B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 801, jista' l-Ministru jagħti il-lokalitajiet minn fejn huma dawk li ġew impjegati l-ħaddiema in kwestjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif diġa' għidt fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 801 ma jkunx etikament ġust li nagħti dettalji dwar persuni li jkunu ġew impjegati ma' Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex applikazzjoni għal reserved parking ta' persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament tiġi pproċessata bla telf ta' żmien peress li din l-applikazzjoni saret f'Awissu ta' l-1998 wara li l-applikazzjoni oriġinali li kienet saret f'April, 1998 intilfet mid-dipartiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-Servizz tal-Keep Clear/Reserved Parking Areas quddiem residenzi ta' persuni b'diżabilita' jingħata mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'. Minħabba ċerti diffikultajiet, il-Kummissjoni għandha numru sostanzjali t'applikazzjonijiet pendenti. Ittieħdu l-miżuri neċessarji biex dawn l-applikazzjonijiet jiġu proċessati mill-aktar fis possibbli u hu ttamat li s-sitwazzjoni tiġi għan-normal fi żmien qasir.
11.12.98
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 1029 u t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 1115, jista' l-Ministru jgħid meta huwa l-ħsieb tal-Gvern li jwettaq din il-wegħda elettorali?
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk bdewx jew le diskussjonijiet f'dan is-sens u jekk bdew ma' min?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M'għandix x'inżid mat-Tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsijiet Nri. 1115 u 1029.
11.12.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-Gvern li l-ħaddiema li huma assistenti soċjali każwali jinqalbu minn self-employed għal part-timers mal-Gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Li l-Assistenti Soċjali Każwali jinqalbu minn 'self-employed' għal 'part-timers' mal-Gvern hija wegħda li l-P.N. għamel fil-programm elettorali tiegħu għall-aħħar elezzjoni ġenerali u li dan il-Gvern ser iwettaq aktar 'il quddiem.
9.12.98
Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb tal-Gvern li jiftaħ berġa medika fl-inħawi ta' Ta' Ġiorni jew f'xi nħawi oħra f'San Ġiljan?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-Kura Primarja diġa għandu servizz ta' Berġa f'San Ġiljan. Id-Dipartiment għandu wkoll servizz ta' Berġa f'San Gwann.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux il-ħsieb tal-Gvern li jwettaq il-proġett kontra l-għargħar ta' l-ilmijiet fi Triq Birkirkara, f'San Ġiljan? Jekk għadu l-ħsieb, jista' l-Ministru jara li titħaffef il-proċedura sabiex il-proġett ikun jista' jsir bla dewmien bla bżonn u dan għall-benefiċċju tar-residenti li joqogħdu fl-imsemmija triq biex ma jkomplux ibatu mill-inkonvenjenti li din il-problema ġġib magħha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 2206 (Seduta 27).
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 747?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li kellu jsir xogħol preparatorju biex faċilitajiet sportivi effetwati mill-progett tat-triq ikunu resited sabiex tgħaddi it-triq.
Fil-prezent qegħdin jinbnew retaining wall taħt it-triq ezistenti u malli dan jitlesta` it-triq tkun tista` tiġi asfaltata.
Qiegħed inpoggi fuq il-mejda tal-Kamra il-pjanta mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li 16-il ruħ attendew għal ikla akkumpanjata bi trattament VIP fl-ITS nhar il-Ħamis, 26 ta' Novembru, 1998 f'nofsinhar? Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx ħlas għal din l-ikla u jekk sar, minn min sar u jekk ma sarx, għaliex? Jekk ma sarx ħlas, xi kriterji ntużaw għal din ir-raġuni? Jekk sar il-ħlas, jista' l-Ministru jpoġġi l-irċevuti konnessi fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ir-"restaurant" ta' l-"Institute of Tourism Studies" (ITS) huwa miftuħ għall-pubbliku mit-Tnejn sal-Ħamis għal "lunch". Tajjeb li l-Onor. Membru jkun jaf li dak li huwa sejjaħ bħala trattament VIP fil-fatt jingħata l-istess lil kulħadd inkluż lil dawk in-nies li għalihom qed issir referenza fil-Mistoqsija.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-"Invoice" li ntbagħtet għal din l-ikla kif ukoll kopja taċ-"cheque" li sar biex ikopri l-ħlas.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura (ta' l-Art u tal-Baħar) għandu reġistrat f'isem il-ministeru u f'isem id-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu, dipartiment b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ġiet mixtrija għal ministeru jew għal xi wieħed mid-dipartimenti mis-6 ta' Settembru, 1998 sat-28 ta' Ottubru, 1998?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi għall-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar il-vetturi li huma reġistrati fil-Ministeru, Dipartimenti u Organizzazzjonijiet li jiffurmaw parti mid-dikasteru tal-Ministru għall-Politika Soċjali, u dwar xiri ta' vetturi mill-istess entitajiet li sar bejn is-6 ta' Settembru u t-28 t'Ottubru.
Din l-informazzjoni qed tinġabar u tweġiba tingħata aktar il-quddiem.
11.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu karozzi tal-kiri mal-ministeru u mad-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu dipartiment b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll min huma l-kerrejja ta' dawn il-karozzi u jekk il-kirijiet humiex isiru permezz ta' kuntratt li għalih ħarġu l-offerti jew permezz ta' direct orders?
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed tlaħħaq l-ispiża kuljum għal kiri ta' dawn il-karozzi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qegħda tinġabar.
11.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ta' l-art u tal-baħar għandu reġistrati f'isem l-ministeru u f'isem id-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu, dipartiment b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ġiet mixtrija għall-ministeru jew għal xi wieħed mid-dipartimenti mis-6 ta' Settembru, 1998 sat-28 ta' Ottubru, 1998?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' vetturi ta' l-art u tal-baħar li għandu il-Ministeru huma dawn:
ART BAĦAR
------- -------
Diviżjoni tax-Xogħlijiet 168 /
Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent 14 3
Dipartiment għall-Immaniġjar ta' l-Iskart 29 /
-------------
211 3
-------------
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu karozzi tal-kiri mal-ministeru u mad-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu dipartiment b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll min huma l-kerrejja ta' dawn il-karozzi u jekk il-kirjiet humiex isiru permezz ta' kuntratt li għalih ħarġu l-offerti jew permezz ta' direct orders?
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed tlaħħaq l-ispiża kuljum għall-kiri ta' dawn il-karozzi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
In-numru ta' karozzi tal-kiri li għandu l-Ministeru huwa 59.
Il-kiri ta' dawn il-karozzi saru kollha bil-kuntratti. Dawn il-karozzi qed jinkrew mingħand:
Butterfly Garage;
St. John's Garage;
Sterling Car Hire;
Pyramid Enterprises Garage;
Swift Garage.
L-ispiża ta' kuljum għal dawn il-karozzi hija ta' Lm257.53.
Jista' l-Prim MInistru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern li skond ix-xewqa tal-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan, Palazzo Spinola jiġi mgħoddi lill-kunsill biex jintuża, kemm bħala uffiċini tal-kunsill u kemm bħala civic centre? Jekk fin-negattiv, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb tal-gvern fl-użu ta' Palazzo Spinola?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Palazzo Spinola qiegħed temporanjament jintuża mill-
Ministru tat-Turiżmu sakemm jitlesta l-Auberge d'Italie.
It-talba tal-Kunsill Lokali ta` San Ġiljan tkun tista` tiġi
kunsidrata fil-kuntest tal-politika introdotta mill-Gvern
preżenti ta` devoluzzjoni lokali favur il-Kunsilli Lokali.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex coaches u mini buses ma jibqgħux jiġu pparkjati fi tmiem il-ġimgħa fi Triq Reġjonali int u sejjer lejn Pembroke quddiem id-daħla għal Paceville, peress li jeżisti periklu serju għas-sewwieqa kull meta jiġu pparkjati vetturi fl-imsemmi post, tant li xi snin ilu fil-post imsemmi mietu tlett żgħażagħ wara li baqgħu deħlin f'coach li kienet ipparkjata?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
10.12.98(pm)
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni Nru. 0933/96 li ġiet ippreżentata lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar mill-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan sena u nofs ilu, liema applikazzjoni tikkonsisti fi proġett ta' land scaping tal-playing field u l-inħawi ta' Ta' Ġiorni? Jista' l-Ministru jara li din l-applikazzjoni tiġi pproċessata mill-aktar fis possibbli biex ikun jista' jinbeda x-xogħol tant meħtieġ?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li d-Direttorat ta' l-Ippjanar ma sab l-ebda oġġezzjoni għat-talba wara li ġew sottomessi pjanti ġodda mingħand il-perit. Bħal issa qiegħed jiġi kkonsultat id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, u għandhom isiru emendi żgħar fuq il-pjanti sottomessi rigward ir-rampi, it-taraġ u dik il-parti tal-ġnien pubbliku li qiegħda ma' ġenb triq ta' Ġiorni. L-applikazzjoni ser tiġi pproċessata mill-aktar fis possibli.
10.12.98(pm)
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jinfetaħ Day Centre għall-anzjani f'San Ġiljan? Jaf il-Ministru li l-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan ilu li wera x-xewqa li jinfetaħ dan id-Day Centre?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Hija l-politika ta' din l-amministrazzjoni li n-numru ta' 'Day Centres' jiżdied. Diġa għandna diversi talbiet għal 'Day Centres' ġodda. Pero', sal-lum m'għandna l-ebda talba bil-miktub mill-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan sabiex jinfetaħ 'Day Centre' ġdid.
10.12.98
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jistenna biex joħroġ ir-regolamenti għall-ħarsien tas-siġar u l-imsaġar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Naħseb li l-Onor. Interpellant jaf bis-seminar ta' ġurnata li sar nhar it-Tlieta 24 ta' Novembru, 1998, il-Furjana. Dan sar fuq ftehim li kien intlaħaq bejn l-għaqdiet li qegħdin jitolbu r-regolamenti għall-ħarsien tas-siġar u l-Ministru responsabbli għall-Ambjent ta' qabli, l-Onor. Dr George Vella. L-għan ewlieni ta' dan is-seminar kien biex titqajjem aktar kuxjenza pubblika dwar is-siġar Maltin, u anke biex tlaqqa' flimkien dawk kollha interessati fuq dan is-suġġett.
Nieħu pjaċir ngħid li dan kien suċċess u ġew diskussi ideat diversi, kemm mill-lat ekoloġiku, ekomomiku u kummerċjali, u kien hemm qbil fuq ħafna punti dwar il-ħtieġa ta' ħarsien u l-użu tas-siġar indiġeni.
Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent għandu l-ħsieb li kemm jista' jkun malajr ilaqqa' l-partijiet konċernati kollha biex magħhom jerġa' jiddiskuti l-abbozz tar-regolamenti għall-ħarsien tas-siġar ħalli jkun jaf eżatt x'inhuma l-oġġezzjonijiet li qed iżommu dawn ir-regolamenti milli joħorġu, ħalli kif ikun hemm qbil mill-partijiet kollha, dawn ikunu jistgħu jiġu ppublikati.
Nieħu gost nara l-interess ta' l-Onor. Interpellant dwar il-ħarsien tas-siġar Maltin, għaliex dan huwa l-istess interess tagħna, u nassigurah li appena jintlaħaq qbil mill-partijiet kollha, dawn jiġu publikati immedjatament.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ta' l-art u tal-baħar għandu reġistrati f'isem il-ministeru u f'isem id-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu, dipartiment b'dipartiment? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ġiet mixtrija għall-ministeru jew għal xi wieħed mid-dipartimenti mis-6 ta' Settembru, 1998 sat-28 ta' Ottubru, 1998?
Response (DALLI, JOHN)
Dipartiment Vetturi Vetturi Mixtrija
ta` l-Art tal-Baħar mis-6.9.98 - 28.10.98
Ministeru 16 xejn xejn
Taxxi Interni 10 xejn xejn
Dwana 37 2 xejn
Lottu Pubbliku 8 xejn xejn
Teżor 3 xejn xejn
Taxxa tad-Dwana
u tas-Sisa 6 xejn xejn
Kuntratti 4 xejn xejn
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu karozzi tal-kiri mal-ministeru u mad-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu dipartiment b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll min huma l-kerrejja ta' dawn il-karozzi u jekk il-kirjiet humiex isiru permezz ta' kuntratt li għalih ħarġu l-offerti jew permezz ta' direct orders?
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed tlaħħaq l-ispiża kuljum għall-kiri ta' dawn il-karozzi?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għandu karozza waħda tal-kiri. Din inkriet mingħand it-Thrifty Car Rental `from the open market` b`Lm21 + CET kuljum.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ta' l-art u tal-baħar għandu reġistrati f'isem il-ministeru u f'isem id-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu, dipartiment b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ġiet mixtrija għall-ministeru jew għal xi wieħed mid-dipartimenti mis-6 ta' Settembru, 1998 sat-28 ta' Ottubru, 1998?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-għadd ta' vetturi ta' l-art reġistrati f'isem il-Ministeru u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu huwa kif jidher hawn taħt:
Ministeru (inkluż is-Segretarju Permanenti
u d-Direttur (Turiżmu) 4
Hotels and Catering Establishments Board xejn
Institute of Tourism Studies (inkluż il-White
Rocks Holiday Complex) 2
Ninsab infurmat ukoll li l-ebda vettura ma ġiet mixtrija għall-Ministeru jew xi wieħed mid-Dipartimenti msemmija hawn fuq bejn is-6 ta' Settembru u t-28 ta' Ottubru 1998.
M'hemm l-ebda opra tal-baħar reġistrata mal-Ministeru jew xi wieħed minn dawn id-Dipartimenti.