Legislature:
Category:
Reset
Active:

MTA — Jott "Quest"

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta u fuq liema kriterji l-jott "Quest" ingħata rmiġġ permanenti mill-awtorita' marittima Maltija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-yacht “Quest” ingħata rmiġġ fuq bazi annwali (maghruf bhala ‘permanenti’) fl-1 ta’ Ġunju 1998 meta dan daħal minflok yacht ieħor li kien diġa jgawdi minn kuntratt ta’ rmiġġ fuq bazi annwali. Naħseb li l-Onor. Interpellant jaf min kien imexxi l-Malta dak iż-żmien.

Universita' — Lecturers

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29224 u jgħid mill-2005 lil hawn kemm iddaħħlu lecturers jew għalliema b'titlu ieħor fl-Universita' ta' Malta biex jgħallmu suġġett/i fil-Kors ta' l-Istudji ta' Traduzzjoni u Interpretazzjoni fil-Fakulta' ta' l-Arti? Jista' jgħid ukoll kemm-il kandidat kien hemm għal kull post u fuq liema kriterji ntgħażlu l-kandidati li ngħataw l-inkarigu ta' lecturer kif ingħad?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ġew ingaġġati tlett lecturers biex jgħallmu suġġett/i fil-kors ta' l-Istudji ta' Traduzzjoni u Interpretazzjoni fil-Fakulta' ta' l-Arti. Kien hemm: tmien kandidati għall-Malti kandidat għall-Ingliz erbgħa kandidati għall-Franċiz. Il-kriterji li fuqhom intagħzlu l-kandidati kienu dawn li ġejjin: 'Relevant Qualifications' 'Experience' 'Aptitude & Suitability' 'Performance in Interview'

Pussess ta' oġġetti projbiti

Question

B'referenza għall-mistoqsija 27890, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'kull każ x'passi ttieħdu mill-Kummissarju tal-VAT u mill-Kontrollur tad-Dwana?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28838.

Universita' — Lecturers

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-2005 lil hawn kemm iddaħħlu lecturers jew għalliema b'titlu ieħor fl-Universita' ta' Malta biex jgħallmu suġġett/i fil-Kors ta' l-Istudji ta' Traduzzjoni u Interpretazzjoni fil-Fakulta' ta' l-Arti? Jista' jgħid ukoll kemm-il kandidat kien hemm għal kull post u fuq liema kriterji ntgħażlu l-kandidati li ngħataw l-inkarigu ta' lecturer kif ingħad?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Universita' ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28734 u jgħid jekk l-Universita' ta' Malta għandix rabta ma' Gian Pietro Caliari li jgħid li huwa Professur ta' l-istess Universita' (Ref: http://www.gianpietrocaliari.eu/?page_id=2)

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma jezisti l-ebda kuntratt jew rabta ma' l-Universita' fir-rigward tal-persuna imsemmija.

Pussess ta' oġġetti projbiti

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 27890 u 28736, jista' l-Prim Ministru jgħid f'kull każ x'passi ttieħdu mill-Kummissarju tal-VAT u mill-Kontrollur tad-Dwana?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kull meta id-Dwana tiltaqa’ ma xi importazzjoni/esportazzjoni ta’ oġġetti llegali jew ipprojbiti li jistgħu jiksru liġijiet oħra barra dawk tad-dwana, dawn jiġu riferuti lill-pulizija għal aktar stħarriġ. Id-dwana hija konxja ta’ każ wieħed li ġie riferut lill-pulizija u rriżulta li kien hemm dan it-tip ta’ ksur. Fejn għandhom x’jaqsmu il-liġijiet tad-Dwana u l-VAT, peress li l-ammont ta’ taxxa nvoluta kien baxx, il-każ ġie magħluq għat-terminu ta’ l-artikolu 63 ta’ l-Ordinanza tad-Dwana. Il-Kontrollur tad-Dwana huwa awtorizzat sabiex jiġbor il-VAT fuq dawk il-każijiet fejn ikun hemm oġġetti projbiti għall-ivvjaġġar bl-ajru.

Universita' ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Universita' ta' Malta għandix rabta ma' Gian Pietro Caliari li jgħid li huwa Professur ta' l-istess Universita' (Ref: http://www.gianpietrocaliari.eu/?page_id=2)

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jiġi verifikat tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Oġġetti maqbuda

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27890 jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienu l-oġġetti li nqabdu f'kull każ u x'passi ttieħdu mill-pulizija f'kull każ? Jista' jgħid kemm-il każ ittella' l-Qorti b'arrest u kemm-il każ itella' l-Qorti bi proċedura oħra? Jista' jgħid f'kemm-il każ l-persuna/i involuta/i nżammet/nzammu taħt arrest għall-interrogatorju mill-Pulizija u għal kemm-il siegħa nżammu taħt arrest? Jista' jgħid kemm għadda żmien bejn l-akkadut fl-ajruport u l-apparizzjoni fil-Qorti f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kien hemm tlett każijiet fejn l-oġġetti li nqabdu kienu armi tan-nar u munizzjon u każ ieħor fejn l-oġġetti kienu logħob tan-nar. Fl-ewwel tlett każijiet il-pulizija ressqet il-qorti b'arrest, filwaqt li fl-aħħar każ il-persuna giet imressqa b'ċitazzjoni. Peress li fl-ewwel tlett każi il-persuni tressqu b'arrest, dan sar fi ftit siegħat, filwaqt li fl-aħħar każ iċ-ċitazzjoni kienet għal ftit xhur wara.

Ajruport internazzjonali — Pussess ta' oġġetti projbiti

Question

Briferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 27890, jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha neċessarji biex jagħti privatament lill-interpellant l-informazzjoni kollha rikjesta fil-mistoqsija oriġinali?

Response (BORG, TONIO)

Ma għandi xejn x'inżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27890.

Ajruport Internazzjonali — Pussess ta' oġġetti projbiti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid mill-2004 sal-lum kemm-il każ kien hemm ta' persuni li nqabdu fl-ajruport internazzjonali ta' Malta (qed jitilqu minn, jew ġejjin lejn Malta) fil-pussess ta' oġġetti pprojbiti mil-liġi għall-ivvjaġġar bl-ajru? X'kienu l-oġġetti li nqabdu? X'passi ttieħdu mill-pulizija f'kull każ? X'passi ttieħdu minn awtoritajiet oħrajn (per eżempju l-Kummissarju tal-VAT, il-Kontrollur tad-Dwana, eċċ) f'kull każ? Kemm-il każ itella' l-Qorti b'arrest u kemm-il każ itella' l-Qorti bi proċedura oħra? F'kemm-il każ l-persuna/i nvoluta/i nżammet/nżammu taħt arrest għall-interrogatorju mill-Pulizija? U għal kemm-il siegħa nżammu taħt arrest b'dan il-mod, jekk kien hemm min inżamm hekk? Kemm għadda żmien bejn l-akkadut fl-ajruport u l-apparizzjoni fil-Qorti f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mis-sena 2004 sal-lum, kien hemm erba' persuni li tressqu quddiem il-Qorti mill-Pulizija, fuq akkużi relatati ma' ksur ta' l-Att dwar is-Sigurta' fl-Ajruportijiet u fl-Avjazzjoni Ċivili (Kap. 405). Stante li għad hemm proċeduri kriminali pendenti f'żewġ każijiet, ma nħossx li huwa prudenti li aktar tagħrif għandu jkun ippublikat f'dan l-istadju. Pero' dwar il-passi li ttieħdu minn awtoritajiet oħra imsemmija fil-Mistoqsija, nissuġġerixxi li l-Onorevoli Interpellant jirreferi lill-Ministru kkonċernat.

B'Kara — Triq tas-Sisla

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi biex Triq tas-Sisla, B'Kara tiġi asfaltata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi ser issir site inspection biex tiġi evalwata l-possibilita li l-parti ta’ Triq is-Sisla li għadha ma ġietx asfaltata tiġi nkluża fil-programm ta’ Bini ta’ Toroq tal-ADT.

Balluta Bay

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li fit-13 ta'Awissu 207 l-bajja tal-Balluta ġiet magħluqa għal għawm mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ħareġ avviż li ma jirrakomandax li jsir għawm fil-bajja tal-Balluta - San Ġiljan, peres li r-riżultati tal-kampjuni ta' ilma baħar meħuda minn din il-bajja jindikaw kontaminazzjoni ta' drenaġġ. Saru wkoll spezzjonijiet fil-lokal u rriżulta li kien hemm sadd u ħsarat fil-medda prinċipali tad-drenaġġ.

Drivers ta' l-ambulanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġux applikazzjonijiet għal xogħol ġdid ta' drivers ta' l-ambulanzi? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk dawn inħarġux għal ħaddiema diġa mal-Gvern jew għal persuni minn barra ukoll?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li ma harġet l-ebda sejħa għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' postijiet ta' Ambulance Driver mad-Diviżjoni tas-Saħħa.

Għajn Tuffieħa — Inċident

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex inċident li seħħ nhar it-Tnejn 28 ta' Mejju, 2007 fil-baħar tar-ramla ta' Għajn Tuffieħa u li seta kellu konsegwenzi serji ħafna ma jerġax jirrepeti ruħu? Jikkonferma li l-ambulanza ma setgħetx tgħaddi minħabba li ħadd ma kellu ċ-ċavetta tal-katnazz tal-katina li tagħlaq din il-bajja għal vetturi? Jista' jgħid min hu responsabli mill-ftuħ ta' din il-katina?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma sar ebda rapport lill-Pulizija dwar xi inċident fir-ramla ta' Għajn Tuffieħa nhar it-28 ta' Mejju 2007 jew dwar xi ambulanza li ma setgħetx tgħaddi minħabba li l-aċċess kien magħluq.

Ikel b'xejn mill-EU

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk pensjonanti ta' l-invalidita' taħt il-61 sena jikkwalifikawx għal skema ta' ikel b'xejn mogħti mill-EU? Jekk ma jikkwalifikawx, x'inhi r-raġuni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Għal darb’oħra nerġa’ ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ikel li qiegħed jirreferi għalih huwa regolat mir-Regolament EU 3149/92. Dan jirreferi għal għajnuna lil dawk l-aktar fil-bżonn irrispettivament mill-istat soċjali tagħhom.

Ikel b'xejn mill-EU

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk romol li l-unika dħul tagħhom hu l-pensjoni tar-romol jikkwalifikawx għall-iskema ta' ikel b'xejn mogħti mill-EU? Jekk ma jikkwalifikawx, x'inhi r-raġuni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 26602.

Test għad-duħħan

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm karozzi f'din l-aħħar sena ttellgħu għat-test ta' eċċessivita' ta' duħħan mill-vettura tagħhom b'riżultat tar-rapporti li saru permezz tas-sistema tal-sms? Jista' jgħid kemm minnhom intalbu li jagħmlu tiswijiet meħtieġa biex jirregolarizzaw u kemm minnhom inżammu milli jużaw il-vetturi b'mod permanenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant illi bejn April 2006 u Marzu 2007, kien hemm: · 1,291 vetturi li ttellgħu għat-test ta' eċċessivita' ta' duħħan mill-vettura tagħhom b'riżultat tar-rapporti li saru permezz tas-sistema tal-sms; · 157 minnhom intalbu li jagħmlu tiswijiet meħtieġa biex jirregolarizzaw; · L-ebda vettura ma nżammet milli tintuża b’mod permanenti.