Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #28620 Sitting 617 2001-10-15 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Principal Technical Officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid b' referenza għall-PQ 28533, x' inhi l-persuna mgħażula u x' salarju u kundizjonijiet ingħata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-proċess ta` l-għażla għadu ma ġiex eżawrit u r-riżultat ta` l-interview għadu mhux pubblikat. L-eventwali persuna magħżula jiġi appuntat fil-grad ta` Principal Technical Officer, kif indikat fis-sejħa għall-applikazzjonijiet, fuq skala 9 (disa`) b`salarju ta` Lm5,274 fis-sena li jitla` b`increments annwali ta` Lm192 sa Lm6,426 fis-sena u bil-kundizzjonijiet normali tas-servizz mal-Gvern.

ETC — Ħaddiema Illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid b' referenza għall-PQ 28482 jispjega kif minn 3,752 rapport ġew spezzjonati 2,846, jiġifieri ma' saritx spezjoni għal 906 rapport?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Figuri mogħtija in konnessjoni mal-Mistoqsija Parlamentari 28482 kienu dawk sal-aħħar t'Awissu 2001. Il-Bilanċ li għadu qed jiġi proċessat jammonta għall-585 każ. It-321 każ l-ieħor minn total oriġinali ta' 3,752 kellhom jiġu mwarrba kawża ta': - Nuqqas ta informazzjoni/dettalji - Rapporti meqjusa "infondati' wara li ġew mqabbla mad-database tal-ETC
Leg 9 PQ #28622 Sitting 617 2001-10-15 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST — Għalliema tas-Systems of Knowledge

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 28571?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Onor. Membru japprezza li jiena m'hinix l-awtorita` kompetenti biex nidħol fir-raġunijiet li għalihom applikanti jintgħażlu jew ma jintgħażlux biex jimlew vakanzi avżati fl-MCAST. Il-Kulleġġ jippubblika r-riżultati ta' l-intervisti meta l-proċess ta' l-għażla jkun definitivament konkluż. Kull għalliem tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li applika biex jgħallem l-MCAST u ma ġiex magħżul ingħatalu post alternattiv skond il-kompetenzi tiegħu. Il-persuna msemmija tista' dejjem tirrikorri għall-passi stabbiliti bil-liġijiet eżistenti.
Leg 9 PQ #28623 Sitting 617 2001-10-15 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Institute of Business and Commerce

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 28574?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ż-żewġ assistenti kapijiet ta' l-Istitut Għan-Negozju u Kummerċ ta' l-MCAST għandhom il-kwalifiki meħtieġa kif mitlub fis-sejħa għal applikazzjonijiet għal postijiet konċernati.
Leg 9 PQ #28671 Sitting 617 2001-10-15 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Coastline — Bozoz

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' inhi r-raġuni li l-ammont ta' bozoz fil-Coastline, Salini li għadhom kif ġew installati u inawgurati mhumiex jixegħlu? Jista' l-Ministru jieħu l-passi biex dawn il-bozoz jinxtgħalu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-bozoz li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Membru, qiegħdin jiġu nvestigati biex tiġi stabbilita' l-problema teknika li żviluppat fihom. Qiegħed isir kull sforz biex id-dawl f'din it-triq jiġi għan-normal.

ETC — Ħaddiema Illegali

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija nru. 28244?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li, bejn Jannar 2000 u Awissu 2001, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ waslulha 3,752 rapport dwar ħaddiema illegali. Dawn ġew investigati u matul l-istess perijodu saru 2,846 spezzjoni konnessi ma' dawn ir-rapporti mill-uffiċjali tal-Korporazzjoni. L-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija hi ta' natura kunfidenzjali u ma nħossx li għandha tiġi ppubblikata.
Leg 9 PQ #28533 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Principal Technical Officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-ħtieġa li jinħoloq l-impjieg ta' principal technical officer tad-dipartiment tan-Nutar tal-Gvern? Jista' l-Ministru jassigura li l-proċeduri li se jintużaw biex jinħatar dan l-uffiċjali mhux ser ikun proċeduri li b'xi mod jivvantaġġjaw lil xi ħadd li hu viċin ta' persuna prominenti li jaħdem fil-media tal-Partit Nazzjonalista.

Response (BORG, TONIO)

Peress li ilha tinħass il-ħtieġa li s-sigurta` fl-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern tissaħħaħ, kif ukoll li tingħata spinta lill-proċess tat-Teknoloġija ta` l-Informatika in ġenerali u ta` Digitised Imaging in partikolari, u in vista li huwa ppjanat il-bini ta` Arkivji ġdid, hemm il-bżonn ta` persuna fil-grad ta` Principal Technical Officer biex jieħu ħsieb dawn id-diversi proġetti fl-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern. Il-proċeduri wżati għall-ħatra ta` dan l-uffiċċjal kienu dawk normali li solitament isiru permezz tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #28571 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST — Għalliema tas-Systems of Knowledge

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li persuna li dettalji tagħha qiegħed nibagħat separatament ma' din il-mistoqsija, ma ntgħażlitx biex tgħallem is-Systems of Knowledge fl-MCAST, meta din l-istess persuna għandha kwalifiki u esperjenza f'dan is-suġġett aktar milli meħtieġ u li wkoll kienet fost it-team li fassal is-sillabu ta' l-istess suġġett u saħansitra għamlet it-teżi tal-master b'suċċess fuq it-twaqqif u l-ippjanar tal-MCAST, għas-sodisfazzjon tiegħu qed nibgħat ma' din il-mistoqsija is-CV ta' l-istess persuna? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati ta' l-intervisti li saru flimkien mad-dettalji tal-kwalifiki li kull applikant kellu? Meta l-intervista lill-persuna li diġa semmejt saret mill-istess interviewer li 8 snin ilu għamlilha s-subject interview tad-dipartiment biex jingaġġa l-għalliema għal ma l-istess dipartiment u dak inhar din il-persuna kienet ġiet l-ewwel fost l-applikanti, jista' l-Ministru jispjega kif din il-persuna ma ġietx magħżula? Jista' l-Ministru jgħid x'rimedju ser jingħata lil din il-persuna?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra wara li nivverifika t-tagħrif mitlub.
Leg 9 PQ #28573 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul dawn l-aħħar 10 snin kemm ġew eletti professuri mis-Senat ta' l-Universita'? Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li jintużaw mis-Senat biex jiġi elett professur? Jista' jgħid wkoll f'kull każ ta' ħatra li saret f'dan il-perjodu x'kienu l-kwalifiki li jipposedu l-professuri eletti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' persuni li ġew maħtura, mill-Kunsill ta' l-Universita`, bħala Professur matul dawn l-aħħar għaxar snin kienu 21. Il-kriterji huma bbażati fuq il-kontribut li l-individwu jagħti f'oqsma ta' tagħlim, riċerka u amministrazzjoni fl-Univerista`. Fl-aħħar eżerċizzju ta' promozzjonijiet li sar, dawn il-kriterji tpoġġew fuq il-website ta' l-Universita` u jistgħu faċilment jinqraw minn hemm. Il-Professuri maħtura kellhom il-kriterji kollha neċessarji.
Leg 9 PQ #28574 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Institute of Business and Commerce

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-Institute of Business and Commerce li jaqa taħt l-MCAST ġew impjegati żewġ Assistant Direcotors mingħajr esperjenza maniġerjali kif oriġinarjament kien mitlub fis-sejħa għall-applikazzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra wara li jasalli t-tagħrif mitlub.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jispjega l-fatt għaliex, persuna li dettalji tagħha qiegħed nibgħat separatament ma' rċivietx iċ-ċekk tal-pensjoni għax-xahar ta' Settembru? Jista' jieħu l-passi kollha meħtieġa u urġenti biex isir il-ħlas dovut lil din il-persuna? Jista jassigura li din ma' jiġiex ripetut?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ċ-ċekk tal-pensjoni tal-15 ta' Settembru 2001, intbagħat fiż-żmien lill-persuna indikata mill-Onor. Interpellant. Għalhekk hi ġiet infurmata bil-miktub x'għandha tagħmel jekk għadha ma rċevietx dan iċ-ċekk.

Dwal fil-Mini

Question

Jista' l-Ministru jassigura li lighting fil-mini tal-pajjiż issirilhom spezzjoni kontinwa biex jiġi assigurat li d-dawl ikun kollu jaħdem?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq jagħmel spezzjonijiet fil-mini regolari. Fil-fatt għadhom kif saru xogħolijiet ta' manutenzjoni fil-mina ta' Ħal Kirkop fejn inbidlu l-fittings maqtugħa kollha, waqt li fil-mini tal-Qroqq u ta' Santa Venera għadhom kif ġew spezzjonati. Id-Dipartiment tat-Toroq qiegħed jaħdem ma' l-Inġiniera ta' l-Enemalta biex fil-mini ta' Santa Venera jiġu stallati l-fanali nieqsa mill-ġdid.
Leg 9 PQ #28280 Sitting 608 2001-10-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Xogħol ta' Manutenzzjoni — Fl-Iskola

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li x-xogħol ta' manutenzzjoni fl-iskola Sir Adrian Dingli jintemm kompletament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol li hemm ippjanat s'issa fl-iskola Sir Adrian Dingli huwa maħsub li jitlesta fi żmien sentejn.
Leg 9 PQ #28287 Sitting 608 2001-10-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Xogħol ta' Manutenzjoni — Skola tas-Sliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jintemm ix-xogħol ta' manutenzjoni fuq l-iskola ta' tas-Sliema? Tafx jew le l-Ministru li dan ix-xogħol ilu għaddej kważi 3 snin? Jista jgħid x' iwassal biex dan ix-xogħol ilu sejjer għall-dan it-tul ta' żmien?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ilha minn Marzu 2000 li lestiet ix-xogħolijiet ta' riabilitazzjoni fuq ġewwa fin-naħa ta' l-iskola sekondarja f'Tas-Sliema. Ftit tax-xhur ilu ingħata bidu għar-restawr tal-faċċata ta' l-istess skola u dawn ix-xogħlijiet delikati għaddejjin kif mixtieq mingħajr ebda periklu għat-tfal u l-kbar. Sadanitant ġiet ippreparata sejħa għall-offerti għat-tkomplija tar-restawr tal-faċċata kollha tal-kumpless skolastiku kollu f'tas-Sliema liema offerta qegħdin jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa biex tiġi ppubblikata. Fil-ġimgħat li ġejjin sejra tiġi ppubblikata wkoll mid-Dipartiment tal-Kuntratti offerta għal xogħlijiet strutturali u ta' finitura biex jiġu eżegwiti fl-iskola primarja filwaqt li fix-xhur tas-sajf saru xogħlijiet fuq il-bini ta' taraġ ġdid, rinfurzar tas-soqfa tal-kuriduri kollha u tqiegħid ta' membrane fuq fejn kien meħtieġ. Xogħlijiet oħra minuri f'din l-iskola huma għaddejjin mingħajr ebda xkiel għat-tfal u għaldaqstant dan jiġġustifika għaliex ċerti xogħlijiet jieħdu ftit aktar fit-tul sabiex ma jtellfu b'ebda mod l-andament normali ta' l-iskola.
Leg 9 PQ #28402 Sitting 608 2001-10-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Xatt is-Sajjieda — Żvillup

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk żvillup li qiegħed issir f'Xatt is-Sajjieda, San Ġiljan biswit Neptune Court fuq art pubblika għandux il-permessi tal-Awtorita' tal-Ippjanar? Jista' jgħid wkoll jekk l-iżvillup imsemmi, li qed isir fuq art pubblika huwiex qiegħed isir bl-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Artijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-iżvilupp li qed isir fuq żewġ siti separati biswit il-bini magħruf bħala 'Neptune Court' huwa kopert bil-permessi meħtieġa ta l-Awtorita` ta` l-Ippjanar PA 4161/98 rispettivament. Irid jiġi ċċarat illi x-xogħol li qed isir preżentament huwa konness mas-sit indikat fil-permess PA 2265/00. Dan jikkonsisti fi twaqqiegħ ta` bini eżistenti b`entratura minn Triq Spinola u tqattiegħ ta` blat u skavar fuq l-istess art fejn qed isir aċċess temporanju minn naħa tax-xatt. Rigward is-sit l-ieħor li huwa kopert bil-permess PA 4161/98 u fejn huwa propost li jinbdew 'fishermen`s stores' irid jingħad illi xogħol ta` kostruzzjoni fuq dan il-proġett s`issa għadu ma nbediex. Jekk l-iżvilupp propost fuq din l-art huwiex ser isir bl-approvazzjoni tad-Dipartiment ta` l-Artijiet jew le, tajjeb li jiġi nfurmat illi l-Awtorita` ħarġet il-permess b`kundizzjoni illi l-iżviluppatur għandu jottjeni l-'clearances' u l-ftehim speċifiku minn dak id-dipartiment (kund. Nru. 12). Minn naħa tad-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta`, ninsab infurmat illi l-uniku żvilupp li preżentament qiegħed isir fil-bajja ta` Spinola u li jista` jkun jirfes fuq art pubblika huwa dak approvat mill-Awtorita` tal-Ippjanar bil-permess Nru. PA 04161/98. Dwar dan l-iżvilupp kien sar Protest Legali mill-Kunsill Lokali ta` San Ġiljan li għalih kienet ingħatat risposta mill-Kummissarju tal-Artijiet kopja ta` liema qiegħda tiġi mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.

Toroq

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex Triq it-Tiben (il-parti ta' wara ta' Triq il-Qasam u biswit il-Wembley Petrol Station) fis-Swieqi titbaxxa fil-livell tagħha u dan minħabba l-fatt li hemm residenti li kull meta tagħmel ix-xita jgħerqilhom il-garaxx?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tlabt lid-Dipartiment tat-Toroq biex jispezzjona l-post indikat.

Awtorita' tad-Djar

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorita' tad-Djar jiġi installat lift fi Blokk H, Triq Jean Honel, Ta' Ġiorni għall-persuna b 'diżabilita' tingħata prijorita u tiġi mħaffa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita' tad-Djar irċeviet l-applikazzjoni taħt Skema Numru 7 (Għajnuna Finanzjarja Għal Persuni b'Diżabilita' għall-Xogholijiet ta' Titjib Relatati mad-Diżabilita' tagħhom f'Residenzi Okkupati Minnhom) fit-8 t'Awissu 2001. Fil-preżent, l-applikazzjoni ġiet riferuta lill-Occupational Therapist biex jivverifika l-ħtieġa tal-persuna u jekk ikun il-każ jagħti parir lill-istess persuna.

ETC — Ħaddiema Illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm il-ittra u telefonata irċieviet l-ETC dwar rapporti ta' ħaddiema illegali f' dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid kemm minn dawn ir-rapporti 1) kienu annomi? 2) X' passi ittieħdu? 3) X' irriżulta? 4) Min kienu l-ażjendi u kumpaniji nvoluti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninfoma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qieghda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Dipartiment tal-Bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li d-Dipartiment tal-Bini u t-tiswija jonora l-ftehim li għamel mal-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan u cioe li jagħmel il-Proġett tal-Playingfield fil-Housing Estate ta' Ta' Ġiorni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-Kunsill informa lid-Dipartiment li kienu jinħtieġu xi bidliet fil-pjanti u qed jistenna li jkollu f'idejh konferma li dawn il-bidliet ġew aċċettati. Barra minn dan id-Dipartiment għadu qed jistenna l-istima tal-Kunsill tax-xogħol meħtieġ qabel isir ftehim ieħor formali dwar kif ser jiġi mwettaq x-xogħol f'fażijiet.
Leg 9 PQ #28249 Sitting 607 2001-10-01 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

PA

Question

B'referenza għall-applikazzjoni PA 03941/01 li hemm quddiem l-Awtorita' tal-Ippjanar, jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Artijiet jew il-Gvern għandux il-ħsieb li jċedi art li tinsab fi Triq Angelo Portelli kantuniera ma' Triq Luiġi Billion f'Pembroke?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern irċeviet talba mingħand terza persuna għall-iżvilupp ta` l-art li qed jagħmel referenza għaliha l-Onorevoli Interpellant, liema art tinsab bejn Triq l-Isqof Angelo Portelli u Triq Luigi Billion, f`Pembroke, u li fuqha saret applikazzjoni għand l-Awtorita` ta` l-Ippjanar bin-Nru. PA 03941/01. Kif isir f`każijiet bħal dawn, l-applikant intalab iġib permess mingħand l-Awtorita` ta` l-Ippjanar biex imbagħad it-Taqsima tkun tista` tikkunsidra din it-talba fid-dawl tad-deċiżjoni li tieħu l-Awtorita` ta` l-Ippjanar li bħalissa qed tipproċessa l-applikazzjoni. Sal-lum it-Taqsima għadha ma rċeviet xejn u għalhekk m`hix f`pożizzjoni li tagħmel il-kunsiderazzjonijiet neċessarji.