Jista' l-Ministru jgħid kemm karozzi tal-linja f'din l-aħħar sena ttellgħu għat-test ta' eċċessivita' ta' duħħan mill-vettura tagħhom b'riżultat tar-rapporti li saru permezz tas-sistema tal-sms? Jista' jgħid kemm minnhom intalbu li jagħmlu tiswijiet meħtieġa biex jirregolarizzaw u kemm minnhom inżammu milli jużaw il-vetturi b'mod permanenti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant illi bejn April 2006 u Marzu 2007, kien hemm:
57 karozzi tal-linja li ttellgħu għat-test ta' eċċessivita' ta' duħħan mill-vettura tagħhom b'riżultat tar-rapporti li saru permezz tas-sistema tal-sms;
6 minnhom intalbu li jagħmlu tiswijiet meħtieġa biex jirregolarizzaw;
L-ebda karozza tal-linja ma nżammet milli tintuża b’mod permanenti
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni quddiem l-Awtorita' dwar it-Trasport li saret mill-Għaqda Armar, Avvenimenti u Tiġrijiet taż-Żwiemel għal Triq San San Niklaw li tinsab bejn is-Siġġiewi u l-Qrendi biex ikunu jistgħu jsiru tiġrijiet taż-żwiemel fiha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li t-Taqsima ma rċevietx it-talba li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-permessi għal tiġrijiet taż-żwiemel fit-toroq f'Għawdex joħorġu bla ebda diffikulta filwaqt li f'Malta l-biċċa l-kbira ta' dawn il-permessi mitluba jiġu rifjutati?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li t-talbiet għal tlielaq ta’ bhejjem fuq toroq pubbliċi ma jiġux approvati mill-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta għal dawn ir-raġunijiet:
· It-toroq għandhom jintużaw għal dak l-iskop li għalihom inbnew
· Il-bhejjem jikkaġunaw danni lil wiċċ it-toroq minħabba l-ħmieġ tagħhom u n-nagħal ta’ saqajhom
· Dawn it-tiġrijiet huma sors ta’ riskju għas-sigurta’ ta’ kull klassi ta’
road user.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġux applikazzjonijiet għal kors ta' drivers ta' l-ambulanzi? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk dawn inħarġux għal ħaddiema diġa mal-Gvern jew għal persuni minn barra ukoll?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ma ħarġux applikazzjonijiet għal kors ta' drivers ta' l-ambulanzi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġux applikazzjonijiet għal xogħol ġdid ta' drivers ta' l-ambulanzi? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk dawn inħarġux għal ħaddiema diġa mal-Gvern jew għal persuni minn barra ukoll?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jieħu azzjoni biex dawk is-suldati li għalqu l-55 sena u li m'għamlux il-25 sena servizz jingħataw l-opportunita' li jkomplu s-servizz u mhux jiġi mitmum l-impjieg tagħhom minn ma' l-armata kif fil-fatt diġa' sar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26316.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 26268, peress li jiena ma staqsejtx f'liema stadju waslu l-preparazzjonijiet ta' dan il-proġett (Bajja tal-Balluta) imma meta huwa mistenni li jinbeda u jitlesta, jista' l-Ministru jwieġeb dik il-mistoqsija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi f'dan l-istadju mhemmx dati previsti rigward dak li qed isaqsi l-Onor Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26266 u jieħu azzjoni biex dawk is-suldati li għalqu l-55 sena u li m'għamlux il-25 sena servizz jingħataw l-opportunita' li jkomplu s-servizz u mhux jiġi mitmum l-impjieg tagħhom minn ma' l-armata kif fil-fatt diġa' sar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li t-talba ta’ l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma’ talbiet oħra fl-istess sens.
Madankollu l-Onorevoli Interpellant irid jifhem illi fid-dinja tal-lum l-ebda Armata ma żżomm nies fis-servizz ta’ eta ta’ 55 sena salv għal dawk fil-pożizzjonijiet tal-Overall Command.
Jista' l-Prim Ministru jieħu azzjoni biex dawk is-suldati li għalqu l-55 sena u li m'għamlux il-25 sena servizz jingħataw l-opportunita' li jkomplu s-servizz u mhux jiġi mitmum l-impjieg tagħhom minn ma' l-armata kif fil-fatt diġa' sar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbeda u meta huwa mistenni li jitlesta l-proġett tar-ramla fil-bajja tal-Balluta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li f'dan l-istadju għadu qed issiru l-evalwazjonijiet premilinarji fuq dan il-proġett flimkien ma' l-Awtorita' Maltija għall-Ambjent u Ppjanar.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 24615 u 24215 u jgħid kemm flus jintnefqu fis-sena fix-xiri ta' kotba ġodda għall-Bibljoteka ta' l-Universita'? Sodisfatt il-Ministru bl-ammont ta' flus li jintnefqu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammont ta flus li ntefqu fuq xiri ta' kotba ġodda matul dawn l-aħħar 6 snin kien hekk:
Sena Ammont
Lm
2001 147,738
2002 75,554
2003 81,779
2004 61,643
2005 111,759
2006 311,343.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24213 u jgħid: Ir-reġistratur ta' l-Universita' kemm-il kariga oħra (barra reġistratur) jirrikopri fl-Universita' jew f'enti direttament jew indirettament marbutin ma' l-Universita' u kemm jitħallas ta' dawn il-karigi?
Xi kwalifiki għandu r-reġistratur?
Response (GALEA, LOUIS)
Is-Sur Anthony Gellel huwa Reġistratur ta' l-Universita' u jokkupa biss din il-kariga bl-impenji kollha li ġġib magħha bħal, per ezempju, Segretarju tas-Senat u ta' kull Bord ta' Fakulta'.
Informat ukoll li s-Sur Gellel kellu esperjenza twila bħala għalliem regolari, Diploma fl-Amministrazzjoni u Management fl-Edukazzjoni mill-Universita' ta' Malta, u esperjenzi u ħiliet ippruvati fl-Amministrazzjoni Edukattiva. Ilu ħmistax-il sena iservi bħala Reġistratur għas-sodisfazzjon sħiħ ta' l-Universita'.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24215 u jgħid kemm flus jintnefqu fis-sena fix-xiri ta' kotba ġodda għall-Bibljoteka ta' l-Universita'? Sodisfatt il-Ministru bl-ammont ta' flus li jintnefqu?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24220 u jgħid jekk huwiex sodisfatt bl-andament tal-ħatriet ta' lecturers u tutors fil-Fakultajiet ta' l-Arti u l-Liġi fl-Universita'? Huwa sodisfatt il-Ministru bil-ħatra ta' iben ir-reġistratur bħala lecturer?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-ħatriet ta' lecturers u tutors fl-Universita' jsiru skond il-liġi u l-Ministru ma jkollu l-ebda sehem.
Informat li l-proċess tal-ħatra ta' Dr Adrian Gellel kien wieħed miftuħ li segwa l-proċeduri normali ta' l-Universita'.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24217 u jgħid min huma l-lecturers u tutors li nħatru mingħajr ma ħarġet sejħa fil-Fakulta' ta' l-Arti u fil-Fakulta' tal-Liġi f'dawn l-aħħar ħames snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull ħatra (appointment) ta' lecturer fl-Universita' ssir wara sejħa għall-applikazzjonijiet. B'danakollu f'kull Fakulta' jkun hemm il-bzonn li jkunu mistiedna persuni biex jipparteċipaw f'xi qasam tat-tagħlim f'xi semestru partikolari. Dan isir jew meta l-persuni mistiedna jkollhom esperjenza jew speċjalizzazzjoni f'xi qasam li jkun tajjeb li jagħtu l-kontribut tagħhom jew meta jkun meħtieġ li tkun koperta l-assenza ta' xi lecturer regolari. Persuni hekk mistiedna mhux meqjusa li għandhom ħatra ta' lecturer.
Fakulta' ta' l-Arti/Fakulta' tal-Liġi — Lectureship u Tutors
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24216 u jgħid fl-aħħar ħames snin kemm-il post ta' lectureship u tutor ingħata mingħajr sejħa fil-Fakulta' ta' l-Arti u fil-Fakulta' tal-Liġi?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 24636.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24219 u jgħid meta nħatar iben ir-reġistratur bħala lecturer fil-Fakulta' tat-Teoloġija, kienet inħarġet sejħa? Min kien applika għal din is-sejħa? Min kienu l-membri tal-bord ta' l-għażla? X'inhuma l-kwalifiki ta' iben ir-reġistratur (mhux biss gradi, eż. BA, MA, imma wkoll kategorija, eż. 1st class upper, distinction, etc.)?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li Dr. Adrian Gellel inħatar Assistant Lecturer wara sejħa għall-applikazzjonijiet għall-post fil-Cathecetics li ħarġet fis-26 ta' Jannar 1996 u li għaliha kien hemm zewġ applikanti, inkluz Dr. Gellel. Il-Bord appuntat mill-Kunsill kien magħmul minn:
Rettur
Rev. Prof. G. Grima, Dekan, Fakulta' tat-Teoloġija
Prof. K. Wain, Dekan, Fakulta' ta' l-Edukazzjoni
Rev. Prof. J.A. Frendo
Dr. P. Heywood
Il-kwalifiki ta' Dr. Gellel huma:
Certificate in Youth Studies
B.Ed (Hons) - 2nd Class Hons (Upper)
Licenzia in Scienze dell'Educazione (Universita' Pontificia Salesiana) Magna Cum Laude
Dottorato in Scienze dell'Educazione (con Specializzazione in Pastorale Giovanile e Catecethica) Summa Cum Laude.
Host families — Refunds tal-kontribuzzjonijiet soċjali
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jiġu rifonduti lura l-ħlasijiet tal-kontribuzzjonijiet soċjali 2005 lil dawk il-host families li għażlu l-għażla kif imħabbra fid-diskors tal-budget 2006 u cioe' li jistgħu jagħżlu li l-kontribuzzjonijiet soċjali ma jħallsuhomx u jekk diġa' ħallsuhom jistgħu jitolbu li jiġu rifonduti lura lilhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħlas lura tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali lil dawk li għamlu talba lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni fir-rigward tal-host families skond kif tħabbar fil-budget tal-2007, se jsir matul il-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-kumpannija ADSC tal-1st Regiment tal-forzi armati ta' Malta għadha tiffunzjona peress li ħafna persuni fl-armata huma tal-fehma li din m'għadx hemm skop li tibqa' tiffunzjona?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minkejja l-limitazzjonijiet li l-Kumpanija tal-Forzi Armati ta’ Malta msejħa Air Defence & Support Company (ADSC) f’dak li huma armamenti sofistikati kontra attakki mill-ajru, hu meqjus li għad hemm skop għall-funzjonament ta’ din il-kumpanija partikolarment fejn jistgħu jsiru xi attakki terroristiċi fuq l-ajruport ta’ gżiritna. Barra minn hekk, din il-Kumpanija hija dejjem meħtieġa li tkun pronta biex tagħti s-serivzżz tagħha fejn jidħol għoti ta’ salut waqt żjarat uffiċjali lill-pajjiżna minn kapijiet ta’ stati barranin u ċerimonjal ieħor statali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kif fl-ADSC tal-1st Regiment tal-forzi armati ta' Malta ċertu xogħol qiegħed isir mis-Senior NCOs meta dan suppost li jsir mill-Junior NCOs?
Jaf il-Prim Ministru li f'dan il-kontest anke d-duty qiegħed jiġi affettwat minħabba n-nuqqas ta' nies?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minħabba li ċ-ċirkustanzi tal-pajjiż, fejn tidħol il-problema ta’ l-immigrazzjoni rregolari huma tali, u li l-Armata ġiet mitluba milL-Gvern biex tipprovdi sigurtà u servizzi oħra fiċ-ċentri ta’ detenzjoni li jinsabu sew fil-Barracks ta’ Ħal Safi kif ukoll f’dik ta’ Lyster f’Ħal Far, kien hemm il-bżonn li membri ta’ l-Kumpanija msejħa Air Defence & Support Company (ADSC) kif ukoll membri oħra minn unitajiet oħra ta’ l-Armata jgħinu f’din il-problema. Għaldaqstant, biex ċertu taħriġ f’din il-Kumpanija seta jerġa’ jsir, inħass il-bżonn li jsiru xi kambjamenti fit-tqassim tax-xogħol ta’ membri ta’ din il-Kumpanija sabiex b’hekk l-effiċjenza ta’ din l-istess Kumpanija tkun tista’ tiġi mtejba.