Jista' il-Ministru jgħid x'kienu l-affarijiet u l-oġġetti kollha li l-Ministeru ħa ħsieb li jneħħi mill-White Rocks Holiday Complex qabel dan tħalla jiġi vvandalizzat? Jista' il-Ministru jgħid jekk inżamx inventarju ta' dawn l-affarijiet u oġġetti? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja ta' dan l-inventarju fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' il-Ministru jgħid ukoll liema affarijiet u oġġetti minn dawn li neħħa l-Ministeru ġew mgħotija lill-għaqdiet, organizzazzjonijiet u ndividwi? Jista' f'kull każ jgħid min huma dawn l-għaqdiet, organizzazzjonijiet u ndividwi? Jista' jgħid ukoll x'inhuma l-affarijiet u l-oġġetti li għandhom maħżuna u miżmuma fir-responsabilita' tal-Ministeru u fejn jisabu maħżuna u miżmuma?
Response (REFALO, MICHAEL)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Infurmat li dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija l-items kollha ta’ Office Equipment u tagħmir tal-kċina ttieħdu mid-Dipartiment u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS).
Jista' l-Ministru jispeċifika jekk dak li qal fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nmru 36290 u cioe' li l-insinwazzjoni ta' sentenzi mogħtija mill-prim' awla tal-qorti ċivili fir-riġward ta' separazzjonijiet kontenzjużi hija l-għażla tal-partijiet fil-kawża jgħoddx ukoll għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 36604?
Jekk fl-affermattiv, jiġifieri li l-insinwazzjoni ta' l-assenjazzjoni ta' proprjeta' immobiljari wara separazzjoni kontenzjuża hija wkoll l-għażla tal-partijiet fil-kawża, allura ma jaħsibx il-Ministru li dan huwa ta' dannu għas-soċjeta'?
Ma jaħsibx il-Ministru li ladarba l-liġi ċivili tagħna timponi fuq in-natura li jinsinwaw it-trasferimenti ta' immobili li joħorġu minn atti notarili, allura għandu jsir l-istess għat-trasferimenti ta' immobli li joħorġu mil-likwidazzjonijiet ta' separazzjonijiet kontenzjużi?
Jista' l-Ministru jgħid jekk dan huwiex diġa' qed isir? Jekk dan ma huwiex qed isir, ma jaħsibx il-Ministru li għandha ssir kordinazzjoni mal-Ministeru tal-Ġustizzja biex jibda jiġi impost li assenjazzjonijiet ta' immobbli wara separazzjoni kontenzjuża jiġu insinwati?
Response (BORG, TONIO)
Iva, l-insinwazzjoni ta` separazzjonijiet kontenzjużi ma hija qatt rikjesta mill-liġi u dan lanqas jekk hemm assenjazzjoni ta` proprjeta` immobiljarja bħala konsegwenza.
Wieħed irid jinnota li hi l-liġi innifisha li, sa mis-seklu dsatax, tagħmel din id-distinzjoni bejn, fuq naħa waħda insinwa t`atti notarili, u fuq in-naħa l-oħra l-insinwa ta` sentenzi li jġibu trasferiment ta` proprjeta` immobiljarja.
Fil-fatt m`hemmx liġi speċifika li tirregola l-insinwazzjonijiet ta` separazzjonijiet. Li jiġri f`dan il-każ hu li jiġi applikat l-Artikolu 239 tal-Kodiċi t`Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili liema artikolu jirregola kull insinwazzjoni ta` sentenza li għandha x`taqsam ma` proprjeta` immobiljarja kemm jekk hi waħda ta` separazzjoni kemm jekk le.
Għalkemm teżisti koordinazzjoni sħiħa bejn il-Ministeru ta` l-Intern u l-Ambjent, u dak tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali, din il-koordinazzjoni qatt ma tista` twassal għat-tneħħija tad-distinzjoni fuq imsemmija ġaladarba il-liġi hekk tirrekjedi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemx il-permessi meħtieġa biex Triq it-Tiben, Swieqi tingħalaq b'ċint fil-parti biswit Triq il-Faxxina u tgħalaq l-aċċess għall-kumplament ta' Triq it-Tiben li jwassal għal Triq il-Qasam?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35079 (Seduta 784).
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 36353, jista' il-Ministru jagħti d-dettalji dwar l-istaġuni tar-Rebbiegħa u l-ħarifa u cioe' Frar, Marzu, April, u Settembru, Ottubru u Novembru?
Response (BORG, TONIO)
Il-lista ta` speċi ta` l-għasafar li wieħed jista` jikkaċċja ser tibqa` kif kien qabel Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropeja.
Rigward l-għasafar li jistgħu jiġu minsuba, fil-ftehim milħuq dawn huma il-pluviera u il-malvizz fil-ħarifa, filwaqt li fil-ħarifa u fir-rebbiegħa ikunu jistgħu jiġu minsuba il-gamiema, is-summiena u kif ukoll il-verdun, l-ekru, il-ġojjin, il-gardell, l-isponsun, taż-żebbuġ u l-apparell.
Dan infatti ma jbiddel xejn minn dak li hu prattikat illum fil-kaċċa u l-insib tradizzjonali.
Jista' il-Ministru jieħu l-passi biex il-persuna li dettalji tagħha qiegħed nibgħat separatament u li hija marida b'mod akkut jerġa jiġi investigat mill-ġdid il-każ tagħha għall-assistenza finazjarja tal-mard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 36234 f'Seduta Numru 803.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il talba pendenti għandu quddiemu l-weapons advisory board? Jista' f'kull każ jgħid kemm ilhom pendenti u meta huwa maħsub li jiġu deċiżi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' pendenzi quddiem il-Weapons Advisory Board hu kif ġej:
Numru ta' Applikazzjoni Data
13 9 ta' Novembru 2000
1 14 t'April 2001
1 29 ta' Mejju 2001
2 9 ta' Ottubru 2001
3 14 ta' Novembru 2001
1 30 ta' Jannar 2002
1 25 ta' Marzu 2002
9 24 ta' April 2002
2 16 ta' Mejju 2002
1 12 ta' Ġunju 2002
Total 34 Applikazzjoni
Bħalissa l-Bord mhux jiltaqa' sakemm jiġu deċiżi problemi amministrattivi bejn id-Dipartimenti konċernati.
Insinwa — Sentenzi ta' Separazzjonijiet Kontenzjużi
Question
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 36290, jista' il-Ministru jgħid jekk dak li wieġeb jgħoddx ukoll għall-assenjazzjonijiet ta' proprjeta` wara separazzjoni personali kontenzjuża? Jekk fl-affermattiv, ma jaħsibx li tali ħaġa hija ta' dannu kbir għas-soċjeta`? Jekk fin-negattiv, għaliex ma speċifikax fl-ewwel tweġiba tiegħu?
Ma jarax lok il-Ministru li jikkordina mal-ministeru tal-ġustizzja biex separazzjonijiet jibdew jiġu insinwati kollha b'liġi? Jaqbel il-Ministru li d-deċiżjoni li l-insinwa ma tibqax taħt il-ministru tal-ġustizzja ma kenitx deċiżjoni tajba?
Response (BORG, TONIO)
Id-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku m`huwiex obbligat bil-liġi li jżomm statistikata` assenjazzjonijiet ta` proprjeta` wara separazzjoni personali kontenzjuża, peress li din tinvolvi disposizzjoni libera ta` proprjeta`. Id-Dipartiment jinnota biss xi impedimenti jew restrizzjonijiet fid-disposizzjoni ta` xi proprjeta`.
Fuq l-assenjazzjoni ta` dmirijiet fil-ministeri din hi fid-diskrezzjoni tal-Prim Ministru. Ma hemm xejn ħażin illi l-materji msemmija mill-Onor. Interpellant ikunu parti mill-Ministeru ta` l-Intern bħalma fi żmien il-gvern l-ieħor, l-Ambjent kien mal-Ministru ta` l-Affarijiet Barranin.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 36223, jista' il-Ministru jgħid illum il-ġurnata liema huma l-ispeċi ta' għasafar li jistgħu jiġu kkaċċjati u minsuba kif provdut bil-liġi u r-regoli Maltin?
Jista' jgħid ukoll liema speċi ta' għasafar ikunu jistgħu jiġu kkaċċjati u minsuba f'eventwalita` ta' sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, skond il-ftehim milħuq fil-kapitlu dwar il-kaċċa u l-insib ma' l-istess Unjoni?
Response (BORG, TONIO)
Jista` l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perijodu tas-sena qed jirreferi.
Jista' il-Ministru jgħid min huwa awtorizzat li jiffirma u jagħti permessi ġodda għall-hearse u t-taxis?
Jista' jgħid ukoll huwiex il-ħsieb tal-gvern li jżid dawn it-tip ta' permessi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport għandha l-poter li toħroġ dawn il-permessi. Fir-rigward tal-hearses jeħtieġ ukoll permess mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Dwar l-aħħar parti tad-domanda nirreferi l-Onor. Interpellant ghar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35692.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 36097 fuq il-Weapons Advisory Board u cioe', jgħid kemm-il darba ltaqa' il-WAB board matul din is-sena? Jista' jgħid kemm hemm talbiet pendenti quddiem il-board u kemm-il talba ġiet approvata f'dan l-istess perjodu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul din is-sena l-Weapons Advisory Board iltaqa' darbtejn.
Il-Bord ittratta għoxrin talba - ħdax ġew approvati u disgħa ġew irrifjutati.
Il-Board għandu ħamsa u tletin talba pendenti.
Jista' il-Ministru jgħid jekk is-sentenzi ta' separazzjoni kontenzjuża li jkunu għaddew f'ġudikat, kollha insinwati? Hemm sistema li biha jiġi aċċertat li tali sentenzi jiġu fil-fatt insinwati? Mill-1995 sal-lum, kemm-il sentenza ta' separazzjoni kontenzjuża mogħtija mill-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili li ma sarx appell minnha, baqgħet ma ġietx insinwata?
Response (BORG, TONIO)
L-insinwazzjoni ta` sentenzi mogħtija mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fir-rigward ta` separazzjonijiet kontenzjużi hija l-għażla tal-partijiet fil-kawża, u mhux possibli li wieħed jagħti n-numru ta` dawk il-każijiet fejn ma ssirx tali insinwazzjoni għar-raġuni sempliċi li d-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku m`għandux mezz li jikkontrollhom, u huwa biss depositarju ta` dawk il-mandati li jsiru f`tali kawżi fuq istanza ta` xi waħda mill-partijiet.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġiebja li hemm fi Triq it-Tiben biswit Triq il-Faxxina, Swieqi għandhiex il-permessi meħtieġa ta' l-awtorita` ta' l-ippjanar u tad-dipartiment tat-toroq? Jekk fl-affermattiv, meta ħarġu dawn il-permessi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi iż-żewġ ġwiebi fil-viċinanza tal-post indikat, ċioe` fi Triq i-Tiben biswit Triq il-Faxxina, huma koperti bil-permess ta` żvilupp meħtieġ, PA 4412/93, maħruġ fil-31 ta` Jannar 1995. Dan il-permess jispeċifika il-bini ta` żewġ ġwiebi fuq kull naħa ta` Triq it-Tiben.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemx il-permessi meħtieġa biex Triq it-Tiben, Swieqi tingħalaq b'ċint fil-parti biswit Triq il-Faxxina u tgħalaq l-aċċess għall-kumplament ta' Triq it-Tiben li jwassal għal Triq il-Qasam?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill- Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemm'x il-ħsieb li l-liġi dwar it-trobbija tal-ħamiem fuq il-bjut ta' residenti tinbidel fis-sens li ma' tibqax l-anomalija, jew aħjar diskriminazzjoni, li teżisti bejn diversi lokalitajiet u l-lokal ta' Tas-Sliema?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika għal liema liġi qiegħed jirreferi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi biex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li hija marida b'mod akut, jerġa' jiġi mill-ġdid investigat u rivedut il-każ tagħha għall-assistenza finanzjarja tal-mard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, la mir-rekords tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali u lanqas mir-Reġistru Elettorali ma jirriżulta li fl-indirizz indikat joqgħod xi ħadd bl-isem u l-kunjom indikat.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 36094 cioe', jgħid kemm ġew approvati working permits biex jiġu impjegati barranin fil-casinos Maltin tul l-aħħar sentejn? Jista' jgħid x'tip ta' xogħol għamlu jew qed jagħmlu?
Response (BORG, TONIO)
Tagħrif dettaljat - l-isem tal-persuna, il-post fejn taħdem, ix-xogħol li tagħmel u l-validita` tal-permess tax-xogħol (work permit) jidher fil-lista tal-Persuni Barranin li għandhom Liċenzja ta` Impjieg li tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern mid-Dipartiment ta` l-Informazzjoni kull l-ewwel Tnejn ta` kull xahar (minn din is-sena l-lista qed tidher fuq l-Internet).
Ninsab infurmat li bħalissa hemm erbatax-il persuna barranija li għandhom liċenzja ta` impjieg biex jaħdmu fil-casinos li qed joperaw f`Malta.
Il-liċenzji msemmija ngħataw għal diversi tipi ta` xogħol li huma: Casino Manager, Assistant Casino Manager, Financial Controller, Slots Manager, Gaming Manager, Cash Desk Manager, Gaming Consultant, Surveillance Officer, Table Games Trainer, Dealer Inspector u Pit Boss.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 36096 u cioe', jgħid x'inhi r-raġuni li persuni b'diżabilita' li jagħmlu użu mill-orthotics & prosthetics qed idumu ma' jsir bdil ta' l-istess orthotics & prosthetics (speċjalment fuq it-tfal) u qed issir dewmien fil-proċess biex issir it-tibdil u l-aġġustament tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-proċess huwa dak deskritt hawn taħt u allura wieħed jifhem ir-raġuni għad-dewmien.
a) Għal sitt darbiet fis-sena jew kważi kull sitt (6) ġimgħat Speċjalista fil-Prosthetics u żewġ technicians kwalifikati jiġu fid-dipartiment mill-Ingilterra għal 17-il ġurnata.
b) L-istess kull sitt (6) ġimgħat speċjalista ta` Orthotics u Technician kwalifikat jiġu fid-dipartiment għal 4 tijiem.
Fiż-żewġ każi fl-ewwel vista l-pazjent jiġi eżaminat u meħud il-qies jew issir il-forma tal-ġibs (cast) neċessarja.
PROSTHETICS
Fit-tieni vista l-pazjent jiġi “fitted” b’sieq jew id artifiċjali. Fil-kas ta` modular Prosthetics fl-istess vista jiġi iffitjat u mgħoti “l-artificial limb”. Fil-l-oħrajn l-artificial limb tiġi pruvata fuq il-pazjent u meħuda lura għall-aħħar xogħol fl-Ingilterra.
Fit-tielet vista l-pazjent jiġi mgħoti “l-artificial limb” kompluta u iffitjata bil-bżonnijiet kollha meħtieġa biex tkun tista` tintlibes.
Kull vista ta` l-ispeċjalista jiġu eżaminati:
a) Pazjenti ġodda
b) Pazjenti li jiġu iffitjati l-fittings neċessarji
c) Isiru Alterazzjonijiet limitati. (Fid-dipartiment m’hemmx makkinarju għal alterazzjonijiet kbar).
Alterazzjonijiet u tiswijiet żgħar isiru fid-dipartiment minn technician tad-dipartiment.
Hemm każi li wieħed jistenna biex jiġi provdut il-ħtiġijiet personali bejn sitt (6) ġimgħat u l-aktar f’każi ikkumplikati tnax (12)-il ġimgħa.
Pazjenti ġodda Orthotics f’din is-sena 2002 sa issa ammuntaw għal 730.
Id-dipartiment ta` l-Orthotics u Prosthetics jikkonsisti fi 3 impjegati.
ORTHOTICS
Il-pazjent fl-ewwel vista jiġi eżaminat u jittieħed il-qies meħtieġ. Fit-tieni vista ċertu Orthotics bħall-AFO, Scoliosis, Braces eċċ. jiġu iffitjati fuq il-persuna u mgħotija lill-pazjent. Xi Orthotics ikun hemm il-ħtieġa li jiġu iffitjati jintbagħtu lura l-Ingilterra għal “finishing” u mgħotija lill-pazjent fit-tielet vista tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar mit-talba li għamel il-kunsill lokali Qormi għall-bdil taċ-ċens għad-devoluzzjoni li diġa` saret fuq l-art fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi sabiex f'dan is-sit jinbena kumpless sportiv bil-għajnuna tal-privat?
Peress li l-kunsill lokali Qormi ssottometta wkoll id-dokumenti u r-rapporti neċessarji meħtieġa lid-dipartiment tal-kunsilli lokali, jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm rakkmandazzjoni mid-dipartiment sabiex it-talba għall-bdil ta' dan iċ-ċens tiġi milqugħa mill-ministeru?
Jaf il-Ministru li l-kunsill lokali għandu wkoll il-permessi diġa` approvati mill-MEPA?
Jaf il-Ministru li sal-lum il-kunsill lokali Qormi għadu ma ngħata l-ebda informazzjoni dwar din it-talba, la mid-dipartiment u lanqas mil-ministeru, bil-konsegwenza li dan il-proġett għadu miżmum u ħames għaqdiet volontarji għadhom għaddejjin minn tbatijiet kontinwi?
Jista' il-Ministeru jgħid għalfejn dan it-tkarkir kollu?
Jista' jgħid meta ser tittieħed deċiżjoni dwar dawn it-talbiet li tressqu madwar sena ilu?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-politika dwar id-devoluzzjoni ta` proprjeta` pubblika, għall-anqas kif inhi s`issa, hi li din tkun devoluta lill-Kunsilli Lokali permezz ta` kirja rivedibbli kull tlett snin.
L-applikazzjoni tal-Kunsill Lokali Qormi talbet biex dawn il-parametri jinbidlu sostanzjalment u għalhekk irriżultat applikazzjoni ftit aktar komplessa min-normal. Biex titqies favorevolment trid tkun deċiża reviżjoni tal-parametri li jeżistu s`issa. Il-Kunsill Lokali Qormi ġie mgħarraf b`dan u fl-istess ħin id-Dipartiment dejjem żamm kuntatt mal-Kunsill fuq din il-materja.
Dan il-Ministeru qiegħed f`diskussjonijiet mal-Ministeru ta` l-Intern u ta` l-Ambjent biex tinstab soluzzjoni ekwa rigward it-trasferiment ta` art pubblika lill-terzi bi skop kummerċjali. Dawn id-diskuzzjonijiet għadhom għaddejjin u meta jkun hemm xi żviluppi l-Kunsill Lokali Qormi jiġi mgħarraf b`dan.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il IT software programmers ġew impjegati mal-kumpannija Air Malta f'din l-aħħar sena?
Jista' jgħid meta dawn ġew impjegati, jekk huwa l-każ?
Jista' jgħid jekk inħarġux call for applications u meta nħarġu?
Jista' jgħid min huma dawk li ġew impjegati, jekk huwa l-każ, u x'salarju ġew mgħotija?
Jista' il-Ministru jgħid min kien jagħmel ix-xogħol ta' l-IT software programmers qabel ġew impjegati dawn il-ħaddiema?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li dan l-aħħar l-Air Malta varat web site ġdida. Barra minn dan, introduċiet sistema ġdida ta' financial accounting u management. Għal dan il-għan, inħasset il-ħtieġa li jiġu mpjegati nies kwalifikati biex iħaddmu dawn is-sistemi.
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ tat l-approvazzjoni tagħha sabiex isir l-ingaġġ relattiv permezz tal-permess numru 191 ta' l-2002. Avviżi biex jimtlew dawn il-postijiet kienu dehru fil-ġurnali kollha pubblikati kuljum. Il-kandidati magħżula preferibbilment kellu jkollhom degree B.Sc (Hons) fix-Xjenza tal-Kompjuter jew fit-Teknoloġija ta' l-Informatika mogħti mill-Universita' ta' Malta.
Erbatax-il persuna kienu applikaw, pero' sebgħa minnhom ma kellhomx il-kwalifiki meħtieġa. Aktar tard applikant waqqa' l-applikazzjoni tiegħu u sitta oħra ġew offruti l-impjieg. Minn dawn is-sitta, erbgħa minnhom aċċettaw l-impjieg. Is-salarju marbut ma' dan il-post huwa ta' Lm6,175.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-iskop proprju u ewlieni li ġie mpjegat chief executive fl-Air Malta?
Jista' jgħid għaliex inħasset il-ħtieġa li dan ikun ta' nazzjonalita' barranija u mhux Maltija?
Jista' jgħid x'salarju qiegħed jirċievi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tax-xogħol jew ħatra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant jifhem li hija prattika normali f'ħafna ażjendi minbarra l-kariga ta' Chairman ikun hemm ukoll dik ta' Chief Executive.
Il-persuna li qed tokkupa l-kariga intgħażlet fuq kriterji ta' abbilta' u esperjenza u mhux fuq kriterju ta' nazzjonalita'.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 35205.