Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #1528 Sitting 22 1998-12-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Għawm

Question

Peress li fl-artiklu tiegħu fil-gazzetta "In-Nazzjon" tal-ġimgħa li għaddiet dwar l-iSkolaSport, is-Segretarju Parlamenti fil-ministeru tiegħek ma semma xejn dwar l-għawm li qiegħed isir fil-Pixxina Nazzjonali taħt din l-iskema, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar: 1) kemm hemm tfal, adulti, eċċ li qed jieħdu sehem f'din id-dixxiplina; 2) kemm hemm għalliema li qed jagħtu s-sehem tagħhom u kemm jitħallsu; 3) isir xi ħlas mill-Gvern lill-Pixxina Nazzjonali? Kemm?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm 560 tfal u madwar 80 adult li qed jattendu għall-lezzjonijiet tal-għawm taħt l-iskema Skolasport. Dawn qegħdin imqassma fil-Pixxina Nazzjonali f' Tal-Qroqq u fil-pixxina tar-Razzett tal-Ħbiberija f'Wied il-Għajn. B'kollox hemm 20 għalliem li jitħallsu bir-rata ta' Lm5.10 għal kull sessjoni ta' sagħtejn u nofs. Il-ħlas minn naħa tal-Gvern huwa ta' Lm1655 lill-Pixxina Nazzjonali u Lm1500 lir-Razzett tal-Ħbiberija għall-perjodu Ottubru 1998 sa Mejju 1999.
Leg 9 PQ #1529 Sitting 22 1998-12-07 Oral · Interim From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — Elezzjonijiet każwali

Question

Mill-5 ta' Settembru, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru elezzjonijiet każwali għall-kunsilli lokali? F'liema belt/raħal? F'kemm-il każ ma kienx hemm nominazzjonijiet? F'kull belt/raħal ġewx co-opted membri fejn ma kienx hemm nominazzjonijiet? Kemm minn dawn kienu maħtura minn kandidati li kienu ħadu sehem fl-elezzjonijiet oriġinali? F'liema bliet/irħula mistennija jsiru l-elezzjonijiet għall-kunsilli lokali s-sena d-dieħla? Meta se jsiru? Kemm huwa stmat li jqumu dawn l-elezzjonijiet?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #1530 Sitting 22 1998-12-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Oġġezzjonijiet mill-kunsilli lokali

Question

Matul din is-sena, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm oġġezzjonijiet mill-kunsilli lokali għall-bini/estensjonijiet jew xort'oħra fil-belt/raħal taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? F'liema lokalitajiet kienu u dwar xiex kienu dawn l-oġġezzjonijiet? Kemm minn dawn intlaqgħu mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Kemm hemm pendenti? Kemm ġew irtirati?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li ma jeżistux oġġezzjonijiet pendenti jew milqugħa. Kull oġġezzjoni li l-Awtorita` ta` fuq applikazzjonijet għal żvilupp, tiġi kkunsidrata waqt l-evalwazzjoni ta` l-iżvilupp propost. Għaldaqstant jeżistu biss applikazzjonijiet pendenti jew milqugħa. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li tirreferi għall-oġġezzjonijiet li saru fuq applikazzjonijiet għal żvilupp li saru fl-1998. 07.12.98
Leg 9 PQ #1305 Sitting 21 1998-12-04 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Ta' Ġiorni — Playing field

Question

Jaf il-Ministru li l-playing field li hemm fil-Housing Estate ta' Ta' Giorni tinsab fi stat ta' abbandun totali? Jaf li fl-imsemmija playing field la jeżistu bozoz, la bankijiet, la bins u l-art tinsab fi stat ħażin ħafna? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb tiegħu li jagħmel xogħlijiet biex l-imsemmija playing field ma tibqax fl-istat li hi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsill Lokali interessat
Leg 9 PQ #1404 Sitting 21 1998-12-04 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

ITS — Traffic lights/street paintings

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-traffic lights u s-street paintings li saru riċentement ħdejn l-ITS sarux bil-permess meħtieġ tat-Traffic Control Board u b'konsultazzjoni u l-approvazzjoni tal-Kunsill Lokali ta' Pembroke?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #1405 Sitting 21 1998-12-04 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Spejjeż

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tlaħħaq l-ispiża ta' kull kunsill lokali sena b'sena f'onorarji, salarji u spejjeż oħra relatati ma' l-amministrazzjoni ta' l-uffiċini mill-1993 'il hawn?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba toħroġ mir-Rapporti ta' l-Awdituri għal kull sena finanzjarja li skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 65(6) ta' l-Att ta' l-1993 dwar Kunsilli Lokali jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra mill-Ministru tal-Finanzi.
Leg 9 PQ #1439 Sitting 21 1998-12-04 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tfittix għaż-Żejt — Testijiet u studji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'testijiet u studji saru f'Kerċem, Għawdex b'konnessjonijiet ma' tfittix għaż-żejt qabel Ottubru ta' l-1996? Jista' l-Prim Ministru jgħid minn min saru dawn it-testijiet jew studji? Jista' jgħid x'inhuma id-dati li fihom saru dawn it-testijiet u jekk saru x'kienu l-pariri jew l-indikazzjonijiet li taw l-esperti? Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll x'kienet l-ispiża biex isiru dawn it-testijiet u studji?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jirreferi għall-Press Release numru 1752 tal-24 ta' Settembru 1998 maħruġa mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni fejn isib fil- qosor l-istorja tal-proġett tat-tħaffir tal-bir f'Għawdex.

Distrett Nru. 10 — Karta Anzjan

Question

Jista' l-Ministru jgħid lokal lokal kemm huma l-anzjani li għandhom il-karta anzjan fil-lokalitajiet ta' Tas-Sliema, San Ġiljan, Swieqi u Pembroke? Jista' l -Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-ismijiet, numri tal-karta ta' l-identita' u indirizzi ta' l-anzjani li dwarhom qed issir il-mistoqsija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' anzjani li għandhom l-Kartanzjan kif mitlub fil-Mistoqsija huwa kif ġej: Sliema 4237 Swieqi 674 Pembroke 72 San Ġiljan 1583 Ma nħossx li huwa etiku li tingħata il-lista bl-ismijiet, in-numru tal-karta ta' l-identita' u l-indirizzi ta' dawn l-anzjani. 4.12.98

Distrett Nru. 10 — Nies b'diżabilita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid lokal lokal kemm huwa magħruf li hemm nies b'diżabilita' fil-lokalitajiet ta' Tas-Sliema, San Ġiljan, Swieqi u Pembroke? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-ismijiet, numri tal-karta ta' l-identita' u indirizzi tal-persuni b'diżabilita' li dwarhom qed issir il-mistoqsija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

1. Skond l-istatistika miġbura fir-Reġistru Nazzjonali ta' Persuni b'Diżabilita' f'dawn il-lokalitajiet: LOKAL TOTAL _____ _____ Sliema 326 San Ġiljan 133 Swieqi 52 Pembroke 12 2. Kull informazzjoni dwar persuni b'diżabilita' li tidher fir-Reġistru Nazzjonali ta' Persuni b'Diżabilita' tinżamm taħt konfidenzjalita' stretta. Il-Kummissjoni bl-ebda mod ma tista' tagħti ismijiet, indirizzi u dettalji oħra personali dwar persuni rreġistrati magħha. Jekk tkun trid tiċċara xi dettal minn dak li jidher hawn fuq, nistiednek iċċempel fuq wieħed minn dawn in-numri diretti: . is-Sur Fred Bezzina 489305, jew . is-Sur Joseph Camilleri 441280 4.12.98

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Vetturi ta' l-art u tal-baħar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il vettura (ta' l-art u tal-baħar) għandu reġistrat f'isem il-Ministeru u f'isem id-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu, dipartiment b'dipartiment? Jista' jgħid kemm-il vettura ġiet mixtrija għall-Ministeru jew għal xi wieħed mid-dipartimenti mis-6 ta' Settembru, 1998 sat-28 ta' Ottubru, 1998?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Ma nxtrat ebda vettura mill-Ministeru bejn is-6 ta' Settembru u it-28 t'Ottubru 1998. Għalhekk il-karozzi li hemm reġistrati huma dawk li kien hemm reġistrati fil-5 ta' Settembru 1998. Dawn jikkonsistu f'27 karozza li huma f'isem il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin f'Malta u 25 vettura ohra li jintużaw fl-Ambaxxati Maltin ta' Barra. Fit-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari Numru 1347, tajt aktar tagħrif dettaljat dwar il-vetturi li jidhru fuq isem il-Ministeru f'Malta.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Karozzi tal-kiri

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandu karozzi tal-kiri mal-Ministeru u mad-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu, dipartiment b'dipartiment? Jista' jgħid ukoll min huma l-kerrejja ta' dawn il-karozzi u jekk il-kirjiet humiex isiru permezz ta' kuntratt li għalih ħarġu l-offerti jew permezz ta' direct orders? Jista' jgħid kemm qed tlaħħaq l-ispiża kuljum għall-kiri ta' dawn il-karozzi?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Fil-preżent, erbgħa uffiċjali fil-Ministeru tiegħi, li għandhom dritt kontrattwali li jkollhom l-użu ta' karozza mħallsa mill-Gvern, qed jikru vettura biex taqdihom fix-xogħol tagħhom. Tnejn minn dawn il-vetturi qed jinkrew mingħand il-Bjorn Garage, waħda mis-Civic Rentals, u waħda mill-John's Garage. Ir-rata tal-kiri hija ta' Lm5 kuljum. Qed tinkera karrozza oħra mill-John's Garage, ukoll bir-rata ta' Lm5 kuljum, għall-użu ġenerali tad-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea. F'kull każ, l-arranġament tal-kirja huwa wieħed temporanju, sakemm jittieħdu ċerti deċiżjonijiet amministrattivi dwar il-provvista ta' vetturi uffiċjali.
Leg 9 PQ #1124 Sitting 20 1998-12-03 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Patrols

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru patrols mill-pulizija, meta u f'liema lokalitajiet, kontra l-abbuż tal-prostituzzjoni mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu l-patrols f'dan ir-rigward?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tagħmel, u ser tibqa' tagħmel, kemm ronda mill-Pulizija tad-Distrett kif ukoll raids mill-vice squad kontra l-prostituzzjoni, fuq bażi regolari madwar Malta u Għawdex, fosthom fil-Belt, f'Ħal Qormi, il-Kottonera, il-Marsa, l-Imsida, il-Gżira u Ta' Xbiex. Skond ma jien infurmat, mill-5 ta' Settembru, 1998, sas-16 ta' Novembru, 1998, inqabdu 31 persuna in konnessjoni ma' dan it-tip ta' reat. 03.12.98
Leg 9 PQ #1125 Sitting 20 1998-12-03 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru għall-Ambjent — Vettura bin-Nru. BAK 483

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-vettura li ġġib in-numru BAK 483 hijiex mikrija mill-Ministeru tiegħu jew għal xi wieħed mid-dipartimenti tad-dikasteru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid: 1) meta inkrit; 2) kemm qed jitħallas kuljum għall-kirja tiegħu; 3) minn min qed tintuża (isem u kunjom); 4) kemm ġranet fil-ġimgħa; u 5) fejn titpoġġa wara l-ħinijiet tax-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-karozza BAK 483 hija waħda mill-karozzi mikrija mid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi tal-Ministeru għall-Ambjent, għad-diversi Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru, kif ukoll il-Ministeru nnifsu. Din hija waħda mill-karozzi mikrija wara sejħa għall-offerti għall-prezz ta' Lm3.99 kuljum għal sebat ijiem fil-ġimgħa. Din il-karozza partikolari qed tintuża mis-Sur Tony Fava li huwa uffiċjal fil-Ministeru ghall-Ambjent.
Leg 9 PQ #1304 Sitting 20 1998-12-03 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Liċenzji — Kaċċa/Nsib

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-Gvern li jraħħas il-liċenzji konnessi mal-kaċċa u l-insib?

Response (BORG, TONIO)

Il-ħsieb tal-Gvern hu dak li hemm kontenut fil-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali ta` l-1998 (paġ. 12). Qegħdin jiġu diskussi proposti konkreti biex dawn il-proposti jitwettqu fl-iqsar żmien possibli, pass wara pass. 03.12.98

Reserved parking — Applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għal reserved parking tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Jaf il-Ministru li din il-persuna li għandha problemi ta' mobility toqgħod fi triq li minnha tidħol għal qalba ta' Paceville u minħabba nuqqas ta' parking u kontestazzjonijiet oħra b'konnessjoni tat-traffic tagħmilha diffiċli li toħroġ minn ġewwa darha anke f'każijiet urġenti ta' mard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

1. L-applikazzjoni li saret riferenza għalija f'din il-Mistoqsija Parlamentari, ġiet miċħuda mill-Bord tal-Kontroll tat-Traffiku fuq rakkomandazzjoni tal-Bord Keep Clear tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' wara li anke saret żjara fid-dar tal-applikanta. 2. L-ittra li tinforma lil din l-applikanta b'din id-deċiżjoni ġġib id-data tas-17 t'Ottubru 1997. 2.12.98
Leg 9 PQ #1028 Sitting 19 1998-12-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Ministru ta' l-Ambjent — Laqgħat jew kuntatti mal-Perit Dom MIntoff

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kellux laqgħat jew kuntatti ma' l-ex Deputat Dom MIntoff mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Il-laqgħat jew kuntatti imsemmija li kellu, jekk kellu: (1) fuq liema livel saru; (2) meta saru u fejn; (3) x'suġġetti politiċi nazzjonali u internazzjonali ġew diskussi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

It-tweġiba hija fin-negattiv.

Ħaddiema impressed

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb tal-Gvern li l-ħaddiema impressed mal-Gvern isiru tal-post mal-gvern? Jekk huwa l-ħsieb, jista' l-Ministru jgħid meta se ssir din il-miżura? Jekk m'huwiex il-ħsieb tal-gvern x'inhi r-raġuni? Fil-preżent kemm jammontaw il-ħaddiema impressed u minn liema lokalitajiet ġejjien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 1115. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tingħata Tweġiba f'xi Seduta oħra. 2.12.98
Leg 9 PQ #1030 Sitting 19 1998-12-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Oqsma residenzjali — Xiri ta' garaxxijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb tal-Gvern li l-garages tal-gvern fl-oqsma residenzjali li huma mikrija jiġu mixtrija mill-inkwilini? Jekk huwa l-ħsieb jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' skema se tinħoloq u liema huma l-ewwel oqsma residenzjali li se jgawdu minn din l-iskema?

Response (BORG, TONIO)

Il-Gvern qed jikkunsidra diversi skemi, inkluż dik fejn garaxxijiet li l-kera tagħhom tinġabar mid-Dipartiment ta' l-Artijiet, ikunu jistgħu jinxtraw mill-kerrejja. Peress li dan il-proċess għadu fi stadju preliminari għad mhux il-waqt li jingħataw aktar dettalji. 02.12.98

Laqgħat ma' l-ex Deputat Dom MIntoff

Question

Jista' l-Viċi Prim MInistru jgħid x'tip ta' laqgħat u kuntatti saru mis-6 ta' Settembru, 1998 sal-lum ma' l-ex Deputat Dom Mintoff? Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid: (1) fuq liema livell saru; (2) meta saru; u (3) x'suġġetti politiċi nazzjonali u internazzjonli ġew diskussa?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Irrid nattira l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant kif ukoll ta' l-iskrivani tal-kamra li din l-interpellanza mhix konformi ma' l-ordni 26 ta' l-ordnijiet Permanenti tal-kamra.
Leg 9 PQ #1032 Sitting 19 1998-12-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Prim Ministru — Laqgħat ma' l-ex Deputat Dom MIntoff

Question

Jista' l-Prim MInistru jgħid jekk sarux laqgħat jew kuntatti ma' l-ex Deputat Dom Mintoff mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jekk saru dawn it-tip ta' laqgħat jew kuntatti, jista' l-Prim Ministru jgħid: (1) fuq liema livell saru? (2) meta saru? (3) x'suġġetti politiċi li huma ta' interess nazzjonali ġew diskussa?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nippresumi li d-domanda ta' l-Onor Interpellant hija dwar kuntatti jew laqgħat li jiena seta kelli mal-Perit Dom Mintoff mill-5 ta' Settembru 'l hawn. Ir-risposta hija fin-negattiv.