Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li membri tal-banda tal-forzi armati ilhom ma jingħataw promozzjoni għal snin twal? Jista' jgħid ukoll x'inhi r-raġuni li membri tal-banda tal-forzi armati meta jsiefru fuq xogħol mal-banda jingħataw Lm50 biss expenses bonus bil-konsegwenza li dawn ikollhom joħorġu flus personali biex ikunu jistgħu jlaħħqu ma' l-ispejjeż li jkollhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li fil-25 ta’ Ġunju tas-sena l-oħra, ħarġu 21 promozzjoni fil-Banda tal-Forzi Armati. Il-membri tal-Banda tal-Forzi Armati, meta jsiefru fuq xogħol, jingħataw l-istess “subsistence allowance” li jingħataw membri tas-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-monument White Shadows li ġie inawgurat fil-promenade ta' Sliema għandux il-permessi tal-awtorita' tal-ippjanar? Jista' l-Ministru jgħid meta saret din l-applikazzjoni, minn min, x'numru tal-file iġġib u meta ħareġ il-permess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-monument in kwistjoni huwa kopert bil-permess PA2602/02. L-applikazzjoni saret mid-Direttur tax-Xogħlijiiet fis-7 ta' Mejju, 2002 u l-permess inħareġ fl-4 ta' Ġunju, 2002.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-monument White Shadows li ġie inawgurat fil-promenade ta' Tas-Sliema? Jista' jgħid jekk inħarġitx sejħa pubblika għal dan il-monument? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta saret din is-sejħa, meta għalqet, min issottometta l-offerta tiegħu u kull sottomissjoni kemm kienet tammonta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq din l-iskultura kien dan li ġej:
Ix-xogħol tal-konkos u ħadid sar minn ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet.
L-uniku xogħol li ġie allokat lill-kuntratturi privati kien ix-xogħol ta' l-irħam. F'dan il-każ, minħabba l-urġenza tax-xogħlijiet, ġew allokati żewġ
direct orders
lid-ditta Hal Mann Ltd għall-valur ta' Lm1,800 għax-xogħol tat- tqegħid u Lm2,300 għall-provvista ta' l-irħam.
Nerġa' nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lill-Perit Richard England li offra mingħajr l-ebda ħlas jew kumpens ieħor id-disinn tiegħu kif ukoll sorveljanza waqt ix-xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li studenta li tattendi l-iskola Sir Luigi Preziosi f'Pembroke, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, mhux qed tiġi aċċettata l-iskola (anzi tkeċċiet mill-kap ta' l-iskola) għax sempliċement qatgħet xagħra qasir u għax tagħnel il-wet gel ma' xagħrha?
Jista' jgħid jekk din id-deċiżjoni meħuda mill-kap ta' l-iskola hijiex konformi mar-regolamenti tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni?
Jista' jara kif din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata immedjatament biex din l-istudenta ma tibqax titlef aktar lezzjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kap ta' l-Iskola tikkonferma li hi f'ebda ħin ma keċċiet lill-istudenta msemmija mill-iskola. Kienet l-istess studenta li ħarbet mill-iskola bla permess, u ġabet ruħha b'arroganza fil-konfront tal-Kap u l-Assistent Kap ta' l-Iskola. Hi kienet l-unika studenta li ma tridx tobdi r-regolamenti ta' l-iskola li jistabilixxu kif għandhom iżommu persunithom l-istudenti.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex qabel jitkompla l-asfaltar ta' Triq Indri Grima, Swatar Imsida, jinbidlu s-servizzi li hemm peress li dawn huma antiki u jenħtieġu jinbidlu? Jista' jieħu l-passi wkoll biex ix-xogħol jitkompla peress li bħalissa huwa wieqaf u dan b'inkonvenjent għar-residenti li saħansitra ma jistgħux jidħlu bil-karozza fejn joqgħodu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi d-Direttorat għat-Toroq f'diskussjoni li kellu mall-Utilities, irriżulta li dawn għandhom bżonn jibdlu biss il-komunikazzjonijiet tas-servizzi ta' l-ilma għal ġod-djar. Is-Sindku ta' l-Imsida nforma lid-Direttorat illi r-residenti kienu nkwetati li l-main tad-drenaġġ seta' għandu xi ħsarat u għalhekk id-Direttorat għat-Toroq qed jieħu l-passi biex issir inspection bis- CCTV.
Ix-xogħol għadu għaddej u l-kuntrattut ingħata struzzjonijiet mid-Direttorat għat-Toroq biex jassigura li kulħadd ikollu aċċess raġonevoli għall-propjeta' tiegħu.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33562, jista' jgħid kemm qed jintefqu flus f'xogħol mogħti lill-kumpanija privata għaż-żamma tal-postijiet soft areas u ġonna propjeta' tal-Maltacom plc sena b'sena mill-1999 'l hawn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li qabel is-sena l-oħra, il-Maltacom kienet tuża erba' impjegati tagħha għaż-żamma tal-postijiet soft areas u ġonna.
F'Diċembru tas-sena 2000, ġiet pubblikata sejħa għall-offerti li kienet ingħatat fit-22 ta' Jannar 2001 u l-kuntrattur privat beda jaħdem mill-1 ta' Frar 2001. Bejn Frar u Novembru 2001 il-kuntrattur tħallas is-somma ta' Lm6,747. Għad fadal is-somma ta' Lm1,579.50c li huma pagamenti għax-xogħol bejn Diċembru 2001 u Marzu 2002 li qiegħdin fil-proċess biex jitħallsu.
Dawk l-impjegati tal-Maltcom li kienu qed jagħmlu dan ix-xogħol qabel ma' daħal il-kuntrattur ġew deployed fil-Core Business u l-Maltacom iffrankat madwar Lm5,000 minbarra li qed tieħu iżjed produttivita' mingħand dawn l-istess impjegati.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33563, jista' jgħid jekk humiex qed isiru jew jekk ġiex konkluż xi ftehim ma' kumpanija privata tas-sigurta' biex tibda' tagħmel xogħol għall-kumpanija Maltacom plc?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33564, jista' jgħid jekk il-bini propjeta' tal-Maltacom plc (St. Georges Exchange Building) li qed jiffunzjona bħalissa u li jinsab fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan inbiegħx jew jekk hux qed isiru negozjati f'dan is-sens? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid ma' min sar jew qed isir dan il-bejgħ u kemm jammonta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li s'issa ma hemm ebda ħsieb li jsir xi tip ta' negozju rigward il-post imsemmi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jintefqu flus f'xogħol mogħti lill-kumpanija privata għaż-żamma tal-postijiet soft areas u ġonna propjeta tal-Maltacom plc sena b'sena mill-1999 'l hawn?
Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex qed isiru jew jekk ġiex konkluż xi ftehim ma' kumpanija privata tas-sigurta biex tibda tagħmel xogħol għall-kumpanija Maltacom plc?
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bini propjeta' tal-Maltacom plc (St. Georges Exchange Building) li qed jiffunzjona bħalissa u li jinsab fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan inbiegħx jew jekk hux qed isiru negozjati f'dan is-sens?
Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid ma' min sar jew qed isir dan il-bejgħ u kemm jammonta?
Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet b'mod totali ż-żjara f'Malta tal-Prinċipessa Anna u d-delegazzjoni tagħha? Jista' jgħid fid-dettal fiex kienu jikkonsistu l-ispejjeż u jagħti breakdown ta' l-ispejjeż kollha?
Response (BORG, JOE)
Peress li ż-żjara tal-Prinċipessa Anna u d-delegazzjoni tagħha ma saritx fuq stedina tal-Gvern Malti, il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin kien involut biss fl-għoti ta' l-assistenza protokollari normali li tingħata waqt viżiti ta' personalitajiet distinti.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex is-siġar li hemm fil-ġnejna ta' mad-dawra tal-iskola primarja ta' tas-Sliema jiġu miżbura peress li jinsabu fi stat ta' periklu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ser jittieħdu l-passi neċessarji ħalli ssir iż-żabra jekk ikun hemm bżonn.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex biex service cable tal-korporazzjoni Enemalta
li jinsab għaddej minn mal-fond Valvista, Triq il-Ġisimin, Swieqi jitneħħa u dan minħabba
r-raġuni li dan huwa ta' periklu u qed jagħmel ħsara lill appartament imsemmi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn invstigazzjoni li saret mill-Korporazzjoni Enemalta ma jirriżultax li qed issir ħsara, iżda xorta waħda għandhom isiru x-xogħolijiet meħtieġa biex is-service cable jitneħħa minn mal-fond imsemmi.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jiġi installat lift fi Block C, Ta' Giorni Housing Estate u dan minħabba l-fatt li f'dan il-block f'waħda mid-djar ta' fuq nett tgħix persuna b'diżabilita'
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar ma reċeviet ebda applikazzjoni għal installar ta' lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant.
Jekk f'dan il-blokk hemm persuna b'diżabilita' ta' mobilita' għandha ssir applikazzjoni ma' l-Awtorita' għall-installar ta' lift taħt Skema V.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-Playingfield li tinsab fil-Qasam tad-Djar ta' Ta' Giorni tinxtegħel mill-ġdid bid-dawl peress li tinsab fi dlam ċappa u konsegwenza t'hekk ma' tistax tintuża mir-residenti filgħaxijiet u tista' wkoll isservi għall-abbużi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-manutenzjoni meħtieġa fil-fatt diga' saret.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-kuntratt li l-Gvern għamel mall-konsorzju MIDI dwar il-Proġett ta' Manoel Island hemmx speċifikat li l-Kumitati tal-Festi li sal-lum kienu jagħmlu użu min art fl-istess Manoel Island biex jisparaw in-nar tal-festa humiex ser jibqgħu ikollhom id-dritt li jibqgħu jagħmlu hekk? Jekk fin-negattiv, jista' l-Ministru jgħid x'alternativa u x'soluzzjoni l-gvern ser isib biex fil-Festi tas-Sacre Cour u Stella Maris f'Tas-Sliema jkun jibqa jista' jiġi sparat in-nar bħalma sar dejjem s'issa?
Response (BORG, TONIO)
Fil-kuntratt li l-Gvern għamel mall-konsorzju MIDI dwar il-proġett ta` Manoel Island, il-konsorzju mhux marbut li jħalli lil xi Kumitati tal-Festi jagħmlu użu mill-art mgħoddija lilu sabiex jisparaw in-nar tal-festa.
Madankollu jista` jsir sparar tan-nar minn dak il-post tax-xatt, eżatt mall-baħar li mhux parti mill-konċessjoni enfitewtika, kif ukoll minn fuq braken fil-baħar bħal ma jsir f`postijiet oħra. Dan dejjem skond id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għall-logħob tan-nar tal-1998.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa b'mod urgenti biex il-persuna li d-dettalji tagħha qiegħed nibgħat separatament jinstema' l-appell tagħha dwar il-qtugħ tal-benefiċċju soċjali (relief) mil-aktar fis possibli minħabba li għal din il-persuna il-benefiċċju soċjali huwa l-unika mezz ta' dħul? Jista' jieħu l-passi msemmija peress wkoll li dan il-qtugħ, skond il-persuna msemmija, sar bi żvista min-naħa tad-dipartiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-appell tal-persuna ndikata wasal għand l-Awtorita' Nazzjonali dwar ix-Xogħol fid-9 ta' April 2002. L-Awtorita' tisma l-appelli wara xulxin skond kif jidħlu.