Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #21566 Sitting 438 2000-11-28 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Flus tal-Ħobż

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuni li d-dettalji tagħhom qiegħed nibgħat separatament ma rċevewx l-Lm10 tal-ħobż kif imħabbar fil-budget tas-sena l-oħra? Jista' l-Ministru jirrimedja?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-investigazzjoni li għamel id-Dipartiment tat-Teżor jirriżulta li l-persuni msemmija sal-lum stess kienu għadhom ma jidhrux reġistrati bħala benefiċċjarji fuq id-database li għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, liema database ġiet użata għal ħruġ tal-ħlasijiet ta' Lm10 lil kull persuna kif kien imħabbar fil-Budget 1999. B'riżultat ta' hekk, l-imsemmija persuni kien għadhom ma rċevewx l-ammont dovut lilhom. Għaldaqstant id-Dipartiment tat-Teżor ħa l-passi neċessarji sabiex immedjatament jinħareġ il-pagament dovut u jintbagħat lil persuni msemmija mill-aktar fis possibbli.
Leg 9 PQ #21567 Sitting 438 2000-11-28 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Data Track - Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema sezzjonijiet tal-korp tal-pulizija ġiet installata s-sistema data track u fuq liema vetturi? Jista' jgħid kemm swiet s'issa din is-sistema u x'riżultati tat kemm ilha li ġiet installata? Jista' jgħid ukoll jekk ingħatax taħriġ fuq dan l-apparat lix-xufiera tal-korp?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-sistema ta` l-Automated Vehicle Location System ġiet stallata fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Fuq din is-sistema, għalissa ser ikun hemm il-vetturi tal-Mobile, tad-Distretti, tat-Taqsima ta` l-A.L.E. u l-muturi tat-Taqsima tat-Traffiku. Kif jien infurmat, din is-sistema ma tinħtieġ ebda input minn naħa tax-xufier li jkun qiegħed juża` l-vettura li tkun mgħammra b`dan l-apparat u għaldaqstant ma hemmx bżonn li dawn jingħataw xi taħriġ. Ninsab infurmat ukoll li n-nefqa għax-xiri ta` dan l-apparat tammonta għal Lm62,495.00, liema ammont jinkludi sena (1) subscription fee li jkopri sa massimu ta` mitt (100) vettura.
Leg 9 PQ #21568 Sitting 438 2000-11-28 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-pulizija jkollha low loader ġdid biex il-ġarr ta' vetturi jkun aktar effiċjenti u jonqsu aktar id-derelict vehicles mal-pajjiż?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent il-Korp tal-Pulizija għandu żewġ low loaders, li jintużaw kemm għall-ġarr ta` vetturi tas-servizz li tiġrilhom ħsara kif ukoll għal ġbir ta` dawk irrapurtati bħala derelicts. Pero`, ser isiru emendi fir-regolamenti, sabiex titjieb il-proċedura tat-tneħħija ta` vetturi li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #21569 Sitting 438 2000-11-28 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Psikologu/Psikjatra

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li mal-korp tal-pulizija jiġu ngaġġati psikologu u psikjatra biex membri tal-korp li jgħaddu minn trawmi psikoloġiċi jiġu kkurati u jekk ikun meħtieġ jinstab xogħol adattat għalihom fil-korp fuq parir professjonali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent il-Korp tal-Pulizija għandu tabib full time u dawk il-membri tal-Korp li jkollhom bżonn kura speċjalizzata jiġu riferuti għal kura skond kif meħtieġ. Barra minn dan, il-Korp tal-Pulizija qed jisponsorja żewġ membri tal-Korp li qed jattendu kors full time fil-psikoloġija fl-Universita` ta` Malta.
Leg 9 PQ #21570 Sitting 438 2000-11-28 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' rekluti fl-akkademja tal-korp tal-pulizija bħalissa? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta` rekluti fl-Akkademja tal-Pulizija għal kors li beda f`Ottubru 2000, huwa ta` 60 - 47 raġel u 13-il mara.
Leg 9 PQ #21571 Sitting 438 2000-11-28 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — SAG - Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'vetturi għandha għad-dispożizzjoni tagħha s-sezzjoni tal-korp tal-pulizija, l-SAG? Jista' jgħid f'liema snin dawn inxtraw u jekk hemmx ħsieb li jinxtraw vetturi oħra? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-Taqsima ta` l-S.A.G. tal-Korp tal-Pulizija, fil-preżent għandha għad-dispożizzjoni tagħha 9 vetturi għal użu ġenerali. Dawn kienu nxtraw 1 fl-1988, 1 fl-1990, 6 fl-1993 u 1 fl-1996. Qiegħed isir eżerċizzju dwar il-ħtiġijiet attwali ta` din it-Taqsima.

Canberra — Kummissjoni Għolja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtrat id-dar il-ġdida fis-subborg O'Malley li qed tintuża bħala Kummissjoni Għolja f'Canberra l-Awstralja? Jista' jgħid kemm intnefqu flus biex din id-dar ġiet refurbished u rranġata minn dar privata għal uffiċċju? Jista' jgħid min kienu u kemm qamet b'kollox l-ispiża tal-perit u dawk li marru miegħu lejn Canberra biex jeżaminaw din id-dar li nxtrat?

Response (BORG, JOE)

Id-dar il-ġdida li nxtrat mill-Gvern Malti swiet Lm231,016. Dan il-bini qed jintuża kemm bħala Kanċellerija fil-sular t'isfel kif ukoll bħala residenza tad-Deputat Kummissarju fis-sular ta' fuq. In-nefqa biex dan il-post ġie refurbished qamet Lm12,675. In-nefqa tal-Perit u l-Uffiċċjal Għoli tal-Finanzi li żaru l-Awstralja biex jeżaminaw id-dar li nxtrat qamet Lm4,432.98.

Canberra — Ambaxxata Maltija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi duty free mill-uffiċjali Maltin ta' l-Ambaxxata Maltija f'Canberra f'dawn l-aħħar ħames snin u min xtrahom? Jista' jgħid kemm għandu karozzi tiegħu l-Gvern Malti f'Canberra u min jagħmel użu minnhom?

Response (BORG, JOE)

Fl-aħħar ħames snin (1995 - 2000) erba' uffiċċjali Maltin ta' l-Kummissjoni Maltija f'Canberra msemmija hawn xtraw minn flushom karozza għall-użu tagħhom: Raymond Xerri George Busuttil Gioconda Mifsud Charles Herrera Bħala uffiċċjali diplomatiċi huma kienu ntitolati jixtru l-karozza bla dazju. Il-Kummissjoni Għolja f'Canberra għandha żewġ karozzi jiġifieri Volvo 370 li hija l-karozza uffiċċjali li tintuża mill-Kummissarju Għoli w oħra Daihatsu Charade li nxtrat madwar għaxar snin ilu li tintuża mill-membri tal-Kummissjoni w għal ħtiġijiet ta' kuljum tal-Kummissjoni.
Leg 9 PQ #21370 Sitting 435 2000-11-24 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Ġdid — Proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tal-Kalaxlokk jaħdmu fuq il-proġett ta' l-isptar il-ġdida f'Tal Qroqq? Jista' jgħid jekk il-kumpannija Skanska hijiex tħallas tas-servizz li qed jagħtu dawn il-ħaddiema lill-Kumpannija Kalaxlokk? Jista' jgħid x'sengħa għandhom dawn il-ħaddiema u fil-fatt x'xogħol qed jagħmlu f'Tal Qroqq?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li: Hemm 33 ħaddiem mill-Kalaxlokk jaħdmu fuq il-proġett ta' Sptar Ġdid. Dawn kienu magħżula skond is-snajja meħtieġa. 2. Fil-mument Skanska Malta J.V. u l-Kalaxlokk qed jinnegozjaw Kuntratt ta' ħlas li għad irid jiġi approvat. 3. L-impjegati tal-Kalaxlokk għandhom is-snajja ta' Steel fixing, setting up form work (Shutterer) u Concreting.
Leg 9 PQ #21373 Sitting 435 2000-11-24 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar il-Ġdid — Ħaddiema Barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema barranin jaħdmu fuq il-proġett ta' l-isptar il-ġdid f'Tal Qroqq? Jista' jgħid kemm minnhom huma impjegati mal-fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u kemm minnhom huma impjegati mal-kuntratturi li qed jaħdmu fuq il-proġett? Jista' jgħid ta' liema nazzjonalita' huma dawn il-ħaddiema u x'salarji qed jirċievu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li : Fil-mument hemm 67 ħaddiem barrani jaħdmu fuq il-proġett ta' Sptar Ġdid f'Tal-Qroqq. 2. Il-ħaddiema huma kollha mpjegati ma' Skanska Malta J.V. 3. Minn dawn hemm 37 Latvjani, 14 Taljani u 16 Jugoslavi. 4. Il-ħlas tagħhom hu wieħed ta' natura kummerċjali u għaldaqstant ma jistax jiġi żvelat.
Leg 9 PQ #21384 Sitting 435 2000-11-24 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żjara fi New York

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari nri. 19728 u 21233?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #21389 Sitting 435 2000-11-24 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Facilitator

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex studenta li tattendi l-Iskola Primarja ta' Tas-Sliema u li d-dettalji tagħha qiegħed nibgħathom separatament tingħata facilitator peress li din ilha mitluba għal aktar minn sena u apparti minn hekk dan qiegħed ikun ta' detriment fuq l-edukazzjoni ta' l-istudenta ndikata?

Response (GALEA, LOUIS)

S'issa ġejt informat li din l-istudenta partikolari ġiet riferuta lill-Istatementing Board fid-9 ta' Ottubru ta' din is-sena. L-applikazzjoni tagħha qed tiġi proċessata.
Leg 9 PQ #21393 Sitting 435 2000-11-24 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru tat-Turiżmu — Safar

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsijiet parlamentari numri 19937 u 21235, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm individwi, studenti jew xorta oħra?

Response (REFALO, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tiġi mistħarrġa.

Awstralja — Kummissarju għoli

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm iqum b'kollox l-upkeep annwali tar-residenza privata tal-Kummissarju Għoli ta' Malta fl-Awstralja? Jista' jgħid jekk hemmx xi ħsieb li la issa l-Kummissarju Għoli għandha dar ferm kbira u lussusa b'żewġ sulari, din tibda tiġi wżata bħala uffiċċju u residenza privata tal-Kummissarju Għoli fl-istess ħin?

Response (BORG, JOE)

L-Onorevoli Interpellant japrezza li l-upkeep ta' bini jista' jvarja minn sena għal oħra. Fil-każ tar-residenza uffiċċjali tal-Kummissarju Għoli Malti fl-Awstralja fl-1999 kienet ta' Lm300 filwaqt l-ispejjeż din is-sena s'issa kienu ta' Lm400. Ma hemm l-ebda hsieb li l-Kummissarju Għoli jibdel ir-residenza uffiċċjali li hija l-propjeta tal-Gvern Malti li nxtrat madwar 30 sena ilu. Nżied ngħid li s-sular t'isfel tal-propjeta ġdida li xtara l-Gvern, qiegħed jintuża bħala Kanċellerija, filwaqt li s-sular ta' fuq jintuża bħala residenza mid-Deputat Kummissarju Għoli. Il-proprejta gdida li nxtrat hija konsidrata bħala nvestiment tajjeb u xieraq magħmul mill-Gvern Malti
Leg 9 PQ #21232 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Dipartiment ta' l-Istatistika — Ħaddiema Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 19397?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul il-perjodu li għalih qed issir riferenza ġew impjegati tlettax-il Statistician u erba' Casual Substitute Clerks fl-Uffiċju Ċentrali ta' l-Istatistika. L-istatisticians ġew impjegati wara sejħa għall-applikazzjonijiet li kienet pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-25 ta' Jannar 2000. L-iskrivani ġew impjegati wara li ġew provduti listi ta' persuni mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ. Ta' min jgħid li ftit taż-żmien wara li ġew impjegati, irriżenjaw Statistician u Casual Substitute Clerk.
Leg 9 PQ #21233 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żjara fi New York

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 19728?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #21234 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Kabinett

Question

Tista' l-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 19614 li oriġinarjmaent saret lill-Prim Ministru u li ġiet riferuta lilha u cioe': Peress li fir-risposta għal mistoqsija parlamentari nru. 18771 ma ngħatawx id-dettalji ta' l-ispiża ta' l-ikla li ġiet mogħtija mill-Ministru għal Għawdex, tista' l-Ministru tagħti d-dettalji mitluba? Tista' tgħid ukoll kemm kien l-ammont ta' persuni li attendew għal din l-ikla?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

M'għandi xejn x'inżid mar­risposta mogħtija għall­mistoqsija numru 18771.
Leg 9 PQ #21235 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tat-Turiżmu

Turiżmu — Safar

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 19937, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar l-istess mistoqsijiet fir-rigward ta' Indja?

Response (REFALO, MICHAEL)

Infurmat li fil-perijodu msemmi mill-Onor. Interpellant ma kien hemm l-ebda delegazzjoni li marret l-Indja.
Leg 9 PQ #21236 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Marsa Trade School

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti jattendu lezzjonijiet ta' filgħaxija f'suġġetti tekniċi fl-iskola tas-subien tal-Marsa (ex-Dun Ġwann Mamo Trade School)? Jista' jgħid ukoll kemm hemm għalliema jgħallmu lil dawn l-istudenti? Jista' jgħid ukoll hemmx xi kordinaturi fuq dawn l-għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola tas-subien Dun Ġwann Mamo il-Marsa bħalissa hemm 95 student jattendu lezzjonijiet ta' filgħaxija. Hemm sitt għalliema jgħallmu lil dawn l-istudenti. Fuq dawn l-għalliema hemm ko-ordinatur wieħed.
Leg 9 PQ #21248 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tas-Saħħa

Ċimiterju — B'Kara

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet l-applikazzjoni għall-ċimiterju f'Birkirkara?

Response (DEGUARA, LOUIS)

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 21248, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni ta' Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar ċimiterju għal Birkirkara ġewwa San Gwann, ġiet ir-rifjutata mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika in vista tal-Kodiċi tal-Pulizija Kapitlu 10, Sezzjoni 136.