Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #16507 Sitting 308 2000-06-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — San Ġiljan - Bars

Question

Jista' l-Ministru jieħu passi sabiex il-bars u l-pubs li hemm fi Triq il-Kbira, San Ġiljan, biswit Triq it-Taraġ tal-Bajja, jibdew jagħlqu fil-ħin kif provdut fil-liġi u skond il-permess li għandhom u ma jkomplux jiddisturbaw lir-residenti sa tard bil-lejl, kif qed jiġri preżentament? Jista' jgħid il-pulizija kemm-il rapport irċeviet f'dawn l-aħħar sentejn f'dan ir-rigward u x'passi ttieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija kienet u ser tibqa` tissorvelja sabiex ma jkunx hemm abbużi mis-sidien tal-ħwienet fil-lokalita` li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant. Ninsab infurmat ukoll li kull meta l-Pulizija kellha rapporti li qed ikun hemm abbuż, dejjem investigat u ittieħdu l-passi kif meħtieġ. Fil-fatt matul dawn l-aħħar sentejn inħarġu 14-il ċitazzjoni lil sidien ta` ħwienet fl-inħawi.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Safar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari nru. 16389?

Response (BORG, JOE)

It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant għadu qed jinġabar u għaldaqstant m'għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 16389.
Leg 9 PQ #16606 Sitting 308 2000-06-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Subject co-ordinators

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġu l-applikazzjonijiet u meta għalqu għal subject co-ordinators primary sector? Jista' jgħid kemm applikaw għal dawn il-postijiet vakanti, meta ser isiru l-intervisti, u meta huwa maħsub li l-għalliema applikanti li eventwalment ikunu ġew magħżulin ser jibdew din il-ħidma? Jista' jgħid liema huma l-iskejjel primarji li fihom ser jintbagħtu dawn is-subject co-ordinators?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-applikazzjonijiet għal subject co-ordinator ħarġu fid-9 ta' Mejju, 2000 u għalqu fid-29 ta' l-istess xahar. Perss li l-eżerċizzju ta' għażla huwa mniehdi mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku - liema Kummissjoni tesiġi kunfidenzjalita` waqt il-proċess - m'hinix f'pożizzjoni li nagħti dettalji iżjed f'dan l-istadju.
Leg 9 PQ #16607 Sitting 308 2000-06-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Żjarat uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk riċentement kellux żjarat uffiċjali fil-Bahrain, Latvia, Pariġi u Zurich? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'kien l-iskop ta' dawn iż-żjarat u ma' min saru? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li dawn iż-żjarat ma ngħatawx pubbliċita' u ma ssemma' xejn fil-media lokali kif jiġri s-soltu? Jista' jgħid minn min kien akkumpanjat u kemm laħqet l-ispiża ta' dawn iż-żjarat?

Response (DALLI, JOHN)

Kontra li qiegħed jgħid l-Onorevoli Interpellant, jiena ma għamilt ebda żjara uffiċjali la fil-Bahrain u lanqas fi Zurich. Għamilt żjara f` Dubai, Pariġi u Riga. F` Dubai kelli laqgħat ma l-kamra tal-kummerċ, u l-Bank Ċentrali dwar l-investiment li Malta jista` jkollha minn dik il-Parti tad-Dinja fil-qasam ta` servizzi finanzjari. F` Pariġi ndirizajt `seminar` organizzat mill-MFSC u kelli diskussjonijiet mal-OECD fuq il-klassifikazzjoni li se jkollha Malta fil-kategorizazzjoni li dawn se jagħmlu ma Ċentri Finanzjarji u li għandha tiġi pubblikata sa l-aħħar ta` dan ix-xahar. Iltqajt ukoll mal-President tal-Movement des Entreprises de France (MEDEF) u mad-deputat Ministru fil-Ministeru tal-Finanzi, Francois Huwart. F` Riga attendejt għal-laqgħa annwali tal-EBRD u ħadt l-okkażjoni biex niffirma l-Ftehim dwar il-Ħelsien mit-Taxxa doppja bejn Malta u l-Latvja. F` Pariġi u l-Latvja kont akkumpanjat mill-Assistent Segretarju fil-Ministeru, waqt li f` Dubai ma` kont akkumpanjat minn ħadd. Hu falz li tgħid li ma ssemma xejn fil-medja lokali dwar din iż-żjara. L-ispejjeż laħqu Lm6,346.
Leg 9 PQ #16608 Sitting 308 2000-06-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

OPM — Impjegati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16271, jista' l-Ministru jgħid x'pakkett ġie offrut lis-Sur Joe Portelli bħala kap tat-Tax Compliance Unit?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħala Kap tat-`Tax Compliance Unit`, is-Sur Joseph Portelli ingħata remunerazzjoni ta` Lm12,600 fis-sena li bejn wieħed u ieħor huwa l-pakkett globali li kellu bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi.
Leg 9 PQ #16500 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tas-Saħħa

Gvern Malti/Gvern Ingliż — Kura medika

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-ftehim ta' kura medika bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Ingliż? Jista' l-Ministru jgħid liema hija dik il-kura koperta b'dan il-ftehim li jingħataw b'xejn il-pazjenti Maltin fi sptarijiet Ingliżi u l-pazjenti Ingliżi fi sptarijiet Maltin? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pazjenti b'ċittadinanza Ingliżi f'Malta humiex koperti b'dan il-ftehim li jingħataw: (a) kura b'xejn fl-emerġenza; (b) s-servizz ta' l-Out-patient; (ċ) r-rikoverament temporanju fl-isptar; u (d) interventi kirurġiċi b'xejn fl-isptarijiet governattivi Maltin?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-ftehim bejn Malta u l-Inghilterra dwar is-saħħa jikkonsisti: Li turisti li jkollhom bżonn ta` kura urġenti jkunu jistgħu jieħduha b'xejn fi sptarijiet u kliniċi tal-Gvern sa 30 jum. Dan japplika l-istess għal turisti Maltin fir-Renju Unit. Il-Kura koperta b'dan il-ftehim hija dik ta` natura urġenti. Għal l-aħħar parti tal-mistoqsija it-tweġiba hija fl-affermattiv, sakemm il-kura meħtieġa tkun urġenti.
Leg 9 PQ #16501 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Tibdil fin-numri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-Maltacom se tbiddel in-numri kollha tat-telephones fil-pajjiż is-sena d-dieħla? Jista' jgħid dan it-tibdil kemm huwa stmat li jiswa fi spejjeż lill-Maltacom kif ukoll lill-Gvern Malti?

Response (BONNICI, JOSEF)

Din il-materja tirrigwarda l-Ufficcju tar-Regolatur tat-Telekomunikazzjoni u ghalhekk il-mistoqsija ghandha ssir lill-Ministru ikkoncernat.
Leg 9 PQ #16502 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Breathalyser tests

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru breathalyser tests mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-lum? Jista' jgħid kemm minnhom irriżultaw pożittivi u kemm minnhom negattivi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn Jannar u Mejju 2000, kien hemm 41 sewwieq li l-Pulizija għamlitlu t-testijiet tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv. Minn dan in-numru ta` testijiet, 38 irriżultaw pożittivi u 3 kienu fin-negattiv.
Leg 9 PQ #16503 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Towing ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru car towing mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar u 31 ta` Mejju, 2000, ġew irmonkati mill-Pulizija 1,033 vettura.
Leg 9 PQ #16504 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Car clamping

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sar car clamping mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar u 31 ta` Mejju, 2000, ġew ikklampjati mill-Pulizija 84 vettura.
Leg 9 PQ #16505 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Roadblocks

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru roadblocks mill-pulizija mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-lum? Jista' jgħid f'liema lokalitajiet saru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul l-ewwel ħames xhur ta` din is-sena, il-Pulizija għamlet 955 roadblock f`diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Leg 9 PQ #16393 Sitting 303 2000-05-30 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Assistenti diretturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw il-postijiet vakanti għal post ta' assistenti diretturi fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Jista' jgħid jekk ħarġux, u f'każ li ħarġu meta, applikazzjonijiet għal dawn il-postijiet vakanti? Jista' jgħid jekk sarux intervisti f'dan is-sens u meta saru? Jista' jgħid meta se jimtlew dawn il-postijiet vakanti u jekk hemmx postijiet li, minkejja li saru l-intervisti għalihom, se jibqgħu vakanti? Jekk huwa l-każ għall-aħħar parti ta' din il-mistoqsija, x'inhi r-raġuni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-postijiet vakanti għal post ta' assistenti diretturi fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni huma erbgħa. 1. International Relations: Mistenni li l-post jimtela' ma jdumx. L-applikazzjoni kienet ħarġet fl-4 ta' Mejju 1999. Kien laħaq dak li ġie ċċertifikat l-ewwel, iżda dan spiċċa bl-eta`. Ġie nnomitat it-tieni wieħed fil-lista u l-post mistenni li jimtela ma jdumx. 2. Research and Documentation: L-applikazzjoni ħarġet fid-29 ta' Novembru 1999. L-intervisti saru u ntbagħtet ir-rakkomandazzjoni tal-persuna li ġiet l-ewwel fil-klassifika skond il-mertu. 3. Operations Region 1: L-applikazzjoni ħarġet fl-10 ta' April, 2000. Dalwaqt isiru l-intervisti. 4. Adult Education Broadcasting and Media Education: Is-sejħa għall-applikazzjonijiet mistennija li toħroġ ma ddumx. Hu maħsub li l-postijiet se jimtlew kollha.

Djar — Buġibba - Allokazzjoni ta' appartament

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li appartament numru 10 li jinsab fi Triq it-Turisti, Buġibba, ġie rrifjutat minkejja li ġie allokat diveri drabi? Jista' jgħid jekk huwiex veru li, minkejja li dan il-bini huwa wieħed ġdid, fih diversi ħsarat strutturali? Jista' jgħid jekk huwiex veru li l-parti ta' wara fejn hemm bedroom 1, il-ħajt m'huwiex inkaljat u hemm perikolu kbir fl-istrutturi? Jista' jgħid min huwa responsabbli għal dan ix-xogħol traskurat u eventwalment min se jagħmel tajjeb biex jiġu rranġati l-ħsarat li jeżistu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-flat li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant fil-fatt mhux ġdid u ilu mibni għoxrin sena. Ninsab infurmat ukoll li l-flat ġie rifjutat minħabba konsentura li fih f'kamra minnhom. Din il-konsentura mhiex perikoluża, iżda, peress li hemm nuqqas ta' ingall, tkun teħtieġ manutenzjoni ta' spiss. Għalkemm, kif għidt, mhemmx periklu, din il-manutenzjoni qed tiġi kkunsidrata bħala nkonvjent li jwassal lill-inkwilini prospettivi li jirrifjutaw l-allokazzjoni.
Leg 9 PQ #16396 Sitting 303 2000-05-30 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Impjegati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16271, jista' l-Prim Ministru jgħid x'pakkett ġie offrut lis-Sur Joe Portelli bħala kap tat-Tax Compliance Unit?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

It-Tax Compliance Unit jaqa taħt il-Ministeru tal-Finanzi; għalhekk nistieden l-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru tal-Finanzi.
Leg 9 PQ #16421 Sitting 303 2000-05-30 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Rothmans Final Trophy

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-pulizija kontra player tal-football li waqt li l-pulizija fetħet l-ilma fuq il-partitarji biex tferrex il-pubbliku waqt inkwiet li nqala' waqt il-final tar-Rothmans Final Trophy f'Ta' Qali deher (anke fuq mezzi tax-xandir ) jaqla' pipe minn ma' ieħor b'konsegwenza li l-pulizija ma setgħetx tkompli b'ħidmietha?

Response (BORG, TONIO)

Il-każ qed jiġi nvestigat u jekk jirriżulta jittieħdu proċeduri kriminali kontra l-persuna/i involuta/i.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 16214?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant. Nixtieq inżid li dawn l-impjegati qed jitħallsu mill-Vot tal-Ministeru.
Leg 9 PQ #16388 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni Ċiniżi jaħdmu Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' persuni Ċiniżi li għandhom permess jaħdmu Malta? X'inhu x-xogħol li qed jagħmel kull wieħed u waħda minnhom?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 13971.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Safar

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 16221?

Response (BORG, JOE)

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16221, naħseb li l-Onorevoli Membru qed jirreferi għall-grupp tan-negozjati, hekk imsejjaħ il-Core Negotiating Group. Dan hu kompost miċ-Chairman, is-Sur Richard Cachia Caruana u erba' membri oħra li huma l-Ambaxxatur Victor Camilleri, is-Sur Patrick Tabone, is-Sur Saviour Falzon u Dr Simon Busuttil. Minbarra l-Ambaxxatur Victor Camilleri li hu residenti fil-Belġju, dan il-grupp akkompanja il-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin fi Brussell fil-15 ta' Frar ta' din is-sena għal ftuħ uffiċċjali tan-negozjati. Is-Sur Richard Cachia Caruana mexxa delegazzjonijiet fi Brussell fit-28 ta' Marzu ta' din is-sena għall-hekk msejjħa l-ewwel Accession Conference. Akkumpanjawh, mill-Core Negotiating Group, l-Ambaxxatur Victor Camilleri, is-Sur Saviour Falzon u s-Sur Patrick Tabone. Is-Sur Cachia Caruana għadu kif mexxa delegazzjoni fi Brussell fil-25 ta' Mejju għat-tieni Accession Conference. Hawnekk kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur Victor Camilleri u minn Dr Simon Busuttil. Is-Sur Richard Cachia Caruana kellu diskussjonijiet bilaterali ma' pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropeja matul din is-sena kif ġej: Ir-Renju Unit f'Jannar; Spanja fi Frar; Franza f'Marzu; l-Isvezja u l-Portugal f'April; l-Italja u l-Ġermanja f'Mejju. Għaż-żjara tiegħu ġo l-Isvezja u l-Portugal, mill-Core Negotiating Group, hu kien akkumpanjat mis-Sur Saviour Falzon. Is-Sur Cachia Caruana mexxa wkoll diskussjonijiet bilaterali mall-Belġju, l-Olanda u l-Lussemburgu f'Mejju. Għal dawn id-diskussjonijiet, mill-Core Negotiating Group, hu kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur Victor Camilleri. F'April ta' din is-sena is-Sur Cachia Caruana żar ir-Repubblika Ċeka għal diskussjonijeit bilaterali wkoll. Is-Sur Cachia Caruana akkumpanja lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin fiż-żjara tiegħu fi Franza f'April ta' din is-sena. Rigward kemm ġew jiswew dawn iż-żjarat, l-informazzjoni għada tinġabar u għaldaqstant id-dettalji jingħataw f'seduta oħra.

UE — Proċess ta' l-iscreening

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 16217?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar l-ispejjeż konnessi mal-proċess ta' screening mal-Unjoni Ewropeja fir-rigward tal-Uffiċċjali li ħadu sehem fil-proċess ta' l-iscreening ma' l-Unjoni Ewropeja kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant. Inżid ngħid li kif hija l-prassi min isiefer fuq xogħol uffiċċjali ma jingħatax spending money per se iżda jingħata per diem allowance skond rati stabiliti perjodikament mill-Uffiċċju ta' l-Management and Personnel Office. L-ispejjeż għas-safar li ħarġu mill-Vot ta' dan il-Ministeru sa l-aħħar ta' Jannar 2000 kienu madwar Lm38,755 li jinkludu l-ispejjeż tal-biljetti tal-ajru u l-allowances msemmija. Din iċ-ċifra hija proviżorja għar-raġuni li xi rendikonti ta' spejjeż għadhom ma ġewx sottomessi lill-Ministeru filwaqt li xi oħrajn għad iridu jiġu proċessati u jonqos xi skonti fuq spejjeż ta' l-ajru mill-Air Malta.

UE — NGOs

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 16216?

Response (BORG, JOE)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għas-snin 1999-2000 ġew allokati Lm360,000 bħala kontribuzzjonijiet lill-Korpi Kostitwiti u Għaqdiet Rappreżentattivi inklużi NGO's. Somma sa massimu ta' Lm160,000 ġiet allokata fis-sena 1999 mill-Contingencies Fund permezz ta' Contingencies Fund Warrant maħruġ mill-Ministru tal-Finanzi. Somma ta' Lm200,000 ġiet allokata fil-vot ta' dan il-Ministeru kif jidher fl-Estimi Ġenerali għas-sena 2000. Il-fondi allokati lil dawn l-għaqdiet fis-sena 1999 għadhom qed jitħallsu waqt li bdew jitħallsu parti minn dawk allokati għal din is-sena. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onorevoli Interpellant.