Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 21849?
Response (BORG, JOE)
Kien hemm il-bżonn li tinxtara Kanċellerija ġdida qabel ma nbiegħet il-qadima għal żewġ raġunijiet: l-ewwelnett ma kienx ikun pass loġiku li tinbiegħ il-Kanċellerija il-qadima qabel tinxtara il-ġdida sempliċiment minħabba l-fatt li kien ikun hemm żmien meta l-Ambaxxata Maltija fl-Awstralja ma kienetx tkun f'pożizzjoni li tiffunzjona; it-tiena f'dan il-kas ikun aħjar li l-post ikun vakant milli l-proprjeta tigi spezzjonata meta din tkun għada okkupata bħala Ambaxxata.
Biex inxtrat il-Kanċellerija ġdida, il-Gvern għamel użu mill-fondi tiegħu stess.
Il-bejgħ se jsir pemezz ta' sejħa għall-offerti u għalhekk mhux prudenti li jissemmew prezzijiet u figuri. Dwar il-mistoqsija fuq offerti li setgħu saru irrid ngħid li, għalkemm intwera interess b'mod informali dwar din il-proprjeta, ma hu qed jiġi kkunsidrat xejn qabel ma toħrog sejħa għal offerti formali.
Jien infurmat ukoll li hemm bieb komuni għall-Kanċellerija u r-residenza u li l-partijiet konċernati kienu konxji ta' dan meta nxtrat il-proprjeta.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqaija, assolutament mhux il-kas li kien hemm xi esperti tal-Gvern li b'xi mod esprimew ruħhom li setghet tibqa tintuza l-Ambaxxata l-qadima. Nixtieq inzid ngħid li għal-snin twal il-Gvern Awstraljan ried li l-Ambaxxata tagħna f'Red Hill tmur f'waħda mit-tlett żoni riżervati apposta għall-Ambaxxati. Sa fl-aħħar din id-deċiżżjoni ttieħdet u issa għandna post denju għal-pajjiżna u għall-Maltin ta' l-Awstralja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ li matul din is-sena ġew trasferiti mal-Ministeru tas-Saħħa jew xi entita oħra?
Jista' jgħid meta saru dawn it-transferimenti u r-raġuni għaliex saru?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li matul din is-sena ġew trasferiti 12 il-'Health Attendant' mid-Dipartiment tad-Dranagg għal Ministeru tas-Saħħa.
Dawn it-trasferimenti saru fit-13 ta' Novembru 2000 u saru minħabba l-esiġenza ras-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma it-Terms of Reference ta' ħidma tal-MIC?
Jista' jgħid ukoll x'inhuma wkoll it-Terms of Reference tal-ħaddiema tal-MIC?
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex inxtrat ċ-Chancery (Ambaxxata Maltija f'Canberra qabel inbigħat il-qadima?
Isselfu xi flejjes biex inxtrat u jekk iva, x'tip ta' self sar? (per eżempju bridging finance)?
Jekk fl-affermattiv, meta jiskadi dan il-loan?
Xi prezz hemm fuq iċ-Chancery il-qadima u jekk il-Ministru ma għandux informazzjoni, jista' jgħid, ingħatax x figura ta' kemm bejn wieħed u ieħor hu mistenni li tinbiegħ għandux jsir xi auction għall-bejgħ?
Veru li kien hemm offerta li ġiet irrifjutata għax kienet baxxa u ftit wara, min għamel l-offerta induna li l-blokka mhux wiesgħa biżżejjed u għalhekk irtira l-offerta li kien għamel? Kemm kienet din l-offerta?
Jafx jew le il-Ministru li biex xi ħadt jidħol fir-residenza li semma f'tweġiba preċedenti li hemm maċ-Chancery irrid jagħmel dan mill-istess bieb taċ-Chancery?
Jista' l-Ministru jgħid jekk dan jaffetwax ukoll il-privatezza ta' min jabita fiċ-Chancery u ta' l-Kummissarju innifsu?
Jista' jgħid ukoll jekk l-esperti tal-Gvern sostnewx li ma kienx hemm bżonn tinxtara din l-Ambaxxata u minflok setgħet titranġa dik li kien hemm qabel bi spiża irħas?
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 21370 jista' l-Ministru jwieġeb il-parti: "jekk il-Kumpanija Skanska hijiex tħallas tas-servizz li qed jagħtu dawn il-ħaddiema lill-kumpannija Kalaxlokk? X'tip ta' xogħol qed jagħmlu dawn il-ħaddiema?"
Response (DEGUARA, LOUIS)
i) Fil-mument Skanska Malta J.V. u l-Kalaxlokk qed jinnegozjaw kuntratt ta' ħlas li għad irid jiġi approvat.
ii) Il-ħaddiema tal-Kalaxlokk qegħdin fil-mument iwaqqgħu ħitan tal-concrete u jaqtgħu rafforzamenti bażici fuq xogħol li sar fuq il-kuntratt l-antik. Dan ix-xogħol huwa antiċipazzjoni ta' disinji ġodda li jridu jiġu finalizzati qabel ma l-ħaddiema tal-kalaxlokk jibdew jaħdmu fuqhom bi steel fixing, concreting u shuttering.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-applikazzjoni għal waħda mill-iskemi ta' l-Awtorita' tad-Djar ta' persuna li, id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għadha ma ġietx pproċessata minkejja li għaddew diversi xhur minn meta ġiet sottomessa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Saru diversi tentattivi bit-telefon mill-perit ta' l-Awtorita' tad-Djar biex jikkomunika ma' l-applikanta ħalli jkun jista' jispezzjona il-fond minn fejn saret l-applikazzjoni imma dan kollu kien bla suċċess.
Fil-fatt, l-Awtorita' tad-Djar kitbet lil din il-persuna fejn ġiet informata bid-data u l-ħin ħalli tkun tista' ssir l-ispezzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk b'effett tal-miżuri tal-budget, u cioe' ż-żieda fid-dazju fuq is-sigaretti u t-tabakk, is-sigaretti u t-tabakk impurtat huwiex se jgħola bir-rata biss kif imħabbra fil-budget?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill Onorevoli Interpellant li fil-kaz ta' sigaretti maħduma lokalment, il-prezz għall-konsumatur hu magħruf u stabbilit u d-dażju li qed jitħallas jirrifletti dak li hemm fl-Abbozz ta' Liġi.
Il-prezz bl-imnut tas-sigaretti impurtati jistabbilixxih l-impurtatur wara li jieħu in kunsiderazzjoni l-ispejjeż u t-taxxi inkluz f'dal-kaz id-dazju tas-sisa li jrid jit]allas a bazi tal-prezz bl-imnut li jkun wasal għalih hu.
Dwar tabakk wieħed jista' jgħid ukoll li huwa l-impurtatur li jrid jidditermina jekk ikunx hemm bżonn ta' ċaqliq fil-prezz għall-konsumatur.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu jew le li l-ħaddiema nvoluti fil-preparazzjoni tal-budget ġew ipprovduti bl-ikel u x-xorb għas-spejjeż tal-Ministeru tal-Finanzi? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm-il darba dan sar matul il-ġurnata u għal kemm ġranet? Jista' jgħid ukoll kemm laħqet l-ispiża ta' dan kollu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill Onorevoli Interpellant li ma nħosx li għandi nirispondi mistoqsijiet frivoli bħal dawn.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-okkażjoni li għaliha ġie organizzat il-festin li sar mill-Ministeru tal-Finanzi nhar il-Ġimgħa 24 ta' Novembru, 2000? Jista' jgħid kemm kien jammontaw il-mestidnin u r-raġuni li għalih ġew mistiedna? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm laħqet b'kollox l-ispiża ta' dan ir-riċeviment u fiex kienet tikkonsisti? Jista' jgħid mingħand min saru l-ordnijiet ta' l-ikel u xorb u affarijet oħra u sarux b'direct order jew jinġabrux quotations?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill Onorevoli Interpellant li dan hu x'isir kull sena għal dawn l-aħħar ħmistax il-sena bħala rikonaxxciment għal kull min ikkontribuixxu fil-proċess tal-Budget.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 21235, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm individwi, studenti, jew oħrajn li ġew magħżula mill-Ministeru tat-Turiżmu, id-Dipartiment tat-Turiżmu jew entita' oħra li kienet taqa' jew taqa' llum taħt id-dekasteru tal-Ministeru, li intbagħt jew intbgħatet għal xi raġuni l-Indja fil-perijodu msemmi fil-mistoqsija parlamentari nru. 19937?
Response (REFALO, MICHAEL)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra r-risposti li rċevejt mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-risponsabilta’ tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw il-membri tal-korp tal-pulizija li mistennija li jkunu għamlu l-25 sena servizz tagħhom fis-sena 2001? Jista' jgħid f'liema rank huma?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:
Assistent Kummissarju
4
Supretendent
4
Spettur
7
Surġent
33
Kuntistabbli
56
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammonta n-numru ta' officer cadets fil-korp tal-pulizija bħalissa? Jista' jgħid kemm minnhom huma rġiel u kemm nisa? Jista' jgħid kemm minnhom huma minn ġewwa l-korp stess u kemm minnhom huma ġodda minn barra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` Officer Cadets fil-Korp tal-Pulizija huwa ta` 22. Minn dawn 17 huma rġiel u 5 huma nisa. Ninsab infurmat ukoll li 10 huma minn ġewwa l-Korp u 12 huma minn barra l-Korp.
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw pulizija għal grad ta' surġent? Jista' jgħid kemm minnhom huma rġiel u kemm nisa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 148 membru tal-Korp li applikaw wara li fid-19 ta` Settembru 2000, kienet saret sejħa għall-applikazzjonijiet għall-grad ta` Surġent fil-Korp tal-Pulizija. Minn dawn 12 huma kuntistabbli nisa.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jinfetaħ reklutaġġ ieħor ġdid fil-korp tal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ingaġġ bħala Kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija, mistennija li tiġi ppublikata fil-Gazzetta tal-Gvern matul din il-ġimgħa.