B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15542 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Ministru jara li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa u urġenti biex tiġi mnaddfa għalqa li tinsab fi Triq it-Terz, Swieqi peress li din l-għalqa hija mimlija bi ġrieden li qed joħolqu periklu ta' saħħa għar-residenti li joqogħdu fit-toroq ta' l-inħawi u saħansitra qed jidħlu fid-djar tan-nies?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret spezzjoni minn uffiċċjali ta' dan id-Dipartiment, fl-għalqa li tinsab ġewwa Triq it-Terz kantuniera ma' Triq G. Bessiera u Triq il-Keffa, Swieqi. Waqt din l-ispezzjoni ġie nnutat skart u qed jittieħedħu l-passi neċessarji sabiex jitneħħa.
Rigward l-ilment, li l-għalqa inkwestjoni hija infestata bil-ġrieden, ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan id-Dipartiment rċieva ħames ilmenti matul din is-sena ta' infestazzjoni ta' ġrieden mir-residenti ta' din l-istess żona, għalkemm l-ebda lment ma kien jindika li l-infestazzjoni kienet f'xi residenza privata, saru erba' trattamenti għal kontra l-ġrieden fiż-żona msemmija. Dawn it-trattamenti saru fl-4 ta' Lulju, fis-6 ta' Settembru kif ukoll fit-3 u l-15 ta' Novembru ta' l-2005, filwaqt li se nkomplu nsegwu l-ilment perjodikament sakemm il-problema tal-ġrieden tiġi kkontrollata.
Jista' il-Ministru jara li jittieħu l-passi kollha meħtieġa u urġenti biex tiġi mnaddfa għalqa li tinsab fi Triq it-Terz, Swieqi peress li din l-għalqa hija mimlija bi ġrieden li qed joħolqu periklu ta' saħħa għar-residenti li joqogħdu fit-toroq ta' l-inħawi u saħansitra qed jidħlu fid-djar tan-nies?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15244 u jgħid x'inhi r-raġuni li l-Air Malta ordnat lil-lukanda sussidjarja tagħha Crown Plaza biex ma taċċettax aktar bookings wara x-xahar ta' Marzu 2006?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li peress li l-ishma kollha tal-kumpanija Tigne Development Co. Ltd. li tmexxi l-Lukanda Crown Plaza ser ikunu nbiegħu lil terzi ferm qabel il-31 ta' Marzu 2006, m'huwiex opportun li s-sidien il-ġodda ma jkunux fil-liberta' li jatwaw il-pjanijiet tagħhom minn April 2006 'il quddiem.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15134, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema atti tal-liġijiet Maltin jipprovdu li tingħata sentenza kif indikat fil-mistoqsija parlamentari?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, b'riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15134, illi l-artikolu 8 ta' l-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja (Kap 291) jistipula illi l-proċeduri quddiem il-Kummissarji għall-Ġustizzja huma l-istess bħal dawk applikabbli fil-Qorti tal-Maġistrati, u riferenza fil-Kodiċi Kriminali għall-Qorti tal-Maġistrati titqies ukoll li tirreferi għat-Tribunali Lokali ppreseduta mill-Kummissarji għall-Ġustizzja.
L-artikolu 15(2) tal-Kodiċi Kriminali tipprovdi li "Min jaqla ċ-ċanfira jew it-twiddiba b'imġieba ċara ta' disprezz jew ta' nuqqas ta' qima, jiġi ikkundannat għall-piena ta' detenzjoni jew ammenda".
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li fit-18 ta' Ottubru, 2005 persuna Għawdxija ġiet mibgħuta għaxart ijiem ħabs jew tħallas multa ta' Lm50 mit-tribunal lokali ta' Għawdex? Jista' jgħid għal liema raġuni ġiet mogħtija din is-sentenza?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ġiet immultata Lm50 disprezz għaliex hi bdiet iżżeblah u twaqqa' għaċ-ċajt it-Tribunal. Din il-persuna ġiet imwissija diversi drabi sabiex tieqaf qabel ma ġiet immultata. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-verbal li għamel il-Kummissarju tal-Ġustizzja dwar dan il-każ.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Air Malta ordnat lil-lukanda sussidjarja tagħha Crown Plaza biex ma taċċettax aktar bookings wara x-xahar ta' Marzu 2006?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14858 u jgħid jekk l-għaqdiet kulturali, każini tal-banda u għaqdiet simili humiex meqjusa bħala organizzazzjoni kummerċjali għall-fini tal-kontijiet infushom u l-VAT u surcharges fuqhom fejn jidħlu kontijiet ta' utilities?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14860 u jgħid jekk il-knejjes u komunitajiet reliġjużi parrokkjali - entitajiet ekklesjastiċi - humiex meqjusa bħala organizzazzjoni kummerċjali għall-fini tal-kontijiet infushom u l-VAT u surcharges fuqhom fejn jidħlu kontijiet ta' utilities?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-għaqdiet kulturali, każini tal-banda u għaqdiet simili humiex meqjusa bħala organizzazzjoni kummerċjali għall-fini tal-kontijiet infushom u l-VAT u surcharges fuqhom fejn jidħlu kontijiet ta' utilities?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-knejjes u komunitajiet reliġjużi parrokkjali - entitajiet ekklesjastiċi - humiex meqjusa bħala organizzazzjoni kummerċjali għall-fini tal-kontijiet infushom u l-VAT u surcharges fuqhom fejn jidħlu kontijiet ta' utilities?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 14631 u 14630, jista' il-Prim Ministru jgħid:
1. Liema tibdiliet saru fil-liġi tat-taxxa fuq l-
income
mill-1975 fejn jikkonċerna entitajiet ekklesjastiċi - bħal djoċesi, parroċċi, komunitajiet reliġjużi, eċċ.;
2. X'tispeċifika t-taqsima tnejn tal-Ħames Skeda li tinsab ma' l-Att ta' l-1998 dwar taxxa fuq il-valur miżjud fejn jikkonċerna s-servizzi reliġjużi;
3. Liema huma l-kundizzjonijiet li joħorġu mill-Att dwar it-Taxxi li jeżentaw mill-ħlas tat-taxxa lill-għaqdiet kulturali, każini tal-banda, u għaqdiet simili?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fit-taqsima tnejn tal-ħames skeda li tinsab ma’ l-Att l-1998 dwar taxxa fuq il-Valur Miżjud, il-parti li tikkonċerna s-servizzi reliġjużi hija l-partita 4 (1) u din tispeċifika li servizzi reliġjużi huma eżenti mingħajr kreditu.
Għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tat-Taxxi Interni:
Qabel l-1975 l-entitajiet ekklesjastiċi kienu eżenti mit-taxxa u kien bl-Att XLII ta’ l-1975 li dawn saru taxxabbli mis-sena ta’ stima 1976. Il-liġi tiddistingwi bejn (a) entitajiet – istituzzjonijiet li l-iskop ewlieni tagħhom huwa l-osservanza reliġjuża – per eżempju djoċesi, parroċċa, komunità ekklesjastika, provinċji ta’ ordnijiet reliġużi; (b) impriżi anċillari – dawk l-impriżi li kieku f’idejn il-lajċi kienu jkunu kummerċjali u taxxabbli, per eżempju skola jew stamperija; u (c) istituzzjonijiet ta’ natura reliġjuża, per eżemju konfraternita’ jew fondazzjoni.
Il-mod kif jistgħu jkunu eżentati mit-taxxa l-għaqdiet kulturali, każini tal-banda eċċ huwa regolat mill-artikolu 12(1) ta’ l-Att dwar it-Taxxa fuq l-
Income
. Każin tal-banda jkun eżenti mit-taxxa kemm-il darba jkun
bona fide
każin tal-banda u bil-kundizzjoni li jkollu post reġistrat mal-pulizija biex jintuża bħala tali u li jintuża kuljum mill-membri. F’każ ta’
sports club
tingħata eżenzjoni meta l-ebda parti mid-dħul tiegħu ma titħallas jew tkun disponibbli għall-benefiċċju personali ta’ xi membru. Każini politiċi huma eżenti mit-taxxa.
Imma l-eżenzjoni tista’ titgawda xorta waħda meta – minkejja li ma jkunx jikkwalifika taħt l-ebda waħda minn dawn, il-klabb jew każin eċċ ikun organizzat u mmexxi esklussivament għall-ġid soċjali, titjib ċiviku, divertiment jew rikreazzjoni u l-ebda parti mid-dħul tiegħu ma jkun disponibbli għall-benefiċċju personali ta’ xi membru u dan il-klabb jew każin ma jkunx jitqies li qed imexxi negozju skond l-artikolu 4 ta’ l-Att.
Eżenzjoni fil-każijiet imsemmijin hawn fuq ma tingħatax b’mod indefinit u tingħata kemm-il darba l-Kummissarju tat-Taxxi Interni jkun sodisfatt li dawn il-kundizzjonijiet ikunu osservati. Għalhekk l-ebda każin, klabb, eċċ ma hu eżenti milli jissottometti l-formola tat-taxxa għax huwa mill-fatti kif joħorġu mill-formola tat-taxxa li l-Kummissarju jista’ jasal għall-konklużjoni dwar jekk il-klabb jew każin ikunx issodisfa l-kundizzjonijiet jew le.
Barra dan, il-liġi taħseb għal eżenzjoni oħra, taħt l-artikolu 12(1)(e). Din toħroġ mill-Ministru tal-Finanzi lil dawk l-għaqdiet li huwa jqis bħala filantropiċi. Dawn l-għaqdiet ikunu jridu jissemmew mill-Ministru f’Avviż Legali. L-eżenzjoni tibqa’ diment li ma tiġix irtirata mill-Ministru. Hawn ukoll, minkejja li jkunu eżenti, dawn l-għaqdiet jibqgħu obbligati xorta waħda li jissottomettu l-formola tat-taxxa ta’ kull sena.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-knejjes u komunitajiet reliġjużi parrokkjali humiex meqjusa bħala organizzazzjoni kummerċjali għall-fini ta' tassazzjoni, VAT u kontijiet ta' utilities? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern preżenti li jneħħi dawn it-taxxi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14631.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk l-għaqdiet kulturali, każini tal-baned u għaqdiet simili, humiex meqjusa bħala organizzazzjoni kummerċjali għall-fini ta' tassazzjoni, VAT u kontijiet ta' utilities? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern preżenti li jneħħi dawn it-taxxi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari Numru 14630.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14553 u jgħid jekk l-għaqdiet kulturali, każini tal-baned u għaqdiet simili, humiex meqjusa bħala organizzazzjoni kummerċjali għall-fini ta' tassazzjoni, VAT u kontijiet ta' utilities? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern preżenti li jneħħi dawn it-taxxi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond il-partita 4 (2) tat-Taqsima Tnejn tal-Ħames Skeda li tinsab ma’ l-Att ta’ l-1998 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud il-provvista ta’ dawk is-servizzi kulturali u oġġetti marbuta fil-qrib magħhom hekk kif jistgħu jiġu approvati mill-Ministru huma eżenti mingħajr kreditu.
Skond l-Atti dwar it-Taxxi, għaqdiet kulturali, każini tal-baned u għaqdiet simili huma eżenti mill-ħlas tat-taxxa kemm-il darba l-Kummissarju tat-Taxxi Interni jkun sodisfatt li dawn jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet li joħorġu mill-liġi.
Naturalment f’dawn il-materji, il-Gvern tal-ġurnata dejjem jitkellem fil-preżent. Iżda wieħed iżid li llum fil-moħħ tal-Gvern preżenti m’hemmx ħsieb li l-affarjiet jinbidlu.
Għar-rigward tat-trattament fuq kontijiet ta’ Utilities, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14552 u jgħid jekk il-knejjes u komunitajiet reliġjużi parrokkjali humiex meqjusa bħala organizzazzjoni kummerċjali għall-fini ta' tassazzjoni, VAT u kontijiet ta' utilities? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern preżenti li jneħħi dawn it-taxxi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond il-partita 4(1) tat-Taqsima Tnejn tal-Ħames Skeda li tinsab ma’ l-Att ta’ l-1998 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud servizzi reliġjużi huma eżenti mingħajr kreditu.
Entitajiet ekklesjastiċi (bħal djoċesi, parroċċi, komunitajiet reliġjużi eċċ) ilhom taxxabbli mill-1975. L-artikolu 30 ta’ l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income jipprovdi għal kif dawn għandhom ikunu ntaxxati.
Naturalment f’dawn il-materji, il-Gvern tal-ġurnata dejjem jitkellem fil-preżent. Iżda wieħed iżid li llum fil-moħħ tal-Gvern preżenti m’hemmx ħsieb li l-affarjiet jinbidlu.
Għar-rigward tat-trattament fuq kontijiet ta’ Utilities, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista' il-Ministru tgħid jekk persuna li tgawdi mill-benefiċċju tad-diżabilita', tikkwalifikax ukoll għall-benefiċċju tal-mard f'każ li jkollha marda kronika li taqa' fil-kategorija ta' dan il-benefiċċju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Persuna li tieħu Pensjoni għall-Diżabilita' tista' tikkwalifika għall-Għajnuna tal-Mard jekk tkun issofri minn waħda mill-mardiet kroniċi elenkati fl-Att dwar is-Sigurta' Soċjali u jekk tissodisfa t-test tal-mezzi relevanti skond l-istess Att.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhuma r-regolamenti li jikkwalifikaw persuna għall-benefiċċju tal-mard?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Biex persuna tikkwalifika għall-Benefiċċju għall-Mard trid tagħmel talba billi tippreżenta ċertifikati mediċi li jridu jaslu fid-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali fi żmien għaxart ijiem mid-data ta’ l-eżami mit-tabib.
Il-persuna trid ukoll tissodisfa t-test kontributorju, jiġifieri li trid tkun ħallset:
mhux anqas minn 50 kontribuzzjoni matul il-ħajja assigurabbli tagħha, u
jkollha mill-anqas 20 kontribuzzjoni mħallsa jew akkreditati fl-aħħar sentejn konsekuttivi u sħaħ qabel ma ssir it-talba.
Jista' il-Ministru jieħu l-passi biex is-siġar ta' l-Akaċja li hemm fl-iskola primarja ta' San Ġiljan jiġu miżbura jew oltre minn hekk, jiġu mneħħija peress li qed jaffettwaw ħażin is-saħħa ta' diversi studenti li jbatu bl-ażma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-talba ta' l-Onor. Membru se tiġi mgħoddija għall-attenzjoni tas-Senior Foreman tal-Landscaping Gardening Unit biex jiġi deċiż x'inhi l-aħjar soluzzjoni fl-aħjar interess ġenerali.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-knejjes u komunitajiet reliġjużi parrokkjali humiex meqjusa bħala organizzazzjoni kummerċjali għall-fini ta' tassazzjoni, VAT u kontijiet ta' utilities? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern preżenti li jneħħi dawn it-taxxi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.