Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħata sussidju lit-Tarzna, sena b'sena, mill-1987 'il hawn? Jista' jgħid ukoll kemm sar telf fl-istess perjodu, sena b'sena? Jista' jgħid kemm kien id-dejn fl-istess perjodu, sena b'sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħata sussidju lill-MSCL, sena b'sena, mill-1987 'il hawn? Jista' jgħid ukoll kemm sar telf fl-istess perjodu, sena b'sena? Jista' jgħid kemm kien id-dejn fl-istess perjodu, sena b'sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex jikkonsidra mill-ġdid li jagħti ċans lil dawk li għalqu s-60 sena jew 61 sena u li ma ħalqux ħalsu l-kontribuzzjoni tas-Siġurta' Soċjali kollha minn qabel għalqu di l-eta', biex iħallsu d-differenza ta' sawn il-kontribuzzjonijiet dovuti lill-Gvern u b'hekk ikunu intitolati għall-pensjoni xierqa tal-perjodu tal-ħidma tagħhom u tax-xogħol li huma għamlu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-iskema tas-Sigurta’ Soċjali, bħal kull skema oħra ta’ assigurazzjoni, ma tikkontemplax li kontribuzzjonijiet mhux imħallsa fi żmienhom, jiġifieri qabel ma tinqala l-kontinġenza li wieħed jassigura ruħu għaliha, jiġu kkunsidrati biex jitħallas benefiċċju daqs li kieku l-kontribuzzjonijiet tħallsu meta jkunu dovuti.
L-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali jispeċifika b’mod ċar li l-kundizzjonijiet kontributorji biex persuna tiġi ntitolata għall-pensjoni kontributorja għal min jirtira jridu jiġu sodisfatti fid-data ta’ l-irtirar.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1410 u 1678, jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi biex l-Aġenzija Appoġġ tagħti spjegazzjoni bil-miktub lill-persuna nvoluta peress li sal-lum din għadha ma tafx ir-raġunijiet li wasslu biex ma jibqax ikollha l-kunsens tat-tfal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, minkejja li l-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant qatt ma kellha l-kura u l-kustodja legali tal-minuri, l-Aġenzija Appoġġ, li kellha u għad għandha kuntatt ma’ din il-persuna, ma għandha ebda diffikulta’ li terġa’ tispjegalha għaliex ittieħdu d-deċiżjonijiet li kienu fl-aħjar interess tal-minuri.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1410, jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi biex l-Aġenzija Appoġġ tagħti spjegazzjoni bil-miktub lill-persuna nvoluta peress li sal-lum din għadha ma tafx ir-raġunijiet li wasslu biex ma jibqax ikollha l-kunsens tat-tfal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta għal din il-Mistoqsija ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 1331 u cioe' kemm intnefqu flus mir-rehabilitation project committee sa mit-twaqqif tagħhom, sena b'sena? Jista' jgħid liema huma l-proġetti li saru sa mit-twaqqif u kull proġett kemm ġie jiswa?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti spjegazzjoni jew inkella spjegazzjoni privata lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li ġejt inkarigat minnha biex nagħmel din il-mistoqsija, għaliex ittieħdulha mill-kustodja tagħha it-tlett neputijiet (tfal tat-tifla) mill-aġenzija appoġġ?
Jaf il-Viċi Prim Ministru li din il-persuna kienet qiegħda trabbi lil dawn it-tfal b'kunsens verbali mill-istess tifla tiegħu u fin-nuqqas tal-ġenituri tagħhom li ma kenux u ma humiex f'pożizzjoni li joffru trobbija lit-tfal in kwestjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma jidhirlix li kwistjoni tant delikata, bħal ma hi l-ħruġ ta’ Ordni ta’ Ħarsien dwar minorenni, u li hi s-suġġett ta’ din il-Mistoqsija, għandha tkun suġġetta għal spjegazzjoni pubblika.
Iżda irrid ngħid li l-Qorti ċaħdet l-oġġezzjoni li l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant għamlet dwar il-ħruġ ta’ din l-Ordni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn f'pajjiżna irziezet tat-tiġieġ; irziezet tal-fniek; irziezet tal-majjal u irziezet tal-baqar?
Jista' jgħid ukoll jekk sarux rapporti dwar kif sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea se tolqot u taffettwa n-numru ta' dawn l-irziezet? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, jista' jgħid kif dan se jsir u minn liema rapporti u studji jirriżulta dan? Jekk huwa possibbli, jista' ukoll ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' dawn ir-rapporti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' rziezet huwa:
Tiġieġ (Broilers/Layers) 355 ir-razzett
Majjal 172 ir-razzett
Baqar 149 ir-razzett
Għar-rigward ta' fniek dawn mhumiex irreġistrati fil-mument, iżda fil-futur qrib, dawk li għandhom iżjed minn 20 fenka, ser ikunu jridu jirreġistraw mad-Divizjoni tal- Ikel u Attivita' Veterinarja, u għalhekk ser ikollna figura ghal dawn.
Ma kienx meħtieġ li jsiru xi rapporti minħabba li l-parti l-kbira ta’ l-annimali fl-irziezet għall-laħam jew ħalib kellhom permess / kwoti skond il-Konvenzjoni ta’ l-Kunsill ta’ l-Ewropa li hija riflessa fil-liġijiet ta’ l-Unjoni Ewropeja. Sar survey intensive fuq kull razzett ta’ l-industrija tal-bajd, fejn hemm numru ta' rziezet li m' għandhomx gaġeġ adattati. Intlaħaq ftehim mal-Unjoni Ewropeja biex 12 ir-razzett ikollhom żmien ta’ tranżizzjoni ta' sentejn biex jirranġaw il-gaġeġ.
Naxxar — Tifel li saritlu operazzjoni ta' l-appendicite
Question
B'riferenza għall-mewt ta' tifel waqt operazzjoni ta' l-appendicite fl-isptar San Luqa fit-28 ta' Frar, 2001 u li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament u b'riferenza għall-inkjesta li saret fuq il-każ mill-maġistrat Lofaro u b'riferenza għall-passi legali fuq il-każ fil-qrati Maltin, jista' il-Ministru jgħid: 1) x'kienet ir-raġuni li wasslet lill-Avukat Ġenerali biex jieħu d-deċiżjoni tan-nolle prosequi fuq dan il-każ meta suppost huwa kien jaf li l-prosekuzzjoni u l-parti ċivili kien għad fadalla provi oħra xi tressaq li huma meqjusa ta' importanza fil-każ? 2) Għaliex il-maġistrat Consuelo Scerri Herrera, il-ġenituri, l-avukati tal-ġenituri u l-pulizija ma ġewx informati bid-deċiżjoni ta' l-Avukat Ġenerali u minflok dawn saru jafu bid-deċiżjoni tal-AG mill-gazzetta The Times tat-13 ta' Marzu, 2003? 3) Għaliex ma sarx rinviju għand il-maġistrat Consuelo Scerri Herrera sabiex ikomplu jinstemgħu x-xiehda li kien għad fadal jiġu mħarrka fil-każ? 4) Għaliex ma kienux se jittieħdu passi kontra ħadd meta kif ikkonkludiet il-maġistrat Lofaro fl-inkjesta, dan it-tifel miet bi traskuraġni, negliġenza nuqqas ta' tħaris tal-ħila professjonali medika u l-amministrazzjoni ta' l-isptar? 5) Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li l-Avukat Ġenerali bagħat lill-President tar-Repubblika fejn fih ikun hemm ir-raġunijiet li fuqhom ikun mexa biex wasal għad-deċiżjoni tan-nolle prosequi?
Response (BORG, TONIO)
Jibda biex jingħad illi skond l-artikolu 91(3) tal-Kostituzzjoni “Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu biex jistitwixxi, jagħmel u jwaqqaf proċeduri kriminali u f’kull setgħat oħra mogħtija lilu b’xi liġi f’termini li jawtorizzah li jeżerċita dik is-setgħa fil-ġudizzju individwali tiegħu l-Avukat Ġenerali ma jkunx suġġett għad-direzzjoni jew kontroll ta’ ebda persuna jew awtorita` oħra". Għalhekk f`din il-vesti l-Avukat Ġenerali hu kompletament awtonomu mill-Gvern.
Għandu jingħad ukoll illi t-tifel li saret referenza għalih fil-Mistoqsija ma mietx waqt operazzjoni ta’ appendicite iżda b’kumplikazzjonijiet li ma kinux konsegwenza diretta ta’ l-operazzjoni. Jiżdied ukoll li meta l-Avukat Ġenerali rċieva l-atti tal-kumpilazzjoni huwa bagħat lura l-proċess sabiex jinstemgħu provi oħra, fosthom kull prova li ġġib il-Pulizija, u wara li nstemgħu l-provi mitluba, il-proċess ġie ritornat lilu mingħajr ebda riserva la da parti tal-prosekuzzjoni u anqas da parti tal-parti ċivili, li kienet debitament rappreżentata fis-seduta quddiem il-Qorti Istruttorja, li kellhom xi provi oħra li riedu li jinstemghu. Jekk dawn kien għad fadallhom provi imisshom ressquhom quddiem il-Maġistrat fil-kumpilazzjoni jew għall-anqas taw indikazzjoni li kellhom tali provi. S’issa għad mhux magħruf x’kienu dawn il-provi.
F’każ ta’ nolle prosequi l-każ jista’ jerġa’ jinfetaħ jekk ikun hemm provi ġodda u jekk il-Pulizija ma tmexxix, hemm ukoll ir-rimedju tac-challenge skond il-Kodiċi Kriminali.
Mhix il-prassi li jiġu nfurmati l-Magistrati, il-ġenituri jew il-Pulizija bid-deċiżjoni ta’ l-Avukat Ġenerali. Dak li tirrikjedi l-liġi, hu illi ssir nota fil-Qorti Kriminali u jsir rapport lill-President tar-Repubblika.
Ma sarx rinviju biex jinstemgħu “x-xhieda li kien għad fadal” għax ma kienx hemm xi indikazzjoni li kien għad fadal xi xhieda x’jinstemgħu. L-Avukat Ġenerali barra mill-atti kollha tal-kumpilazzjoni ra ukoll ir-rapport ta’ l-inkjesta interna mmexxija minn Dr M. Micallef – Director Public Health, Dr H. Lenicker, Mr J. Attard u Sr Anna Theresa Pace, u kellu l-informazzjoni kollha li kien jidhirlu meħtieġa biex jieħu d-deċiżjoni tiegħu.
L-Avukat Ġenerali wara li ra l-inkartament bil-provi miġbura quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti Istruttorja ma wasalx għall-istess konklużjonijiet tal-Maġistrat.
L-Avukat Ġenerali ma għandu ebda oġġezzjoni, li f’dan il-każ, titpoġġa kopja tar-rapport tiegħu (bl-ismijiet imħassra) fuq il-Mejda tal-Kamra.
Bord ta' l-appelli għall-benefiċċju ta' disimpjieg
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni l-bord ta' l-appelli għall-benefiċċju ta' disimpjieg (relief) ilu ma jiltaqa' għal dawn l-aħħar xhur? Jaf li hemm numru ta' każi pendenti biex jiġu deċiżi, fosthom ta' individwi li ma jaħdmux u li mhu qed jirċievu l-ebda benefiċċju soċjali beix jgħixu? Jaf li dawn il-persuni qed jistennew b'ħerqa biex jinstema' l-appell tagħhom biex il-każ tagħhom ikun deċiż u b'hekk jibdew jirċievu l-benefiċċju dovut lilhom?
Jista' jgħid kemm jammontaw il-każi pendenti quddiem dan il-bord? Jista' jintervjeni biex dan il-bord jiġi mlaqqa mill-aktar fis possibbli?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jikkjarifika għal liema wieħed mill-bordijiet ta’ appelli li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tad-dekasteru tiegħi qed jirreferi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk jeżistix ftehim bejn il-Gvern Malti u dak Awstraljan dwar kura tas-saħħa b'xejn? Jista' il-Ministru jgħid jekk ċittadini Maltin li jkunu fuq żjara fl-Awstralja għandhomx dritt għal-kura b'xejn fi sptarijiet tal-istat Awstraljan u jekk ċittadini Awstraljani għandhomx l-istess drittijiet tal-istat Malti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli interpellant illi jeżisti ftehim bilaterali dwar servizzi tas-saħħa bejn il-Gvern Malti u l-Gvern ta' l-Awstralja; dan il-ftehim ġie ffirmat f'Lulju tal-1988 u emendat f' Awissu 1997.
Skond dan il-ftehim, ċittadini Maltin li jkunu fuq żjara fl-Awstralja għandhom aċċess limitat b'xejn għas-servizzi tas-saħħa tad-diversi stati fl-Awstralja (jigifieri t-territorju kollu ta' l-Awstralja kif ukoll il-gżira ta' Cocos (Keeling) u l-gżira tal-Christmas), sa perjodu ta' sitt xhur mill-bidu tal-mawra tagħhom fl-Awstralja.
Dan japplika biss f'każi ta' trattament ta' mard jew trawma li sseħħ matul il-btala u li jirrikjedi trattament ta' emerġenza qabel ma l-persuna tirritorna f'pajjiżha.
Jekk il-kundizzjoni medika ta' persuna eliġibbli taħt dan il-ftehim tirrikjedi ammisjoni fi sptar, dan jiġi trattat bħala pazjent pubbliku, u l-kura medika tingħata biss fi sptar pubbliku.
L-istess japplika għal ċittadini Awstraljani li jkunu għal btala f'Malta.
Studenti ta' ċittadinanza Maltija li jmorru biex jistudjaw fl-Awstralja mhumiex koperti minn dan il-ftehim tant li jeħtieġ li jkollhom l-Overseas Student Health Cover (OHSC).
Jista' il-Ministru jispjega kif kamra fil-ġnien tal-Psychiatric Unit tal-isptar San Luqa qed tintuża għat-trobbija ta' l-għasafar? Jikkonfermax li din il-kamra qed tintuża f'dan is-sens mill-kap ta' din il-unit stess?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Huwa veru li kamra fil-ġnien tal-Psychiatric Unit ta' l-isptar San Luqa qegħda tintuża għat-trobbija ta' l-għasafar. L-uniku skop għal din il-kamra huwa li jservi bħala forma ta' terapija u żvog għal pazjenti rikoverati f'din il-Unit.
Dan it-tip ta' żvog jeżisti wkoll f'ċerti swali fl-isptar Monte Carmeli. Eżempju l-Young People's Unit u l-Male Ward 8.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 1197?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li hawn 1,134 holiday premises liċenzjati ma' l-Awtorita' tat-Turiżmu. Dawn jinkludu wkoll villas bil-pool u farmhouses. Il-klassifikazzjoni tagħhom hija hekk - 205 First Class; 605 Second Class u 324 Third Class. Dawn qegħdin fil-lokalitajiet kif jidher fit-tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus mir-rehabilitation project committee sa mit-twaqqif tagħhom, sena b'sena? Jista' jgħid liema huma l-proġetti li saru sa mit-twaqqif u kull proġett kemm ġie jiswa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi dixxiplinarji ttieħdu fil-konfront ta' kindergarten assistant, li isimha qiegħed nibgħat separatament, dwar kliem dispreġjattiv u kliem ieħor li qalet fil-konfront ta’ l-assistant head, li isimha wkoll qed nibgħat separatament, fi skola f'Ħaż –Żebbuġ, liema każ seħħ fis-6 ta' Marzu li għadda u rapport dwaru sar l-għada lid-Director of Operations fid-diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-każ ġie trattat skond Regolament 18 tar-regolamenti ta' l-1999 tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta' Dixxiplina).
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-persuni li jifformaw ir-rehabilitation project committee? Jista' jgħid xi kwalifiki jipposedu? Jista' jgħid xi ħlas qed jirċievu?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill- Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus mir-rehabilitation project committee sa mit-twaqqif tagħhom, sena b'sena? Jista' jgħid liema huma l-proġetti li saru sa mit-twaqqif u kull proġett kemm ġie jiswa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsijiet parlamentari 811 u 996 u cioe' jgħid kemm hawn holiday flats, holiday apartments u djar oħra, lokalita' b'lokalitaż li għandhom il-liċenzja biex jinkrew u jgħid ukoll jekk teżistix klassifikazzjoni ta' dawn? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti wkoll id-dettalji tal-klassifikazzjoni?