Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk l-għaqdiet kulturali, każini tal-baned u għaqdiet simili, humiex meqjusa bħala organizzazzjoni kummerċjali għall-fini ta' tassazzjoni, VAT u kontijiet ta' utilities? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern preżenti li jneħħi dawn it-taxxi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-prodott Zantac - mistura - huwa out of stock mill-isptarijiet? Jista' jgħid ukoll għaliex il-provvista tal-feeding bags ġiet limitata lil min jagħmel użu minnha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Jirriżulta li wara diffikulta' minn naħa tal-aġent biex jissupplixxi l-prodott fi żmien stipulat, is-sitwazzjoni issa hija waħda normali u l-mistura Zantac tinsab fl-ispiżeriji tal-isptarijiet.
Rigward l-enteral feeding bags ninsab infurmat li d-dipartiment jixtri feeding sets partikulari li jaqblu ma' pompi apposta. Ġara li l-aġent informana li l-manifattur ma baqax jipproduċi l-feeding sets li jaqblu mal-pompi li għandu d-dipartiment. Għalhekk, id-dipartiment kellu jidentifika sors alternattiv ta' feeding sets li huma kompatibbli mal-pompi eżistenti.
Sakemm jiġi finaliżżat kuntratt ġdid ma' agent ieħor biex jissupplixxi l-prodott, l-kwantita' li normalment tingħata 'l-pazjent ġiet limita biex jinqdew il-pazjenti kollha.
Jista' il-Ministru jinvestiga dwar il-kwalita' ħażina ta' ilma li qed jirċievu r-residenti ta' Triq Luqa Briffa, Gżira?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-problema tal-kwalita' ta' l-ilma fi Triq Luqa Briffa fil-Gzira hi li l-ilma xi kultant ikun fih tracciti ta' sadid. Dan wisq probabbli gej minn trunk main qadim li minn Birkirkara jwassal l-ilma fil-Gzira. Biex din il-problema tispicca, dan il-main li hu twil diversi kilometri, irid jinbidel. (Sadattant, il-Korporazzjoni ghas-Servizzi ta' l-ilma qed tistudja s-sistema tad-distribuzzjoni tal-lokal biex tara hux possibbli li tissupplixxi 'l din it-triq minn banda ohra fejn ma hemmx din il-problema). Fil-fatt, bhalissa qed isiru xi xoghlijiet fuq is-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-ilma fil-Gzira li ghandhom ighinu biex tittaffa din il-problema.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern investigax u eventwalment jekk interveniex dwar id-diffikulta' li qed isibu ċ-ċittadini Maltin biex jakkwistaw visa biex isiefru lejn l-Istati Uniti ta' l-Amerika? Jekk fl-affermattiv, x'irriżulta? Jaf li ċ-ċittadini Maltin qed jiġu mġiegħla jħallsu miżata konsiderevoli għall-applikazzjoni ta' din il-visa għalxejn għax eventwalment il-maġġorparti kbira ta' l-applikazzjonijiet qed jiġu rifjutati?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin jinsab infurmat li xi Maltin li applikaw għall-visa biex isiefru lejn l-Istati Uniti ta' l-Amerika sabu diffikulta' biex din tingħatalhom. Fil-fatt il-Ministeru għamel diversi rappreżentazzjonijiet ma' uffiċċjali għolja fl-Ambaxxata ta' l-Istati Uniti f'Malta u anke max-Charge d'Affaires Amerikan f'Malta. L-Ambaxxata ta' l-Istati Uniti f'Malta wegħdet li tagħmel dak kollu possibbli biex tiffaċilita' l-aċċetazzjoni ta l-applikazzjonijiet taċ-ċittadini Maltin għall-visa biex imorru l-Istati Uniti ta' l-Amerika.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li għal kulmin għandu lift fl-appartamenti tal-gvern provdut mill-awtorita' tad-djar mingħand il-kumpannija li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, inbidlulhom il-kondizzjonijiet tal-ftehim b'mod partikolari klawsola 10 kif jidher mid-dokument li wkoll qed jintbagħat separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorita` tad-Djar tesiġi li kull fejn jiġi stallat lift fi blokk tal-Gvern tiġi ffurmata Assoċjazzjoni tar-Residenti. Din l-Assoċjazzjoni tkun responsabbli għall-manutenzjoni regolari u tiswijiet meħtieġa fil-lift, kif ukoll għal spejjeż oħra relatati.
Il-manutenzjoni tal-lift fl-ewwel sena jitħallas mill-Awtorita` tad-Djar peress li dan is-servizz ikun inkluż fil-kuntratt tax-xiri u l-istallar tal-lift. Wara din l-ewwel sena l-Assoċjazzjoni tar-Residenti tidħol responsabbli li tagħmel ftehim direttament ma’ xi kumpannija li tagħżel hi biex issir il-manutenzjoni tal-lift.
L-Awtorita` torbot biss lill-Assoċjazzjoni bir-responsabbilita` li l-lift jinżamm f’kundizzjoni tajba u operabbli u ma tindaħalx fl-għażla tal-kumpannija u wisq anqas fil-kundizzjonijiet tal-ftehim dwar il-manutenzjoni. Dawn il-kundizzjonijiet ikunu stabbiliti bi ftehim bejn il-kumpannija u l-Assoċjazzjoni tar-Residenti a bażi tal-policies tal-kumpannija konċernata u r-regolamenti tal-ġurnata dwar il-lifts u dawk tas-saħħa u s-sigurta`.
Jista' il-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa u urġenti biex permess PA04274/03 għal slipway f'Pembroke jiġi pproċessat mill-aktar fis possibbli?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-permess għall-kostruzzjoni ta’ slipway f'Pembroke (numru PA 4274/03) inħareġ mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fit -30 ta' Marzu 2004. Iżda mbagħad irriżulta li kien hemm oġġezzjoni mill-Water Services Corporation (WSC) għas-sit magħżul minħabba li l-użu tas-slipway seta’ kellu impatt negattiv fuq l-impjanti ta’ Reverse Osmosis fil-viċin.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'effett kellhom: 1) it-tibdiliet leġislattivi dwar il-forma tat-testmenti? 2) l-aġġustamenti fil-valur tad-dikjarazzjonijiet causa mortis fuq in-numru ta' insinwazzjonijiet li saru minn Jannar 2005 sal-lum fir-Reġistru Pubbliku u dan billi jitqabbel in-numru ta' insinwazzjonijiet li saru minn Jannar 2005 sal-lum man-numru ta' insinwazzjonijiet li saru bejn Jannar 2004 u Mejju 2004 u bejn Jannar 2003 u Mejju 2003?
Response (BORG, TONIO)
Fir-Reġistru Pubbliku ssir l-insinwazzjoni tat-testmenti pubbliċi u tal-kuntratti ta’ trasferimenti causa mortis fost oħrajn. Jidher li fis-sena 2005 kien hemm żieda fl-insinwazzjoni ta’ testment pubbliċi u kuntratti causa mortis.
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ insinwazzjonijiet ta’ testmenti pubbliċi u ta’ kuntratti causa mortis fir-Reġistru Pubbliku (Malta), li jinkludu dawk bl-aggustamenti, għal dawn l-aħħar tlett snin, minn Jannar sa Mejju ta’ kull sena, huma kif ser jingħad:
Xahar
Causa Mortis
Testmenti Pubbliċi
2003
2004
2005
2003
2004
2005
Jannar
80
112
97
308
305
402
Frar
167
140
171
452
412
393
Marzu
135
163
301
382
448
495
April
150
129
429
296
368
665
Mejju
133
128
560
435
300
749
Dwar ir-Reġistru Pubbliku (Għawdex) ninsab infurmat illi n-numru ta’ insinwazzjonijiet causa mortis kien kif ġej:-
Total Jannar sa Mejju 2003: 134
Total Jannar sa Mejju 2004: 116
Total Jannar sal-15 ta’ Ġunju 2005: 267
It-Total Jannar sal-15 ta’ Ġunju 2005 maqsum hekk:
Numru ta’ Insinwazzjonijiet Causa Mortis: 169
Numru ta’ Insinwazzjonijiet Aġġustati: 98
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impurtati armi f'dawn l-aħħar sitt xhur u li ma kienux snieter jew air guns?
Jista' jgħid min kellu l-permess li jimpurtahom u x'kalibru u kwalita' kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar u s-16 ta’ Ġunju ta’ l-2005 ġew importati 214 arma, kif jidher hawn taħt:
Carbine
3
Persussion Muskett
5
Rifle
65
Dagger
1
Pistol
61
Flintlock Muskett
12
Sub machine gun
1
Harpoon
40
Revolver
20
Flintlock Pistol
2
Bayonette
2
Knife
1
Sword
1
Ma nħossx illi tagħrif personali dwar l-importaturi għandu jkun ippublikat.
Dwar armi li m'humiex snieter tal-kaċċa jew airguns, dawn jiġu importati għax huma antiki jew artistiċi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'jiġri mill-armi u l-bird callers li jiġu sekwestrati mill-qorti u mill-pulizija?
Jekk jirriżulta li jiġu distrutti, jista' jgħid b'liema mod, fejn u minn min?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fuq ordni tal-Qorti sabiex jiġu kkonfiskati u distrutti armi u bird callers, ir-Reġistratur jgħaddi dawn lill-Kummissarju tal-Pulizija.
Dawn jiġu distrutti manwalment pero' l-bird callers ser jiġu mkissra f'Waste Recycling Plant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn permessi f'Malta u Għawdex, separatament, biex isir ikkargar ta' l-iskrataċ għas-snieter?
Jista' jgħid min għandu l-permessi jagħmel dan ix-xogħol?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn kumpannija waħda li għandha liċenzja tal-Pulizija sabiex tikkarga skrataċċ għas-snieter.
Ċittadini Maltin u Għawdxin — Żjarat f'pajjiżi barra minn Malta
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ċittadini Maltin u Għawdxin marru f'pajjiżi barranin minn Mejju 2003 sal-lum għal perijodu ta' aktar minn tliet xhur?
Jista' jgħid f'liema pajjiż marru?
Jista' jgħid l-etajiet ta' dawn il-persuni?
Jista' jgħid kemm minn dawn il-persuni marru bl-iskop uniku li jaħdmu fil-pajjiż li marru fih?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika jiġbor informazzjoni dwar Maltin li jkunu se jsiefru bl-ajru minn Malta permezz ta’ kwestjonarju li jsir lil random sample ta’ passiġġieri, per eżempju lil wieħed minn kull erbgħin.
Mill-kwestjonarju joħorġu dettalji dwar passiġġieri Maltin li jkunu se jsiefru għal:
a) anqas minn 6 xhur
b) 6 xhur sa 12-il xhur
c) 12-il xahar jew iktar
Il-Maltin ma jiġux mistoqsijin għal liema skop qegħdin isiefru.
Dan ifisser li ma tistax tingħata tweġiba għall-ewwel u r-raba’ partijiet tal-mistoqsija, imma tista’ tingħata informazzjoni għal perjodu li jikkorrispondi ma (a) fuq, jiġifieri għal passiġġieri li jkunu se jsiefru għal perjodu ta’ anqas minn 6 xhur. Dan naturalment ivarja minn ftit ġranet sa sitt xhur.
Jirriżulta wkoll li għall-kategoriji (b) u (c) fuq, il-figuri li għandu l-NSO għas-sentejn li talab l-Onorevoli Interpellant huma żgħar wisq u għalhekk unrepresentative, u ma jista’ jingħad xejn konkret fuqhom. Ghalhekk mhumiex qed jingħataw, imma qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra dwar il-kategorija ta’ taħt is-6 xhur biss.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11540 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment,. Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jgħid meta hu maħsub li jingħataw iż-żidiet u l-arretrati ta' l-istess żidiet lill-pensjonanti ex-ħaddiema tal-BOV, u dan skond l-aħħar ftehim kollettiv?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11482 f’Seduta Numru 251 mill-Ministru tal-Familja u tas-Solidarjetà Soċjali.
Ta' Gioni Housing estate — Manutenzjoni ta' appartamenti
Question
Tista' il-Ministru tieħu l-passi kollha meħtieġa biex jiġu spezzjonati l-fili tal-faċċata ta' l-appartamenti A, B, C, D, E, F, G, H, I u J li jinsabu fil-housing estate ta' Ta' Giorni peress li wasluli diversi rapporti mir-residenti ta' dawn l-appartamenti li wħud mill-faċċati ta' l-istess appartamenti jinsabu fi stat ħażin u għandhom bżonn jiġu mkaħħla urġentement minħabba li qed issir ħsara fid-djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li jingħataw iż-żidiet u l-arretrati ta' l-istess żidiet lill-pensjonanti ex-ħaddiema tal-BOV, u dan skond l-aħħar ftehim kollettiv?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 10208, tista' il-Ministru tgħid meta ħarġet is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ħatra ta' co-ordinator in charge tax-xogħlijiet li qegħdin isiru fl-iskola ta' San Ġużepp fil-Marsa, skond l-avviż li hemm imwaħħal ma' l-uffiċċju ta' l-iskola u skond it-tagħrif mogħti fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10209 u cioe' "dan l-impjegat qed jaqdi d-dmirijiet tiegħu f'dan il-kumpless"?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li għamel referenza għaliha ma għandha ebda konnessjoni max-xogħolijiet li qed isiru fl-ex Skola San Gużepp fil-Marsa, bi tħejjija biex tiġi konvertita f'kumpless għall-immigranti rregolari. Intenni li minkejja li dan l-impjegat għadu qed jaqdi d-dmirijiet tiegħu f'din l-iskola ma jaqgħax taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru tiegħi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10223, peress li jien ma staqsejtx jekk ir-reġistru pubbliku jżommx statistika ta' noti ta' insinwa rigward rikonċiljazzjoni iżda kemm-il rikonċiljazzjoni minn separazzjoni personali ġiet insinwata matul l-2004?
Jista' jgħid x'għandu fi ħsiebu l-gvern biex għan-nuqqas imsemmi b'mod tali li jinġabar it-tagħrif imsemmi ħalli d-dibattitu nazzjonali dwar il-qagħda tal-familja - li jokkupa kontinwament il-mezzi tax-xandir u l-opinjoni pubblika - isir b'mod informat u sħiħ?
Response (BORG, TONIO)
Nippreċiża li l-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10223 ġiet inwieġba. Biss għas-sena 2004 kienet għadha ma tinżammx statistika, allura dettalji rikjesti ma setgħux jingħataw.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sena 2005 bdiet tinġabar din l-informazzjoni u fil-fatt mill-bidu tas-sena 2005 kien hemm insinwazzjoni waħda u għall-esattezza din kienet nota korrettoria ta' kuntratt ta' rikonċiljazzjoni li sar f'2004.
Biex tinġabar dik għas-sena 2004 iridu jiġu verifikati madwar 22,000 nota ta' insinwazzjoni. Jidhirli li l-ħin biex isir dan jista' jintuża għal xogħol iktar urġenti.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 10009 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi u cioe' tista' il-Ministru tgħid jekk huwiex il-ħsieb tad-dipartiment konċernat li jpoġġi l-persuna (instructor) - isimha qed jintbagħat separatament - bħala in charge tal-klandestini fl-ex skola San Ġużepp Ħaddiem tal-Marsa, meta din il-persuna kellha każ il-qorti minħabba allegat kliem u attitudni razzisti?
Tassigura l-Ministru li b'ħatra bħal din ikun hemm trankwilita' u serenita' għall-klandestini fil-bini ta' l-ex skola msemmija?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta Soċjali għadu fi stadju fejn qed jirranġa l-iskola ta' San Ġużepp fil-Marsa u bħalissa ma hemm l-ebda immigranti sakemm jitlesta dan ix-xogħol. Il-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant huwa mpjegat mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u m'hemm l-ebda ħsieb li din il-persuna jibqa' jaqdi d-dmirijiet tiegħu f'dan il-kumpless meta dan jibda jopera bħala ċentru ta' akkomodazzjoni għall-immigranti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il rikonċiljazzjoni minn separazzjoni personali ġiet insinwata matul is-sena 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku iżomm statistika ta' noti ta' insinwa rigward separazzjonijiet personali.
Pero' ma tinżammx statistika ta' noti ta' insinwa rigward rikonċiljazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid jekk jeżistux applikazzjonijiet ta' żvilupp għand il-MEPA li jikkonċernaw is-sit ta' l-ex Empire Stadium fil-Gżira? Jekk fl-affermattiv, fiex jikkonsistu dawn l-applikazzjonijiet ta' żvilupp?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li, skond is-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), l-unika applikazzjoni li tikkonċerna s-sit ta' l-ex-Empire Stadium fil-Gżira li għandha quddiema l-istess Awtorità hija PA 6513/04.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 10008 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' tista' il-Ministru tgħid jekk kuntrattur li qiegħed jagħmel xogħol ta' refurbishing fl-ex skola San Ġużepp Ħaddiem tal-Marsa huwiex jitħallas doppjament ta' ċertu xogħol li qiegħed jagħmel fosthom tibjid doppju ta' ċerti klassijiet?
Tista' tinvestiga wkoll jekk hemmx ċertu ħaddiema li qed jispiċċaw mix-xogħol fl-10.00 a.m.?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li x-xogħol li sar s'issa fl-ex Skola San Ġużepp Ħaddiem, il-Marsa, ma sarx minn kuntrattur iżda mill-ħaddiema tal-Gvern impjegati mad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar. Il-klassijiet inżebgħu darba biss għalkemm fejn kien hemm bżonn, speċjalment fejn il-kulur oriġinali kien skur, ingħatat passata oħra.
Jien infurmata wkoll li kien hemm ġranet fejn il-ħaddiema lestew kmieni u marru jkomplu xogħol ieħor fuq tiswijiet ta' djar tal-Gvern fil-programm ta' xogħlijiet ta' l-imsemmi Dipartiment.