Jista' il-Ministru jinvestiga l-asfalt li għadu kif ingħata fil-ġranet li għaddew fi Triq Mrabat, f'Tas-Sliema peress li jidher li dan huwa ta' kwalita' ħażina u fil-fatt diġa' qiegħed jinqala'?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lill-Awtorita` dwar it-Trasport sabiex isiru l-aċċertamenti neċessarji f'dan ir-rigward.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4403, jista' il-Ministru jagħti d-dettalji mitluba fuq il-casual clerks?
Response (GALEA, LOUIS)
Inflormat li r-riżultat u l-ordni tal-meritu tas-Sejħiet għall-Applikazzjonijiet maħruġa mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għall-impieg ta' Part-Time Clerks fl-iskejjel ta' l-Istat u li ġew ippublikati s-sena l-oħra, kellhom jibqgħu validi sa sentejn mid-data tal-pubblikazzjoni tar-riżultat finali.
Għalkemm l-impieg ta' part-time clerks fl-iskejjel ta' l-Istat hu ta' natura temporanja għax hu każwali, l-impieg ma jintemmx għeluq is-sena.
Ir-riżultat u l-ordni tal-meritu ta' l-aħħar Sejħa għall-Applikazzjoni għall-ingaġġ tal-Casual Substitute Clerks u liema sejħa kienet ippublikata fit-18 ta' Ottubru 2002, jibqa' validu sa sentejn mid-data tal-pubblikazzjoni tar-riżultat finali, it-28 ta' Jannar 2003.
Il-Casual Substitute Clerks huma impjegati biex jissosstitwixxu flok Clerk li tkun/ikun barra mix-xogħol b'leave fit-tul, bħal per eżempju fuq parental leave. Meta dan ta' l-aħħar jidħol lura għax-xogħol, l-impieg tal-Casual Substitute Clerk li kien qed jissosstitwixxieh jiġi mitmum.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4351, jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA hux se tieħu passi mmedjati biex dawn il-kmamar illegali ġodda jitwaqqgħu? Jista' jgħid meta dan se jsir?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-investigazzjonijiet minn-naħa ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma waqfux hemm u issa ġie stabbilit min huma it-tlett persuni responsabbli minn dan l-iżvilupp illegali. Fill-fatt inħarġu tlett Avviżi Biex Tieqaf u tat-Twettieq kontra l-persuni f' isimhom proprju (ECFs 104/04, 105/04, 140/04). Dawn ingħataw 16 il-ġurnata żmien sabiex ineħħu l-iżvilupp illegali u jreġġgħu is-sit lura għall-istat oriġinali tiegħu skond il-liġi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4146, jista' il-Ministru jinvestiga l-bini ta' garaxxijiet li qiegħed isir preżentement fl-inħawi ndikati? Jista' jassigura li dan l-abbuż ma' jibqax għaddej u eventwalment jitwaqqaf?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li wara li saru iżjed investigazzjonijiet fuq il-post irriżulta li riċentement inbnew żewġt ikmamar oħra llegali. Dan sar b' mod li jagħmilha diffiċli għall-osservatur sabiex jidentifika dawn il-kmamar peress li inksew b' ġebel qadim jew sejjiegħ u mgħottija imparti bil-ħamrija. Minkejja li saru diversi spezzjonijiet għall-għarrieda, saħansitra anke matul il-'weekend', ma setax jiġi identifikat minn huwa responsabbli minn tali kostruzzjoni. Pero’ se tittieħed azzjoni t' infurzar kontra s-sidien u l-okkupanti billi se jitwaħħlu Avviżi tat-Twettieq fuq il-post skond l-Att 1 ta' 1992 (ECF 104/04 u ECF 105/04).
B'riferenza għall-applikazzjonijiet li ħarġu jew ħerġin għall-clerks mal-gvern, jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dawn infetħu biss għall-ħaddiema casuals li ilhom aktar minn għaxar snin u mhux għal kulħadd?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Dan il-proċess huwa wkoll skond wegħda li saret fil-programm elettorali tal-partit fil-Gvern fl-1998 li ħaddiema li ilhom snin twal jaħdmu bħala “casuals” jingħataw l-opportunità li jsiru tal-fiss, liema wegħda ma kienx possibbli li tiġi attwata fil-leġislatura l-oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'se jsir mill-ħaddiema casuals li ġew impjegati madwar sena ilu? Jista' jgħid jekk il-fatt li l-eżami tagħhom huwa validu għal sena, huwiex se jaffettwa l-impjieg eżistenti tagħhom? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li saret din il-kondizzjoni u cioe' li l-eżami jkun validu għal sena biss?
Response (GALEA, LOUIS)
Jista' l-Onor. Membru ikun iżjed speċifiku fil-mistoqsija tiegħu biex tkun tista' tingħata tweġiba korretta.
Jista' il-Ministru jgħid jekk numru ta' garaxxijiet li nbnew fil-Ġnejna, fil-parti magħrufa bħal taħt l-irdum l-imdawwar (il-parking ta' fuq ġewwa in-naħa tax-xellug tal-bajja) għandhomx il-permessi meħtieġa? Jekk fl-affermattiv, meta nħarġu dawn il-permessi u fiex jikkonsistu? Jekk m'hemmx permessi meħtieġa, jista' jgħid x'passi se jittieħdu biex dawn jitneħħew?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ma jirriżultax li qatt inħarġu xi permessi ta’ żvilupp sabiex jinbnew xi garaxxijiet f' din in-naħa tal-bajja. Pero’ instab li kienu saru diversi applikazzjonijiet matul is-snin għal dan it-tip ta' żvilupp. Minn investigazzjoni jirriżulta li garaxxijiet jew ossija boathouses, saħansitra uħud minnhom imħaffrin fil-blat, ilhom jeżistu fl-inħawi għal bosta snin. Kien hemm okkażjonijiet ukoll fejn sa minn qabel 1992, cioe ‘fi żmien l-ex PAPB, inbdew proċeduri legali mill-Pulizija. Azzjoni t' infurzar skond l-Att Nru 1 ta’ 1992 ittieħdet ukoll minn-naħa ta’ l-Awtorita ta’ l-Ippjanar, fejn numru ta’ strutturi kienu tneħħew fiżikament. Sadanittant Avviżi tat-Twettieq ECF 1424/97 u 1425/97 maħruġa fuq garaxxijiet paritikolari u li nqabdu jinbnew fil-fatt għadhom pendenti minħabba li hemm appell minn diversi rifjuti ta' applikazzjonijiet quddiem il-Bord ta l-Appelli dwar l-Ippjanar.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta' inkjesta interna fil-mewt tat-tifel fit-28 ta' Frar 2001 ( li ismu qiegħed jintbgħat separatament ma din il-mistoqsija ) liema inkjesta kienet sare fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa, mid-Director Public Ħealth u żewġ persuni oħra? Jista' jikkonferma li fis-26/02/01, fis-sala Fairyland ta' l-isptar San Luqa ħadd ma kien inkarigat minflok il-konsulent tas-Sala għall-ġurnata sħiħa?
Jista' jikkonferma ukoll li skond ir-records ta' l-isptar il-konsulent kien ħareġ bis-sick leave mis-26/02/01? Jista' jgħid ukoll għaliex il-kirurgu li operat lit-tifel għall-appendiċite fit-22/02/01 ma tidhirx fuq ir-roster tal-medical staff? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' an ir-roster ta' dik il-ġurnata?
Jista' il-Ministru jikkonferma li waqt l-operazzjoni ta' l-appendiċite t-tifel ma kienx ingħata antibiotiċi u li waqt li t-tifel kien l-isptar ma saru ebda eżamijiet bħal kultura tad-demm ħlief wara illi saritlu t-tieni operazzjoni tal-laparotomy?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Inkjesta interna issir sabiex l-Amministrazzjoni tanaliżża l-proċeduri interni involuti fil-każ partikolari bl-għan li ttejjeb is-servizz għall-pubbliku. La darba tali inkjesti m'humiex pubbliċi ma tistax tingħata risposta.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-Maġistrat Lofaro kienet megħjuna minn dawn l-esperti tal-Qorti waqt l-inkjesta li saret fuq il-mewt ta' tifel fl-isptar San Luqa li dettalji tiegħu qiegħed nibgħat separatament, Konsulent Kirurgu, espert fil-Batterjoloġina, espert fil-Mediċina Forensika, żewġ Patoloġista u espert tal-Qorti? Peress li l-Maġistrat Lofaro għalqet l-inkjesta darbtejn, jista' jgħid jekk il-konklużjonijiet tagħha fiż-żewġ okkazjonijiet kienux l-istess? Jista' jgħid jekk skond il-Medico-Legal Post Mortem Examination kienx hemm xi ndikazzjoni li t-tifel kien marradi qabel daħal l-isptar? Jista' jgħid ukoll kif l-esperti mediċi iddeskrivew il-qagħda tat-tifel fl-isptar bejn il-25/02/01 u s-26/02/01?
Huwa minnu li skond kif irriżulta mill-inkjesta, l-konsulent tas-sala Fairyland ma kienx qed iħares lejn it-treatment charts tat-tifel u li għalhekk ma kienx jaf illi t-tifel ma kienx qed jingħata antibajotiċi wara l-operazzjoni ta' l-appendiċite? Jista' jgħid ukoll jekk huwiex minnu li l-konsulent tas-Sala ma kienx ta' handover lill-professur li laħaq minfloku jew qattx infurmah dwar l-istat ħażin tat-tifel qabel ma ħareġ bis-sick? Jirriżulta jekk effettivament xi ħadd kienx ġie nfurmat mill-konsulent tas-sala Fairyland li kien ħareġ bis-sick leave? Jirriżulta li waqt l-operazzjoni ta' l-appendiċite, it-tifel ma kienx ingħata antibajotiċi u beda jingħata antibajotiċi biss tlett ijiem wara l-operazzjoni ta' l-appendiċite?
Jirriżulta wkoll li l-konsulent ingħata twissija mill-Qorti qabel beda jixhed? Dwar il-kumpilazzjoni mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, jista' il-Ministru jgħid: Skond ordni tal-Maġistrat lill-pulizija, il-kirurgu li opera lit-tifel it-tieni darba kellu jerġa jittella jixhed? Għaliex dan ma sarx? Il-kirurgu li operat lit-tifel għall appendiċite kellha id-deposizzjoni tagħha sospiża? Għalfejn ma reġgħetx ittellgħet biex tkompli tixhed? Huwa minnu li r-roster tal-medical staff preżentati fil-kumpilazzjoni huma difettużi? Għaliex il-professur li suppost kien laħaq minflok il-konsulent ma kienx ittella' jixhed fil-kumpilazzjoni?
Kien hemm xi rejazzjoni matul il-kumpilazzjoni dwar iċ-ċertifikat mediku ppreżentat mill-konsulent? Il-Kummissarju tal-pulizija ġie infurmat li skond l-Avukat Ġenerali, il-prosekuzzjoni tal-Pulizija naqset mill tinforma lill-Maġistrat li hija kellha provi oħra xi tressaq relatati mal każ? Huwa minnu li l-kirurgu ngħatat twissija tal-Qorti qabel ma bdiet tixhed? Għaliex ir-rapport ta' l-AG ġie ppreżentat fil-Parlament bl-ismijiet imħassra?
Response (BORG, TONIO)
Il-Proċess in kwistjoni jinsab kustodit fl-Uffiċċju ta' l-Avukat Generali li infurmani illi ma għandu l-ebda oġġezzjoni biex dan jiġi eżaminat fl-intier tiegħu mill-Onorevoli Interpellant.
L-Avukat Ġenerali li esklussivament għandu d-dritt li jiddeċiedi kwistjonijiet ta` prosekuzzjoni penali f`każijiet bħal dawn infurmani wkoll:-
1. Illi hu ġia poġġa l-proċess in kwistjoni għad-dispożizzjoni tal-ġenituri tal-vittma u tal-konsulenti mediċi u legali tagħhom;
2. Illi fl-inkjesta l-Maġistrat Lofaro qabbdet biex jassistuha żewġ patoloġi biex jagħmlu l-eżami postmortem, lill-espert tal-mediċina forensika, lil konsulent kirurgu (li kien wkoll xhud ta' fatt peress illi fiż-żmien in kwistjoni kien acting director tal-kirurġija fl-isptar San Luqa) lil bakterjologu u lil avukat bħala espert legali, li quddiemu instemat ix-xhieda;
3. Il-Maġistrat Lofaro għalqet l-inkjesta darba waħda biss u għalhekk ma setgħax kien hemm lok għal aktar minn konklużjoni waħda;
4. Illi r-risposta dwar il-punti l-oħra sollevati fil-mistoqsija jiddependu minn apprezzament ta' provi u xhieda differenti dwar is-sitwazzjoni medika u fattwali li jirrikjedu li jiġu eżaminati fl-intier tagħhom fl-assjem globali tal-fatti u jkun aħjar għalhekk li wieħed jara l-proċess kollu u ma jispigolax xi inċident jew fatt barra mil-kuntest sħiħ tiegħu;
5. Illi meta għadda biex ordna n-nolle prosecui hu kien studja l-proċess kollu, ra r-rapport tal-inkjesta interna tad-dipartiment u kkonsulta wkoll ma` diversi esperti f'kampi differenti tal-mediċina, u b'hekk wasal għal konklużjoni li l-provi ma setgħux wasslu f'min kellu jiġġudika għal konvinċiment, mingħajr dubbju raġonevoli, li l-imputat kien ħati tal-akkużi attribwiti lilu, hu la kien jaf ,u l-anqas jaf illum li hemm xi provi oħra li jistgħu jwassluh għal konklużjoni differenti;
6. Il-Konsulent in kwisjoni ma xhedx quddiem il-Maġistrat Lofaro iżda quddiem l-esperti. Jikkonferma illi l-espert legali avżah li seta' jagħżel li ma jixhedx; illi fil-fatt l-Avukat Ġenerali ma jsib xejn ħażin fil-proċeduri quddiem il-Maġistrat Lofaro jew il-Maġistrat Scerri Herrera, izda, anke minħabba l-grad ogħla ta' konvinċiment li hu jrid ikollu, hu wasal għal apprezzament divers u konklużjoni diversa fuq il-provi miġbura;
7. Illi hu ħassar l-ismijiet fil-kopja tar-Rapport li għamel lil President tar-Repubblika, biex tiġi protetta aħjar l-konfidenzjalita' dwar l-identita' tat-tifel, u anke għaliex l-isem tat-tobba u konsulenti konċernati (għad-differenza tal-fatti) ma tagħmilx differenza lil konklużjonijiet minnu raġġunti.
Għaqdiet kulturali — Eżenzjonijiet ta' dazju u VAT fuq importazzjoni ta' materja prima
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3805, jista' il-Ministru jgħid jekk għaqdiet kulturali, folkloristiċi u għaqdiet oħra simili jgawdux minn eżenzjonijiet fuq dazju u VAT għall-materja prima li jimpurtaw biex jużawha għal skop ta' manifattura ta' ħwejjeġ, prodotti u tiżjin konnessi mal-kultura u l-folklor?
L-għaqdiet volontarji li jorganizzaw l-armar tal-festi u għaqdiet simili jikkwalifikaw għal dawn l-eżenzjonijiet?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ebda għaqda kulturali, folkloristika u oħrajn simili ma’ tgawdi minn eżenzjoni fuq dazju u VAT għall-materja prima li timporta biex tintuża għal skop ta' manifattura ta' ħwejjeġ, prodotti u tiżjin konnessi mal-kultura u l-folklor jekk mhux bil-permess tal-Ministru stess.
Jista' il-Ministru jgħid jekk għall-okkażjoni tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju li ġej hijiex se tingħata amnestija lill-ħabsin? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm se tkun din l-amnestija?
Servizz Pubbliku — ex ħaddiema tal-Bank of Valletta
Question
Jista' il-Prim Ministru jassigura li l-ex ħaddiema tal-Bank of Valletta li ġew maqluba bħala labourers mal-gvern, jerġgħu jingħataw il-gradi li kellhom qabel u dak kollu dovut lilhom f'finanzi u kondizzjonijiet?
Jista' jassigura wkoll li dan ikun jirrifletti fil-pagi ta' dawn il-ħaddiema li għadhom impjegati u fil-pensjoni ta' dawk li diġa' spiċċaw mill-impjieg imsemmi bil-pensjoni minħabba l-eta'?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena infurmat li l-ħaddiema msemmija ġew integrati fis-Servizz Pubbliku, u ngħataw ħatra ta’ “labourers” skond arranġamenti speċifiċi maqbula mal-“Unions”.
Interpreti — Traduzzjoni u Interpretazzjoni - Qrati tal-Ġustizzja
Question
Jista' il-Ministru jgħid b'liema mekkaniżmu tiġi ċċertifikata l-kapaċita' ta' interpreti li jagħtu servizz ta' traduzzjoni u interpretazzjoni fil-Qrati tal-Ġustizzja u jekk jeżistix elenku ta' dawn l-interpreti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi traduzzjoni ta` att ġudizzjarju, jekk tkun meħtieġa b`liġi jew ordnata mill-Qorti, issir minn uffiċjal tal-Qorti. Altrimenti l-parti li tkun tenħtieġha tqabbad traduttur li wara li jagħmel it-traduzzjoni jaħlifha fir-reġistru tal-qorti kompetenti biex jagħmilha uffiċjali.
Interpretazzjoni ssir minn persuna nominata mill-qorti kompetenti minn fost l-uffiċjali tal-qorti jew minn persuna oħra li l-qorti jkun jidhrilha li hija kapaċi li tagħmilha ta` interpretu.
Ma hemmx elenku ta` tradutturi jew interpreti.
Jista' il-Ministru jgħid separatament liema huma l-prodotti ta' Materja prima u Prodotti oħra li huma eżenti mill-VAT u mid-Dazju? Jista' jgħid ukoll taħt liema kriterji tingħata eżenzjoni mill-VAT u d-Dazju fuq materja prima u Prodotti oħra? Jista' jgħid jekk hemmx prodotti li ma jistgħux jiġu eżentati għall-ebda raġuni jew kriterju? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid liema huma dawn il-prodotti?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li hemm eluf ta’ prodotti u materja prima li huma eżentati mid-Dazju.
L-eżenzjoni mid-Dazju tingħata skond il-provedimenti fil-Kodici tad-Dwana għal skop ta’ pproċessar intern (Artiklu 114-129) fuq il-materja prima u prodotti kollha, li wara li jiġu pproċessati, isir l-esportazzjoni tagħhom.
Wieħed irid ifakkar li l-oġġetti li joriġinaw fl-UE mhumiex suġġetti għad-dazju f’kull ċirkonstanza.
Fir-rigward tal-VAT b’mod generali, materja prima mhix eżentata iżda l-VAT titħallas ma’ l-importazzjoni u tintalab lura fid-denunzja tat-taxxa.
Izda hemm proċedura fejn kumpanniji li jesportaw jingħataw ċertifikat ta’ eżenzjoni mill-Korporazzjoni Maltija ta’ l-Iżvilupp.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu s-salarju, ir-remunerazzjoni u l-perkaċċi taċ-chief executive ta' l-Airmalta?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-pakkett ta' remunerazzjoni, inkluż salarju, allowances u bonus tac-Chief Executive ta' l-Air Malta kien ġie deċiż u maqbul mill-Board ta' l-Air Malta immexxi mis-Sur Louis Grech fil-laqgħa tat-tnax ta' Settembru 2002. Il-pakkett totali hu ta' Lm 121,311 li hu fl-istess ilma tac-CEO tat-Tarzna li kien ġie appuntat mill-Gvern Laburista f'Lulju 1998.
Jista' il-Ministru jieħu l-passi biex jiġi nvestigat il-kwalita' ta' ilma bis-sadid li qed jirċievu wħud mir-residenti ta' Triq Luqa Briffa, fil-Gżira?
Jista' jara wkoll li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex il-kwalita' ta' ilma li tasal għand dawn ir-residenti tiġi mtejba u tkun bla sadid?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-problema ta' ilma bis-sadid fi Triq Luqa Briffa fil-Gżira kienet kaġunata minn xogħol konness ma proġett li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kienet qiegħda twettaq fi Triq San Albertu, Gżira biex titjieb id-distribuzzjoni ta' l-ilma fl-inħawi. Waqt li kien qed isir dan ix-xogħol, kien hemm bżonn li l-provista ta' l-ilma ta' dan il-lokal tkun sospiża għal bosta drabi, u kull darba li l-provista marret lura għan-normal, l-ilma beda jkun bis-sadia għal xi ħin.
Dan ġara l-aktar f'Novembru tas-sena l-oħra. Darba tlesta l-proġett, din il-problema spiċċat.
Jista' il-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex karozzi li hemm mitluqa f'għalqa fi Triq Luqa Briffa, fil-Gżira jiġu mneħħija peress li qed ikunu ta' ostakolu, periklu u anke qed jintuża għall-abbuż tad-droga?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-vetturi msemmija mill-Onorevoli Interpellant m`huma jikkawżaw ebda ostakolu għat-traffiku. Infurmat ukoll illi l-Pulizija ser tintraċċa lil sid din l-għalqa sabiex ineħħi dawn il-vetturi u jinbena reċint.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex iż-żieda dovuta lill-ex-ħaddiema ta' Gasan (illum pensjonanti) li tirriżulta mill-ftehim kollettiv li sar f'Jannar li għadda tingħata mill-aktar fis possibbli?
Jista' jgħid dawn meta se jingħataw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali preżentement għaddej bi proċess ta’ reviżjoni ta’ pensjonijiet li jirriżultaw minn xi ftehim kollettiv ta’ l-organiżżazzjonijiet li kienu mpjegati magħhom il-pensjonanti kurrenti, inkluż l-ex impjegati tal-kumpannija li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant.
Għalkemm f’dan l-istadju d-Dipartiment ma jistax jagħti data preċiża meta dan l-eżerċizzju ser jitlesta, ninsab infurmat li qed isir dak kollu possibbli biex dan isir fl-aqsar żmien possibbli.
Jaf il-Viċi Prim Ministru li minħabba t-titjib li ngħataw il-home helpers fil-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, fosthom leave, sick leave, etc. inħolqot sitwazzjoni fejn anzjani tnaqqsilhom is-servizz li kien jingħata qabel minħabba short staff u dan qed joħloq tbatija għall-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita’ qiegħed fil-proċess li jirrekluta Part-time Social Assistants ġodda biex jissostitwixxu l-PTAs eżistenti meta dawn ikunu bis-sick jew vacation leave.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex isir xogħol ta' manutenzjoni fuq konsenturi li hemm f'entratura D, Binja Msieraħ, George Tayar Str, San Ġwann?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar għall-azzjoni meħtieġa.