Reġimenti kollha u fejn ma sarux jista' jgħid għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-confidential reports tas-sena 2006 għadhom mistennija li jkunu lesti fil-ġimgħat li ġejjin.

Forzi Armati — Klawsola tal-Irtirar

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24747 liema tweġiba ngħatat fis-seduta 542, jista' l-Prim Ministru jikkonferma li meta daħlet fis-seħħ għal ewwel darba l-klawsola ta' l-irtirar mill-Forzi Armati, s-suldati kienu ġew mgħarrfa wkoll li dawk l-individwi li meta jagħlqu 55 sena u ma jkunux laħqu servew għal 25 dawn jingħatalhom iċ-ċans li jibqgħu jservu sakemm jagħlqu 25 sena servizz jew l-eta' ta' 61 sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li taħt il-Gvern Laburista immexxi dak iż-żmien minn Alfred Sant, l-iskema ta’ irtirar obbligatorju mill-Forzi Armati fl-età ta’ 55 sena ddaħħlet b’mod arbitrarju nhar il-5 ta’ Diċembru 1997, u inqas minn xahar qabel ma bdiet tiġi mplimentata fl-1 ta’ Jannar ta’ wara. Dan wassal biex minnufih, disa’ membri tal-Forzi Armati kellhom itemmu l-impjieg tagħhom u kienu mġiegħla jirritornaw il-kit tagħhom dak il-ħin stess mingħajr ma kellhom żmien adegwat biex ikunu jistgħu ifittxu mpjieg alternattiv. Kienu biss ftit l-eċċezzjonijiet li ngħataw, primarjament lil dawk li ddaħlu fil-Forzi Armati fl-1986/87. Bil-għan li l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta jkollhom żmien biżżejjed biex iqisu l-futur tagħhom wara l-irtirar tagħhom mill-militar, nhar it-22 ta’ Diċembru 1998 il-Gvern Nazzjonalista ġdid informa lill-membri kollha tal-Forzi Armati ta’ Malta li l-iskema ta’ irtirar obbligatorju kellu jidħol fis-seħħ għaxar snin wara, u cioé għaxar snin wara l-5 ta’ Diċembru 1997. B’hekk dawk is-suldati li kienu se jkunu milquta bl-iskema ta’ l-irtirar issa kellhom għaxar snin biex jaħsbu fuq il-futur tagħhom.

Iklin — Triq Ċensu Busuttil

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru l-linji ta' Triq Ċensu Busuttil, Iklin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Huwa ferm apprezzat li l-Onor Interpellant jikklarifika għal liema linji qed jirreferi f'din il-mistoqsija parlamentari sabiex it-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku tkun f'pożiżżjoni li tinvestiga dan il-każ.

Iklin — Tnaqqis ta' traffiku

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni u jara tistax tinstab xi soluzzjoni sabiex jitnaqqas it-traffiku minn Triq Guze Pesci u Triq Ninu Cremona, Iklin, peress li issa din it-triq qed jgħaddi minnha t-traffiku kollu li jkun irid immur n-Naxxar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li l-kunsill lokali Iklin kien nieda sistema tat-traffiku sabiex jindiriżża il-problema li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari iżda tali sistema kellha impatt negattiv fuq bnadi oħra u ma kienetx effettiva' daqskemm mixtieq. L-Awtorita' Dwar it-Trasport ma rċeviet l-ebda proposta oħra mill-kunsill lokali.

Bankini

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ħa jsiru il-bankini ta' toroq Guze Pesci, Ninu Cremona u Patri Cuschieri, Iklin?.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li t-toroq imsemmija kollha fihom bankina u r-responsabilita’ tal-manutenzjoni tagħhom taqa’ taħt il-Kunsill Lokali.

Belt Valletta — Flats tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid fuq liema kriterji huma eżentati mill-ħlas tal-konsum ta' l-elettriku tal-lifts dawk il-familji li jabitaw fil-blokk flats tal-gvern li hemm f'dawn it-toroq fil-Belt Valletta: Mediterran, S. Kristophru, Sant Ursula, u San Duminku?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-blokk li rrefera għalih l-Onor. Interpellant mhux ta’ l-Awtorita’ tad-Djar u l-lifts fih ma ġewx stallati mill-Awtorita’. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat..