Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li r-residenti ta' Triq Telleritu Ħal Għaxaq, għadhom ma ngħatawx is-servizz tad-drenaġġ? Jaf jew le l-Ministru li dawn ir-residenti ilhom għal 16-il sena sħaħ jagħmlu użu mill-fossa? Jista' jgħid meta huwa maħsub li jsir ix-xogħol ta' installar tas-sistema tad-drenaġġ f'din it-triq?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li dan ix-xogħol jinkludi tħaffir ta' 'main twil', bini ta' Pumping Station gdida u tħaffir ghal 'rising main'. Għalkemm stima eżatta ghad ma nħadmitx, din mistennija li tigi' madwarr Lm100,000. Diġa saru provedimenti għal easement u ghall-esproprijazzjoni ta' l-art fejn ġejja l-Pumping Station. Qed jiġi ikkunsidrat biex din l-estensioni tkun inkluża fil-programm tax-xogħlijiet tad-Dipartiment tad-Dranagg, għas-sena d-dieħla.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 18895, jista' l-Ministru jgħid liema huma l-ispeċifikazzjonijiet u r-regolamenti biex jingħata permess għal reserved parking?
Jista' l-Ministru jgħid, f'dan ir-rigward, il-permress imsemmi taħt liema kategorija jaqa'?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku jagħti benefiċċju ta' reserved parking quddiem residenzi ta' Persuni b'Diżabilita' jekk dawn jissodisfaw numru ta' kriterji fosthom:
a) il-persuna jrid ikollha diżabilita' severa ta' mobilita'. Assessment
mediku jsir mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita';
b) il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' titlob l-opinjoni
u l-informazzjoni mill-Kunsill Lokali biex tara jekk l-applikant
jikkwalifikax għal dan il-benefiċċju;
c) il-persuna jkollha l-Blue Sticker maħruġ mill-Kummissarju tal-Pulizija;
d) irid ikun hemm karozza reġistrata fir-residenza ta' l-applikant;
e) ir-residenza ma jridx ikollha garaxx mad-dar;
f) ir-reserved parking ma toħloqx ostakolu lit-traffiku.
F'każ fejn ma hemmx karozza reġistrata f'dik ir-residenza u l-persuna b'diżabilita' tuża siġġu tar-roti, din tingħata l-benefiċċju ta' Keep Clear wiesa' 1.5 metru biex ikun jista' jgħaddi siġġu tar-roti mingħajr xkiel.
Jista' l-Ministru jgħid jekk meta jintalab permess ta' reserved parking quddiem residenzi privati fuq rakkmandazzjoni tal-Kummissjoni Persuni b'Diżabilita' issirx ukoll investigazzjoni u analasi tat-talba mit-Traffic Control Board indipendentement mir-rakkmandazzjoni tal-Kummissjoni Persuni B'Diżabilita'?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku m'għandux il-kompetenza medika biex jistabbilixi persuna għandhiex xi forma ta' diżabilita', għaldaqstant il-Bord joqgħod fuq ir-rakkomandazzjoni li tagħtih il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'.
F'Każ ta' xi kontestazzjonijiet jew jekk jinħass li hemm xi dubji dwar l-għotja tal-konċessjoni, dawn jiġu referuti mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' lill-Bord Mediku tad-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali finali ta' dan il-Bord.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 18896 u 18895, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kriterji l-Kummissjoni Persuni b'Diżabilita' wżat, u konsegwentement x'rakkmandazzjoni ġew mgħoddija lit-Traffic Control Board, biex jingħata l-permess ta' reserved parking indikat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-kriterji li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' dwar applikazzjoni għall-"Reserved Parking" li hemm riferenza għalihom fil-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 18895 u 18896 u l-kriterji maqbula mal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku huma l-istess bħal kull applikazzjoni oħra għal dan is-servizz. Dawn il-kriterji huma elenkati fil-formola tal-applikazzjoni għal dan is-servizz u li kopja tagħha qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rigward il-każ imqajjem fil-Mistoqsijiet Parlamentari 18895 u 18896 ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni kienet li dan il-benefiċċju jingħata.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 18151?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li fil-Ministeru u fl-entitajiet li jaqgħu taħt
id-dekasteru tiegħi hemm is-Sur Han Zuber u s-Sur Andrew
MacLachlan li huma konsulenti barranin li qed jagħtu servizz
fil-Food Preparation & Production u fl-Accommodation
Operations rispettivament fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi
(ITS).
Is-salarji u kundizzjonijiet huma ta' natura kummerċjali u,
għalhekk, kunfidenzjali.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 18269 peress li din tidher li taqa' taħt id-dekasteru tar-responsabiltajiet tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ispiża totali għad-dwal li saru fuq barra biex jigi inawgurat St. James Cavalier fi tmiem is-sena 1999 u fil-bidu tas-sena 2000 kienet ta' Lm3,000.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari numri 18270 u 17182, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk bil-ftehim kollettiv li ġie ffirmat bejn l-unions u l-azjendi l-ex-ħaddiema, illum pensjonanti, ta' l-azjendi msemmija ibbenefikawx permezz ta' dħul ġdid fil-pensjoni tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, b'mod ġenerali, fejn ikun hemm żieda fis-salarji b'riżultat ta' Ftehim Kollettiv ġdid, normalment ikun hemm żieda fir-rata tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali. Iżda, billi kull każ ta' pensjoni jiġi rivedut fuq il-merti tiegħu, fosthom pensjonijiet tas-servizz, u medja ta' kontribuzzjonijiet mħallsa jew akkreditati, mhux possibbli li jingħad kategorikament li bis-saħħa tal-Feehim Kollettiv l-ex ħaddiema ta' l-ażjendi ndikati bbenefikawx jew le minn dħul ġdid fil-pensjoni tagħhom.
Għaldaqstant, jekk l-Onor. Interpellant għandu xi każ partikolari li jixtieq jivverifika dwaru għandu jgħaddili aktar dettalji biex inkun nista' nitlob lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jinvestiga.
Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex rapport li sar dwar nuqqas fl-10 jew fil-11 ta' Mejju 2000 minn persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, fil-customer care ta' l-Isptar San Luqa lill-impjegata, li isimha wkoll qiegħed jintbagħat separtament, ma kien hemm l-ebda risposta dwaru lil persuna li għamlet ir-rapport?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li kull darba li reġa' sar kuntatt bit-telephone mal-customer care l-impjegata msemmija qatt ma tat sodisfazzjon u saħansitra aġġixxiet b'mod arroganti u rresponsabbli?
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar l-imsemmija rapporti li saru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li s-Sinjura msemmija mill-Onor. Interpellant għamlet l-ilment tagħha bit-telefon fis-6 ta' Mejju 2000. Hi allegat li r-raġel tagħħa li kien pazjent fis-sala M8 ġie traskurat u din kienet ir-raġuni għall-mewt tiegħu. Minn investigazzjonijiet li saru min-naħa ta' l-isptar, din l-allegazzjoni ma kenitx ġiet issostanzjata.
Ma jirriżultax li kien hemm xi arronganza min-naħa ta' l-impjegata. Anzi, l-impjegata li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kemm il-darba ppruvat iċċempel lill-persuna msemmija fuq in-numru tat-telefon li tata l-istess persuna iżda qatt ħadd ma wieġeb it-telefon. Riċentement il-persuna msemmija ċemplet lill-Customer Care fejn ġie spjegat lilha x'kien sar mill-ilment taghħa iżda minkejja dan is-sinjura konċernata ma kenitx sodisfatta. F'din is-sitwazzjoni l-impjegata tat parir biex is-sinjura tagħmel l-ilment tagħha bil-miktub ħalli jkunu jistgħu jsiru aktar investigazzjonijiet jekk tinħass il-ħtieġa. Minkejja dan il-persuna msemmija ddeċidiet li tieħu azzjonijiet oħra u ma reġgħetx ikkontattjat id-Diviżjoni tas-Saħħa.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu l-persuni li ġew mistiedna jitilgħu Għawdex għal laqgħa tal-Kabinett li saret il-ġimgħa li għaddiet?
Jista' jgħid, apparti l-Ministri, min kienu fil-fatt dawk li telgħu Għawdex għal din l-okkażjoni?
Jista' jgħid: (a) x'materjal informattiv ġie mogħti lil dawk mistiedna u kemm ġie jiswa; (b) x'attivitajiet ġew organizzati għalihom u kemm ġew jiswew; u (ċ) xi spiża saret għal vjaġġi bejn iż-żewġ "Gżejjer" b'konnessjoni ma' din l-attivita'?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-laqgħa tal-Kabinett li saret fil-Ministeru għal-Għawdex fl-20 ta’ Lulju 2000 kienet laqgħa normali tal-Kabinett b’attendenza normali.
Fis-sistema ta’ Gvern ta’ Kabinett li jintuża f’pajjiżna l-biċċa l-kbira tax-xogħol tal-Kabinett isir a bażi ta “memoranda” li jkunu ġew ippreparati mill-Ministri ikkonċernati fuq suġġetti partikulari. Hekk sar fil-laqgħa tal-Kabinett li saret f’Għawdex u m’għandix għax nifhem li l-Onorevoli Interpellant jixtieq ikun jaf kemm ġiet tiswa kull kopja ta’ kull “memo” li kellhom quddiemhom il-Ministri.
Huwa ovvju li, ħlief għall-Ministru għal Għawdex, l-ispejjeż tat-trasport kienu ogħla minn dawk li normalment ikun hemm meta l-Kabinett jiltaqa’ Malta. Wara l-laqgħa l-Onorevoli Ministru għal Għawdex, li kienet qiegħda tilqa’ l-kollegi tagħha lkoll flimkien għall-ewwel darba fil-Ministeru tagħha, ġentilment offriet ikla qabel ma l-Ministri l-oħra rritornaw Malta.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 18147?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mid-Dekasteru tiegħi, id-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti bbenefika mis-servizz ta' Konsulent wieħed matul din is-sena.
F'Lulju dan il-konsulent ippreżenta studji komparattivi ta' sistemi ta' ċertifikazzjoni f'għadd ta' pajjiżi bi preparazzjoni ta' sistema nazzjonali ta' ċertifikazzjoni għal Malta u ta l-pariri tiegħu dwar sistema adattata għal Malta.
Il-konsulent talab is-somma ta' Lm1,513 għas-servizz tiegħu.
Informat ukoll li l-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija għandu konsulent barrani wieħed li kien ġie ingaġġat fl-1 ta' Frar, 1997. Dan il-konsulent, Dirk De Ketelaere, Belġjan miżżewweġ Maltija, qiegħed jikkordina x-xogħol tan-Network dwar l-Ilma.
Is-salarju ta' dan il-konsulent huwa ta' Lm2,039 fis-sena u huwa marbut li jagħti mill-inqas 8 siegħat ta' xogħol ta' konsulenza fil-ġimgħa, mhux neċessarjament mill-uffiċċju ta' l-M.C.S.T.
Bħalissa, il-kuntratt tas-Sur De Keteiaere qiegħed jiġġedded xahar b'xahar.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari numru 18146?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-konsulenti barranin li qed jagħtu s-servizz tagħhom lill-Ministeru għal Għawdex jammontaw għal tmçnja. Lkoll kemm huma qegħdin jagħtu s-servizzi tagħhom lid-Dipartiment tal-Customer Services fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Dawn il-konsulenti u t-tip ta’ xogħol li qegħdin jagħmlu huma kif imniżżel hawn taħt:
Isem tal-Konsulent Tip ta’ xogħol
Armatys Andrzej Accoucher
Svejda Vaclav Physician
Kvas Julius General Surgery
Pechar Antonin General Surgery
Nemecek Radovan Pathology
Janula Jan Ophthalmology
Milosavljevic Goran Anaesthesia
Stojanovic Miodrag Anaesthesia
Il-kundizzjonijiet li għandhom dawn il-konsulenti huma skond il-ftehim intitolat “Classification, Regrading and Assimilation of the Medical Class” li sar mal-Medical Association of Malta u skond it-termini tal-kuntratt iffirmat minn kull wieħed minnhom mad-Dipartiment tas-Saħħa filwaqt li s-salarju tagħhom huwa ta’ LM7534 fis-sena.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 18139?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġibiet li tajt
għall-mistoqsijiet 10723, 11162 u 11253 u ninfurmah li
mal-konsulenti msemmija f'dawn it-tweġibiet bħalissa hemm ukoll
dawn li ser insemmi:-
Is-Sur L. Agius bħala konsulent u Chairman tar-ROOTS
Programme Committee. L-għan ta' dan il-Programm hu li jħajjar
lill-wild emigranti Maltin iżuru pajjiż l-antenati tagħhom u għal
dan il-għan ikebbes ix-xrara ta' l-identita' kulturali Maltija
fosthom u jħajjarhom isiru jafu aktar dwar il-Gżejjer Maltin.
L-onorarju tas-Sur Agius jammonta għal Lm1,600 fis-sena.
Minn mindu ngħatat it-tweġiba għall-mistoqsija numru 1162
peress li nħatar Chairman ġdid għall-HCEB is-Sur Lanzon ġie
ngaġġat bħala konsulent tal-Ministeru bl-istess rimunerazzjoni li
kellu preċedentement.
Peress li fis-Segretarjat tiegħi mgħandix Communications
Coordinator ix-xogħol ta' public relations hu fdat lil tlett
persuni li jaqdu d-dmirijiet u jagħtu servizzi varji dwar dak
kollu li jinħtieġ f'dak il-qasam.
Bejniethom is-Sinjuri A. Zahra De Domenico (Lm3,000), Dottor C.
Thake (Lm1,000) u Ms L. Thomas (Lm4,000) jitħallsu onorarju ta'
Lm8,000.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 18183?
Response (GATT, AUSTIN)
Fil-Prim` Awla tal-Qorti Civili hemm pendenti 9224 kawzi; fil-Qorti tal-Magistrati (Malta) hemm 2700 hawzi civili pendenti; u fit-Tribunal tat-Talbiet iz-Zghar hemm 948 kawzi pendenti.
L-informazzjoni mitluba fil-paragrafu (1) ser tigi mpoggia fuq il-mejda tal-kamra.
Il-Magistrati li jaghmlu kawzi civili huma l-Magistrati Meli, Montebello, Apap Bogogna u Mallia.
L-Informazzjoni mitluba fil-paragrafu (3) tad-domanda tirrikjedi ricerka fit-tul fuq il-kawzi kollha individwali li llum huma differiti ghas-sentenza u dan ukoll sabiex jigi stabbilit liema minnhom ilhom differiti f`dawn l-ahhar sentejn sempliciment ghas-sentenza. Barra minn hekk il-maggor parti tal-processi li huma differiti ghas-sentenza jkunu ghand il-Gudikanti u ma jkuknux disponibbli.
M`hinix f`pozizzjoni lanqas li naghti l-informazzjoni mitluba fil-paragrafu (4) billi l-ghoti tas-sentenzi ma jaqax taht l-iskrutinju ta` l-Amministrazzjoni.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 18130?
Response (GALEA, LOUIS)
Dwar konsuletni barranin nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18780.
Dwar il-konsulenti lokali li għalihom qed jirreferi fil-Mistoqsijiet 18130. 18137 u 18769, it-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza all-mistoqsija parlamentari numru 18129, jista' l-Ministru jid fil-każ ta' J.J. Vella & Associates, kemm-il seduta saret u fil-każ ta' Mr. Graham Rogers kemm-il siegħa ta' servizz ta fil-perjodu mitlub fil-mistoqsija 18129?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat mill-Onor. Interpellant in-numru ta` seduti kien ta` 34 filwaqt li n-numru ta` sigħat kien ta` 1,062.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 18138?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-konsulenti lokali li qed jagħtu s-servizz tagħhom lill-Ministeru għal Għawdex jammontaw għal erba’. Lkoll kemm huma qegħdin jagħtu s-servizzi tagħhom lid-Dipartiment tal-Customer Services.
Dawn il-konsulenti huma:
Isem tal-Konsulent Tip ta’ Xogħol
Mercieca Victor Konsulent fil-Pedjatrija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Farrugia Frank Konsulent fil-Mediċina fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Aquilina Raymond Konsulent fl-Ortopedija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Mamo John Konsulent fil-Ġinekoloġija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Il-kundizzjonijiet li għandhom il-konsulenti li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex huma skond il-ftehim intitolat “Classification, Regrading and Assimilation of the Medical Class” li sar mal-Medical Association of Malta u skond it-termini tal-kuntratt iffirmat minn kull wieħed minnhom mad-Dipartiment tas-Saħħa filwaqt li s-salarju tagħhom huwa ta’ LM7534 fis-sena.