Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #23978 Sitting 507 2001-03-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Primarja tas-Sliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-tfal tal-iskola primarja ta' tas-Sliema ma' jitħalewx jidħlu fl-iskola jew fil-kurudur li hemm fil-madwar ta' l-iskola qabel ma' jibdew il-lezzjonijiet meta huwa loġiku li jekk dan jibda jsir, it-tfal ikunu aktar f'sigurta' minn xi eventwalita' ta' inċident tat-traffiku fit-toroq tal-madwar?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Onor. Membru japprezza li l-ewwel konsideerazzjoni għandha tkun il-ħarsien u s-sigurta` tat-tfal. Dan hu bilfors kundizzjoniat mill-ħtiġijiet ta' l-iskola u l-ħinijiet ta' l-għalliema u l-ħaddiema kif stabbilit fil-Ftehim Kollettiv. Informat ukoll li t-tfal filgħodu ma jitħallewx jidħlu fl-iskola kmieni minħabba li mhix konswetudni li huma jinġiebu kmieni mid-dar. It-tfal meta jidħlu ma jistgħux jitħallew mingħajr superviżjoni, iżda meta tkun ix-xita huma jidħlu jistkennu fil-kuriduri. It-triq ta' quddiem l-iskola tkun magħluqa għat-traffiku bejn it-8.00 - 8.45 ta' filgħodu u jkun hemm ukoll pulizija f'dawn il-ħinijiet biex jiżgura li ma jgħaddux vetturi.
Leg 9 PQ #24107 Sitting 507 2001-03-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex bozzoz li jinsabu fuq il-fondi 7 u 15 fi Triq San Karlu f'tas-Sliema jiġu mibdula peress li huma baxxi ħafna u bla effett meta f'din it-triq hemm numru konsiderevoli ta' anzjani li jgħixu weħidhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferita lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Leg 9 PQ #24108 Sitting 507 2001-03-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Floodlighting

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswa il-floodlighting tal-bastjuni u swar tal-Imdina? Jista' jgħid minn min sar ix-xogħol u kemm ġie jiswa? Jista' jgħid jekk inħarġietx tender jew inġabrux kwotazjonijiet? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid wkoll min ikkwota u minn ittenderja għal dan ix-xogħol u f'kull każ kemm kienet l-offerta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina għamel floodlights temporanji għall-faċċata tas-swar ta' l-Imdina. Dawn ġew imneħħija għaliex issa ħierġa t-tender għas-sistema kompluta. Is-sistema ta' floodlights temporanji saret b'tender li għaliha applika biss Vincent Mifsud Ltd. In-nefqa totali telgħet għal Lm6,880.

Housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħati ir-raġunijiet li wasslu biex is-Sur Victor Sciberras Grioli tkeċċa jew ġie mġiegħel jirreżenja mill-impjieg tiegħu ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Jista' jgħid ukoll jekk hu bħala Ministru kienx involut f'din id-deċiżjoni jew jekk kienx ikkonsultat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant reġgħet lura mas-servizz pubbliku wara deċiżjoni unanima tal-Bord ta' l-Awtorita' li kellu jiġi terminat is-secondment ma' l-istess Awtorita'. Jien ġejt infurmat bid-deċiżjoni li ttieħdet mill-Bord u li din kienet waħda unanima.
Leg 9 PQ #23959 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Interpol — Klandestini

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-erba suspettati mitluba mill-Interpol dwar allegazzjonijiet in konnessjoni ma' involviment fin-negozju tal-klandestini għadhom ma' ġewx mogħtija lill-Interpol?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi huwa minnu illi hemm it-talba mill-Pulizija Taljana biex jiġu esegwiti xi talbiet ta` estradizzjoni in konnessjoni mal-każ dwar attivita` ta` klandestini. Il-Pulizija Maltija ilha tassisti lill-Pulizija Taljana f`dan ir-rigward u ser tibqa` tassistiha. Minħabba illi r-rekwisiti meħtieġa mill-liġi għadhom ma ġewx sodisfatti, it-talba in kwistjoni għadha ma tistax tiġi esegwita f`dan l-istadju.
Leg 9 PQ #23962 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Ta' Ġiorni — Tindif

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex is-soft areas li hemm fi Triq Eric Brockman, Triq Hans Stumme u Triq Carlo S Zabarella f'Ta Ġiorni issirilhom il-manutenzjoni meħtieġa, jiġu mnadfa u s-siġar li hemm fl-area jiġu miżbura?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19922 (Seduta 392).
Leg 9 PQ #23964 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Mandalay Road — Pembroke

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk garaxijiet li jinsabu Mandalay Road (Sqaq il-Fortizza) faċċata tal-Verdala School biswit id-djar residenzjali ta' qasam tad-djar Sant' Andrija f'Pembroke humiex mikrija lil xi individwi? Jekk fin-negattiv, jista' jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jara li dawn il-garraxijiet jittieħdu lura mill-Gvern peress li waslitli informazzjoni li dawn jinsabu okkupati minn indiviwi bla awtorizzazjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-garaxxijiet indikati fiż-żona mill-Interpellant qatt ma ġew allokati mid-Dipartiment tal-Artijiet lil xi ndividwi. Id-Dipartiment tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern qiegħed jagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji.
Leg 9 PQ #23967 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pembroke — Mandalay Road

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex Mandalay Road (Sqaq il-Fortizza) triq li qatt ma ġiet asfaltata u li tinsab fil-Qasam tad-Djar Sant' Andrija f'Pembroke tingħata l-asfaltar peress li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Pembroke — Mandalay Road

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex Mandalay Road (Sqaq il-Fortizza) triq li qatt ma ġiet asfaltata u li tinsab fil-Qasam tad-Djar Sant' Andrija f'Pembroke tingħata l-asfaltar peress li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Peress li dan il-pasaġġ huwa wieħed antik ta` żmien is-servizzi, d-Dipartiment tat-Toroq qiegħed jara ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar jekk dan hux ser jibqa kif inhu jew jiġi żviluppat aktar biex ikun jista jsir ix-xogħol meħtieġ.
Leg 9 PQ #23720 Sitting 500 2001-02-20 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA — Carpark

Question

Jista' l-Ministru jinfurma lill-Kamra għaliex inħass il-bżonn li l-pompa u l-ħanut jittieħdu lura mill-MIA u jinħarġu għal tender separatament mill-carpark? Jista' l-Ministru jinformana jekk iż-żmien ta' sterling car park biex topera l-carpark biss mingħajr il-pompa u l-ħanut ġiex imġedded bla ma ssejħet sejħa għall-offerti? Meta għalaq iż-żmien li kien ingħata fl-1993? Jekk iġġedded għal kemm żmien iġġedded u b'liema kundizzjonijiet?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-M.I.A. iddeċiedet li tieħu lura l-pompa tal-petrol u l-ħanut u tinħareġ sejħa għall-offerti separatament mill-carkpark peress li fl-opinjoni tal-Kumpanija dan il-pjan kien jagħmel aktar sens kummerċjali u fil-fatt huwa previst li dan ikun ta' introjtu akbar għall-Kumpanija. L-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija hija ta' natura kummerċjali u għaldaqstant ma naħsibx li jkun fl-interess tal-Kumpanija li ssir pubblika.
Leg 9 PQ #23546 Sitting 496 2001-02-16 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Villa Cassar Torreġġiani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport irċeviet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar ix-xogħol li qed isir f'Villa Cassar Torreġġiani fi Triq il-Kbira, San Ġiljan? Jista' jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn ir-rapporti, rapport b'rapport, u x'passi ttieħdu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irċeviet 5 rapporti b`kollox. Tnejn permezz ta` ittri u tnejn permezz tat-telefon u wieħed permezz tal-gazzetti. L-ewwel rapport permezz ta` ittra kien rigward ammont ta` ħamrija li niżel fil-baħar. Minn spezzjoni li saret fuq il-post dan ma rriżultax. It-tieni rapport kien permezz tat-telefon rigward hoarding li ttella` u li b`riżultat ta` dan tnaqqsu żewġ postijiet għal parkeġġ ta` karozzi. Dan il-hoarding kien kundizzjoni fil-permess u kellu jittella` biex ikun ta` sigurta` għall-pubbliku. It-tielet rapport kien permezz ta` ittra rigward ilma li kien qiegħed jintefa` ġol-bajja tal-Balluta. Minn investigazzjonijiet jirriżulta li l-ilma li kien qiegħed jintefa` kien ilma nadif li kien ġej mill-wied. Ir-Raba rapport bit-telefon kien jikkonsisti f`li: ma kienx hemm il-permess imwaħħal; li kienu qed jibdew ix-xogħlijiet qabel is-sebgħa ta` filgħodu; li kienu qed iħaddmu xi pompi bil-lejl; li l-post kien qed ikun imdawwal bil-lejl; li t-trakkijiet kienu qegħdin iħallu ħafna trab warajhom. L-Awtorita` mill-ewwel ikkuntattjat lill-perit inkarigat il-Perit Martin Xuereb u ordnatlu li jitwaħħal kopja tal-permess kif mitlub fl-istess permess. Ivverifikat rigward ix-xogħlijiet li kienu qed jibdew qabel is-sebgħa ta` filgħodu. Il-perit tal-proġett informa lill-Awtorita` li darba biss ħadmu qabel il-ħin indikat minħabba xogħol ta` emerġenza. Ivverifikat rigward l-istorbju tla-pompi, u dan ma rriżultax. Rigward li l-post m`għandux jiddawwal bil-lejl ma hemm l-ebda kundizzjoni f`dan is-sens, u rigward l-inġenji li kienu qed iħammġu t-triq, l-Awtorita` ma setgħetx tieħu passi minħabba li ma kien hemm l-ebda kundizzjoni fil-permess, biss ġibdet l-attenzjoni ta` l-applikant inkarigat. Il-ħames rapport fil-gazzetti kien rigward twaqqiegħ ta` bini ta` Villa Cassar Torreggiani. Fil-fatt l-annex tal-bini in kwistjoni kellu jaqa` skond kif kien approvat. Peress illi kellu jitneħħa ġibjun bħala parti mill-pjanti approvati, parti żgħira ħafna mill-villa ċediet u ġiet żmantellata biex ma tkunx ta` periklu. L-Awtorita` immedjatament ivverifikat ir-rapporti u talbet lis-sid flimkien mal-perit biex jagħmlu Method Statement ta` kif ser terġa` tiġi ripristinata l-biċċa żgħira li ċediet u li ġiet żmantellata. Dan il-Method Statement diġa` ġie sottomess lill-Awtorita` u x-xogħlijiet mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 9 PQ #23537 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Impjegat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħatra tal-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, bħala chairman ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar u l-ħatra tiegħu bħala project manager mal-kumpannija li qed tmexxi l-proġett ta' Villa Cassar Torreġġiani f'San Ġiljan huwiex konfliġenti u aktar minnhekk jekk hemmx konflitt ta' interess? Jista' l-Ministru jgħid ukol jekk inġibditlux l-attenzjoni dwar dan u jekk irċeviex rapporti f'dan ir-rigward? Jekk fl-affermattiv, x'passi ħa l-Ministru?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 22651, ninsab infurmat illi l-persuna msemmija dejjem iddikjarat kull interess kemm dirett kif ukoll indirett li seta` kellha minn żmien għal żmien dwar applikazzjonijiet ta` żvilupp li dehru quddiem l-Awtorita` ta` l-Ippjanar. Il-persuna indikata kienet involuta f`dan il-proġett mis-7 ta` Novembru 2000 sa l-20 ta` Jannar 2001. Għalhekk ta` min jinnota li fit-13 ta` April 2000, meta l-proġett ġie awtorizzat, il-persuna ndikata ma kenitx involuta fil-proġett. Kull konflitt ta` interess li membru tal-bord ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar jista` jkollu minn żmien għal żmien huwa regolat minn Art 5 ta` l-Ewwel Skeda ta` l-Att ta` l-1992 dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp u mill-kodiċi ta` etika għal diretturi ta` bordijiet fis-settur pubbliku maħruġ mill-uffiċċju tal-Prim Ministru fl-1994. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, peress illi l-persuna iddikjarat l-interess f`dan il-proġett meta ġiet involuta fih, u hija mixiet skond kif tipprovdi l-liġi u l-kodiċi ta` etika, ma kienx meħtieġ jittieħdu xi passi. L-Onorevoli Interpellant għandu jifhem li l-persuni kollha li s`issa inħatru fl-Awtorita` bħala Chairman dejjem żammew l-attivita` professjonali tagħhom; l-obbligu tagħhom hu li jiddikjaraw l-interess tagħhom, mhux li ma jkollhomx interessi, u li ma jieħdux sehem bi kwalunkwe mod fid-deċiżjoni dwar applikazzjonijiet li fihom jista` jkollhom xi interess.
Leg 9 PQ #23538 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Korporazzjon Maltija ta' l-Iżvilupp — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ammont tħallas fuq courses tal-computers lill-istaff tal-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid ukoll min kienet il-kumpannija li pprovdiet dan is-servizz u jekk kienx hemm sejħa għall-offerti? Jekk fl-affermattiv, liema kienu dawk il-kumpanniji li tefgħu l-offerta tagħhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar sentejn il-Korporazzjoni għall-Iżvilupp ta' Malta ħallset is-somma ta' Lm8,601 għal korsijiet tal-kompjuter. Il-kumpaniji li pprovdew dan is-servizz kienu Executarian Limited, Integrated Business Systems Limited, M.I.T.T.S. Limited u Shireburn Co. Limited. Għal dan is-servizz, minbarra mingħand il-kumpanija msemmija, inġabru kwotazzjonijiet ukoll mingħand id-ditti Deloitte & Touche, Key Services Limited u Nucleus Limited.

Pembroke — Triq William Harding

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba li saret mill-kunsill lokali ta' Pembroke fl-20 ta' Ġunju 2000 lit-Traffic Control Board għal twaħħil ta' No U-Turns fi Triq William Harding, Pembroke?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li 'l Bord għal Kontroll tat-Traffiku approva t-twaħħil ta' No U Turn Signs imsemmija mill-Onor. Interpellant fil-11 ta' Lulju, 2000. Dawn fil-fatt twaħħlu, iżda ġew vandaliżżati u ma reġgħux ġew imqegħda mill-Kunsill Lokali.

Xemxija Bypass — Ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jgħid minħabba liema ċirkostanza ġiet sfrundata parti mill-bypass li minn San Pawl tagħti għax-Xemixija? Jista' jgħid min kien responsabbli ta' din il-ħsara? Jista' jgħid x'passi ttieħdu kontra min għamel din il-ħsara u jekk intalabx iħallas l-ispiża li hemm bżonn biex din tiġi rranġata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant Għal risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 14926.

Djar — Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex single parent, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata akkomdazzjoni peress li apparti li diġa' għandha tarbija u qed tistenna oħra, qiegħda toqgħod f'post żgħir ħafna b'kera ta' Lm70 fix-xahar meta l-unika dħul li għandha huwa ta' Lm136 fix-xahar mis-servizzi soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #23545 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — San Ġiljan - Villa Cassar Torreġġiani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport irċeviet il-pulizija dwar ix-xogħol li qed isir f'Villa Cassar Torreġġiani fi Triq il-Kbira, San Ġiljan? Jista' jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn ir-rapporti, rapport b'rapport, u x'passi ttieħdu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kien hemm okkażżjoni waħda fejn intalbet l-assistenza tal-Pulizija minħabba li trakkijiet li kienu ħerġin mis-sit in kwistjoni, bdew iħallu tajn fit-triq minħabba x-xita li kienet niżlet. Il-pulizija ħadet azzjoni mmedjata u t-triq ġiet imnaddfa mill-kuntrattur stess.

Jum Ħal Għaxaq

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni biex it-talba għal użu tas-Sala ta' l-Iskola Primarja mill-Kunsill lokali ta' Ħal Għaxaq fl-okkazzjoni ta' Jum Ħal Għaxaq ikun jista' ssir mingħajr l-ebda diffikulta? Jafx jew le l-Ministru li din hi l-unika sala li l-Kunsill imsemmi jista' juża fir-raħal imsemmi?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed nikkomunika t-talba tal-Kunsill lill-Ministru koncernat.
Leg 9 PQ #23374 Sitting 487 2001-02-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Jum Ħal Għaxaq

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni biex it-talba għal użu tas-Sala ta' l-Iskola Primarja mill-Kunsill lokali ta' Ħal Għaxaq fl-okkazzjoni ta' Jum Ħal Għaxaq ikun jista' ssir mingħajr l-ebda diffikulta u dan għal ġid tal-lokalita' in ġenerali?

Response (GALEA, LOUIS)

Diġa` qed niddiskuti l-materja mal-partijiet involuti.