Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 439?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-perjodu msemmi ġew installati 2105 linji ġodda tat-telephone f'Malta u f'Għawdex.
Dwar il-partijiet l-oħra tal-mistoqsija, jiena nfurmat li l-Maltacom ma żżommx statistika.
Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb tal-gvern li joħroġ plots għal bini?
Jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet u kemm jammontaw f'numri dawn il-plots?
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-plots hux se jkunu indirizzati lejn l-għarajjes, żgħażagħ miżżewġin jew koppji kwalunkwe?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Plots ser jiġu żviluppati mill-Awtorita' tad-Djar bħala maisonettes biex b'hekk jinqdew aktar nies.
Dawn il-maisonettes ser jinħarġu għall-allokazzjoni taħt l-iskemi ta' l-Awtorita' tad-Djar.
Normalment dawn l-applikazzjonijiet għall-maisonettes ikunu miftuħa fost oħrajn għall-koppji miżżewġin, koppji għarajjes u familji b'ġenitur wieħed.
14.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' djar/appartamenti li l-gvern għandu ppjanat li jibni matul is-sentejn li ġejjin? Kemm minnhom huma ppjanat li jinbnew mid-dipartiment? Kemm minnhom huwa ppjanat li jinbnew mill-Awtorita' tad-Djar? Kemm minnhom huwa ippjanat li jinbnew bi sħab mas-settur privat?
Kemm-il gvern beħsiebu jonfoq flus f'dan is-sens fis-sentejn li ġejjin? Kemm hemm min dan kollu jinsab quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal ħruġ tal-permessi?
Jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet il-Gvern beħsiebu jibni dawn id-djar/appartamenti u jagħti statistika x'numri f'dan is-sens?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul l-1999 u 2000 l-Awtorita' tad-Djar ser tkompli bil-programm ta' bini ta' maisonettes u appartamenti. Parti minn dan il-programm ser issir permezz ta' proġett imfassal u imwettqa mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar u parti oħra mill-Awtorita' tad-Djar. In-numru ta' units li ser jinbnew:
(i) mid-Dipartiment huwa ta' 1021. Minn dawn 460 huma koperti bil-permess ta' l-Awtorita' tal-ppjanar waqt li 561 għadhom qed jistennew il-permess u
(ii) l-Awtorita' tad-Djar huma ta' 58 li minnhom 21 huma koperti bil-permess ta' l-Awtorita' tal-Ippjanar waqt li 37 qed jistennew il-permess.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tan-numru ta' units li ser jinbnew.
L-Awtorita' tad-Djar qiegħda tevalwa pjan għax-xiri ta' postijiet mingħand il-privat. Għal dan il-għan qed tiġi finalizzata skema.
In-nefqa kapitali għas-sena 1998/1999 hija ta' Lm4,730,000 waqt li dik għas-sena ta' wara tiddipendi mill-ħruġ tal-permessi tal-bini u fatturi oħra.
14.12.98
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 783, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Bord ta' l-Amministrazzjoni tal-Pixxina Nazzjoanli huwiex jiġi kkonsultat dwar dawn id-deċiżjonijiet? Min huwa nvolut aktar f'dawn il-konsultazzjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex it-tagħrif mitlub jinkiseb, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-konsultazzjonijiet dwar it-twaqqif mill-ġdid tas-Swimming Promotion Unit fil-Pixxina Nazzjonali kif kien imwieġeb għall-mistoqsija parlamentari numru 782? Ma' min qed isiru dawn il-konsultazzjonijiet? Jista' l-Ministru jgħid jekk din il-unit hijiex se tibda topera f'din is-sena skolastika peress li diġa' għadda kważi l-ewwel term?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex it-tagħrif mitlub jinkiseb, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 784, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew u kemm qed jiswew lid-dipartimenti tagħhom it-tliet watchmen u d-disa' mpjegati tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet inkluż pagi, allowances, overtime, eċċ? X'inhu x-xogħol ta' dawk li jiffurmaw parti mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex it-tagħrif mitlub jinkiseb, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 1774?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel ta' l-istat hemm:
78 fl-iskejjel Sekondarji u Trade Schools
5 fl-iskejjel Post Sekondarji
18 fl-iskejjel Primarji (peripatetic)
Għalliem wieħed hu ta' nazzjonalita' barranija.
L-għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel tal-Knisja huma 37. Minn dawn 2 huma barranin.
L-għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel privati huma 18. Minn dawn 3 huma barranin.
Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm pazjenti ġew imsiefra barra minn Malta għall-kura medika matul dawn l-aħħar erba' snin, sena b'sena? Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-etajiet tal-pazjenti u kemm kienet l-ispiża, sena b'sena, l-ispiża relatata?
Response (DEGUARA, LOUIS)
1. Matul dawn l-aħħar erba' snin intbagħtu:
1994 - 546 pazjent
1995 - 318 pazjent
1996 - 326 pazjent
1997 - 291 pazjent
2. L-ispiża relatata kienet:
1994 - Lm1,366,185
1995 - Lm1,407,804
1996 - Lm631,727
1997 - Lm533,696
3. L-etajiet kienu:
Bejn 0 - 14-il sena - 39%
Bejn 15 - 40 sena - 34%
Bejn 41 - 60 sena - 22%
61-il fuq - 5%
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 1525, jista' l-Ministru jagħti tweġiba aktar dettaljata u bl-istatistika mitluba kif mitlub oriġinarjament?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija ftit diffiċli li tinġabar peress li l-Kunsilli Lokali jagħmlu diversi talbiet minn żmien għal żmien. Jiena ltqajt mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u wkoll mal-Kunsilli Lokali kollha li talbu laqgħa miegħi, u dawn kollha għamlu suġġerimenti, kummenti u talbiet differenti dwar il-kwestjonijiet imqajjma mill-Onorevoli Interpellant. Fil-każ tal-Kunsilli Lokali tal-Pieta' u dak ta' Wied il-Għajn, dawn talbu li tinfetaħ Għassa tal-Pulizija ġdida.
14.12.98 (am)
Jista' l-Ministru jgħid jekk art pubblika f'Misraħ Għonoq limiti tal-Mosta li meta kienet imqabbla b'kera għal skop agrikolu kellha Ten.No.L1119/65/1 u li l-Gvern issa qiegħed jikkonsidraha bħala art industrijali hijiex se tiġi żviluppata? Għal liema skop pubbliku se tiġi żviluppata u meta se tiġi żviluppata? Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol sar s'issa min-naħa tal-Gvern fuq din l-art?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-art li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ilha numru ta` snin indikata għal żvilupp industrijali.
Ninsab infurmat ukoll li preżentement id-Dipartiment ta` l-Artijiet qed jikkunsidra talba mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet għal bini ta` depot fuq parti minn din l-art.
14.12.98 (a.m.)
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1527, jista' l-Ministru jgħid x'irriżulta mill-ispezzjonijiet li għamel il-Ministeru tas-Saħħa fl-1 ta' Ottubru, 1998?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-ewwel ta' Ottubru 1998, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni talab lid-Dipartiment tas-Saħħa jagħmel spezzjonijiet fit-Tuck Shops.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1532, jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li jikkonverti l-wied f'masġar jew park reġjonali bi tmexxija apposta għalih?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Filwaqt li jaqbel fit-teorija li Wied Għomor jinbidel f'masġar jew park reġjonali, id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent m'għandux pjani f'dan l-istadju biex isir dan.
Ta' min ifakkar ukoll li partijiet sostanzjali ta' dan il-wied fil-preżent huma f'idejn il-privat u qed jiġu użati għal użu agrikolu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern li jifrex l-għajnuna eżistenti li qed tingħata lil nisa xebbiet jew romol li jieħdu ħsieb lil qraba b'mard li jgħixu fl-istess dar, għal ġuvintur jew romol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-suġġeriment ta' l-Onor. Membru jiġi kkunsidrat fl-isfond ta' proċess li jrid jitkompla sabiex tkompli tinfirex l-ugwaljanza tas-sessi fil-Liġi tas-Sigurta' Soċjali.
12.12.98
Wara l-miżura mħabbra fil-Budget 1999 dwar żieda fil-bolla, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern li jeżenta mill-miżura jew oltre jeħles mill-ħlas tal-bolla lill-ġenituri li jkunu bil-parental leave bla ħlas?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-għoti ta' eżenzjoni mill-ħlas tal-Kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali lill-ġenitur li jkun fuq 'parental leave' hi waħda mill-wegħdiet fil-Programm Elettorali tal-Gvern Nazzjonalista. Għaldaqstant nassigura l-Onor. Interpellant li din il-wegħda ser tiġi mwettqa f'waqtha.
12.12.98
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1125, jista' l-Ministru il-karozza msemmija kemm qiegħda tintuża fil-ġimgħa (numru ta' ġranet) u fejn qed titpoġġa wara l-ħinijiet tax-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-karozza tal-kiri numru BAK 483 hija użata skond l-esiġenzi tas-servizz kif stipulat fil-kuntratt.
Wara l-ħin tax-xogħol din il-karozza tinżamm viċin id-dar ta' l-uffiċjal li jużaha, kif hu l-każ tal-karozzi l-oħra kollha tal-kiri u li jintużaw minn uffiċjali oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-traffic lights u s-street paintings li saru riċentement ħdejn l-ITS sarux bil-permess meħtieġ tat-Traffic Control Board u b'konsultazzjoni u l-approvazzjoni tal-Kunsill Lokali ta' Pembroke?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Ministeru tat-Turiżmu ħa l-inizjattiva biex jagħmel diversi xogħolijiet biex isebbaħ il-lokal fejn jinstab l-Ex Martin Luther King College. Fost dawn ix-xogħolijiet saru xi sinjali tat-Traffiku u road markings għas-sigurta ta` l-istudenti u biex tinżamm ċertu ordni madwar l-iskola, iżda ma saru ebda Traffic Lights fl-inħawi.
Dawn is-sinjali ma jaffetwaw bl-ebda mod l-aċċess u l-moviment tat-traffiku għan-nies tal-lokalita.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1305, jaf il-Ministru li meta fl-1993, is-sena tat-twaqqif tal-kunsilli lokali, il-Gvern għadda l-playing field ta' Ta' Ġiorni lil Kunsill Lokali ta' San Ġiljan, l-imsemmija playing field kienet diġa' tinsab fi stat diżastrus u dan wara sitt snin sħaħ ta' Gvern Nazzjonalista? Jaf il-Ministru li biex din il-playing field tiġi refurbished jenħtieġ somma konsiderevoli ta' flus, liema somma l-kunsill mhux faċli li jonfoq? Jista' l-Ministru, li kif għoġbu meta kien Ministru ta' gvern preċedenti Nazzjonalista, iwettaq diversi proġetti kapitali f'postijiet li jaqgħu taħt il-kunsilli lokali bħal per eżempju l-Pjazza tal-Balluta, jikkonsidra bis-serjeta' u bl-aktar responsabbilta' li jwettaq immedjatament xogħol simili biex jitneħħa kull periklu u tingħata sura lil din il-playing field u dan għal ġid tal-komunita' ta' Ta' Ġiorni, speċjalment iż-żgħażagħ u t-tfal?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant qed ikun ikkunsidrat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni li huma xiehda f'xi kawża quddiem il-qorti li qed jingħataw protezzjoni mill-pulizija?
Jista' l-Ministru jgħid min huma dawn il-persuni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-present hawn tlett persuni li huma xhieda f`xi kawża quddiem il-Qorti li qed jingħataw protezzjoni mill-Pulizija. Minħabba raġunijiet ta` sigurta` kemm għal dawn il-persuni, kif ukoll għal xi xhieda oħra, ma nħossx li din l-informazzjoni għanda tkun magħmula pubblika.
12.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura (ta' l-Art u tal-Baħar) għandu reġistrat f'isem il-ministeru u f'isem id-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu, dipartiment b'dipartiment? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ġiet mixtrija għal ministeru jew għal xi wieħed mid-dipartimenti mis-6 ta' Settembru, 1998 sat-28 ta' Ottubru, 1998?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li vetturi reġistrati mal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni hemm 5 u mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hemm 29.
Ma kienx hemm vetturi li nxtraw bejn is-6 ta' Settembru 1998 u 28 ta' Ottubru 1998.
Hemm tlett vetturi (ta' l-art) reġistrati f'isem is-Segretarjat Parlamentari u tlieta oħra f'isem id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport. Id-dettalji tagħhom huma dawn:
Numru ta' Għamla Dipartiment/Sezzjoni
Reġistrazzjoni
GVN071 Mercedes Segretarju Parlamentari
GVN070 Skoda Segretarju Parlamentari
BBB306 Rover Segretarju Parlamentari
DAM591 Peugeot Staff-Marsa Sports Section
GAC652 Rover Derettur Żgħażagħ u Sport
GUH061 Tractor Marsa Sprots Grounds
Ma hemm ebda vettura tal-baħar reġistrata f'isem is-Segretarjat Parlamentari jew f'isem id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport u ma nxtrat ebda vettura matul il-perjodu indikat.
Id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet għandu żewġ karozzi f'ismu. WAħda hija għad-dispożizzjoni esklussiva tad-Direttur - GAN521 Mażda 323 Saloon, u l-oħra tintuża għal qadi kollu tad-Dipartiment - GVN125 Subaru 1600 Station Wagon.
Ebda vettura ma nxtrat minn dan id-Dipartiment mis-6 ta' Settembru 1998 sat-28 ta' Ottubru 1998.
Id-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji għandu tlett karozzi reġistrati. Dawn huma:
Numru tal-Karozza Tip
AAB661 Peugeot
GVN046 Seat Ibiza
GVN329 Renault
Mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru id-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji ma xtara ebda karozza.
Id-Dipartiment tal-Kultura għandu 3 vetturi reġistrati li ebda waħda minnhom ma nxtrat bejn il-5 ta' Settembru 1998 u t-28 ta' Ottubru 1998.
Id-Dipartiment tal-Mużewijiet għandu vettura waħda (Toyota Hiace) reġistrata f'ismu.
Bejn is-6 ta' Settembru 1998 u t-28 ta' Ottubru 1998 ma ġiet mixtrija ebda vettura.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu karozzi tal-kiri mal-ministeru u mad-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu dipartiment b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll min huma l-kerrejja ta' dawn il-karozzi u jekk il-kirijiet humiex isiru permezz ta' kuntratt li għalih ħarġu l-offerti jew peremzz ta' direct orders?
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed tlaħħaq l-ispiża kuljum għal kiri ta' dawn il-karozzi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li karozzi tal-kir mal-Ministeru hemm 7 filwaqt li mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hemm 17.
Il-kerrejja ta' dawn il-karozzi huma (a) Swift Rent a Car, (b) Autorentals and (c) Butterfly Garage.
Dawn il-kirjiet saru permezz ta' Treasury tender 206 ta' din is-sena, bl-eċċezzjoni ta' żewġ karozzi li nkrew, waħda, minħabba li fid-Diviżjoni ma kienx hemm fondi sabiex tinxtara karozza, skond Performance Agreement, għal Direttur, u l-oħra mikrija għal konsulent skond ftehim ta' kuntratt.
L-ispiża tlaħħaq għal Lm111.74 kuljum.
Id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet ma għandu ebda karozzi tal-kiri għad-dispozizzjoni tiegħu.
Id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport għandu erba' karozzi tal-kiri li tlieta minnhom huma taħt il-1200cc u waħda 'l fuq minn 1200cc. Hemm żewġ karozzi oħra li huma 'l fuq minn 1200cc li qed jintużaw fl-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari.
Il-karozzi qegħdin mikrija b'kuntratt li kien ingħata wara sejħa għall-offerti. Il-kuntratturi huma Del Carm Ltd u Butterfly Garage.
Ir-rata tal-kiri hija ta' Lm3.45 għall-karozzi taħt l-1200cc u Lm3.75 għall-karozzi fuq il-1200cc.
Id-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji għandu karozza waħda tal-kiri għall-użu tiegħu.
Il-kerrej tal-karozzi "DAK 152" huwa d-Direttur tal-Libreriji u Arkivji.
Il-Dipartiment fil-kiri ta' din il-karozza juża l-istess kuntratt tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Il-kuntratt sar mid-Diviżjoni bl-offerti u x-xogħol ingħata lil Auto Rentals Company Ltd.
L-ispiża għal kiri ta' din il-karozza hija ta' Lm3.60 kuljum.
Id-Dipartiment tal-Kultura għandu 3 karozzi tal-passiġġieri u van wieħed tal-kiri li huma mikrijin mingħand Del Carm Ltd u Butterfly Garage.
L-ispiża tlaħħaq l-ammont ta' Lm16.60 kuljum.
Għal dak li għandu x'jaqsam mad-Dipartiment tal-Mużewijiet, id-Dipartiment għandu żewġ karozzi u pick-up mikrija.
Il-karozzi u pick-up huma mikrija mingħand il-Butterfly Garage Co. Ltd, Autorentals Co. Ltd u Lawrence Mercieca.
L-ispiża ta' kuljum tammonta għal Lm19.75.