Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4455 Sitting 83 1999-04-26 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Riċevimenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3297, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?

Response (BORG, TONIO)

Peress li l-informazzjoni mitluba, inkluż in-nefqa dwar ir-reċiviment in kwistjoni ngħatat diġa', ma narax l-iskop li wieħed joqgħod jipproduċi rċevuti ta' kull ma tħallas kif qiegħed jitlob l-Onorevoli Interpellant. 26.04.99

Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd — Riċevimenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3296, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Peress li l-informazzjoni mitluba, inkluz in-nefqiet dwar ir-riċevimenti jew ikliet in kwistjoni ngħatat diġa, ma narax l-iskop li wieħed joqgħod jipproduċi rċevuti ta' kull ma tħallas kif qiegħed jitlob l-onorevoli interpellant.

Gozo Channel — Esperti Norveġiżi

Question

Jaf il-Ministru jew le li l-esperti Norveġiżi li suppost qed imexxu l-bini tal-vapuri tal-Gozo Channel u li qed jitħallsu eluf ta' liri, apparti l-karozzi lussużi li qed jużaw, fil-fatt m'hu qed jagħtu l-ebda pariri jew konsulenzi lil MSCL, anzi l-każ huwa l-kontra u cioe' li huma l-managers u l-foremen ta' l-MSCL li qed jagħtu pariri lis-suppost esperti Norveġiżi? Jista' l-Ministru jinvestiga dan kollu u jieħu passi biex ma jibqgħux jintnefqu flus għalxejn u li eventwalment qed jispiċċaw down the drain?

Response (BONNICI, JOSEF)

Mhux korrett li wieħed jgħid li l-konsulenti Norveġiżi ngaġġati mill-Kumpanija Gozo Channel mhumiex jagħtu servizz ta' konsulenza u pariri. Dawn fil-fatt għadhom qed jagħmlu l-istess xogħol li kienu qed jagħmlu fl-aħħar sentejn u nofs. Barra minn hekk il-Management tal-Malta Shipbuilding qed jeżamina kif dawn il-konsulenti jistgħu jkunu ta' servizz aħjar biex iħarrġu lill-ħaddiema tat-Tarzna tal-Marsa. Meta l-bżonn ta' dawn il-konsulenti jonqos, isiru l-arranġamenti meħtieġa biex in-numru tagħhom jonqos.

Gozo Channel — Bini ta' vapuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni u x'inhi r-raġuni biex fil-kuntratt tal-bini tal-vapuri ta' Għawdex saret klawsola li torbot lil MSCL li kull meta jkun hemm bżonn il-vireg tal-welding u żebgħa, l-aktar żewġ materji importanti f'vapur, għal 30 sena sħaħ jinxtraw bilfors mingħand kumpannija Norveġiża? Jidhirlu l-Ministru li kummerċjalment klawsola bħal din hija ta' żvantaġġ ekonomiku għal MSCL? Jista' l-Ministru jgħid ukoll min ħa d-deċiżjoni li l-pipes fuq il-vapuri ta' Għawdex ma jkunux galvanizzati b'konsegwenza li wara ftit ta' snin dawn ikunu jridu jerġgħu jinqalgħu bi spiża enormi u fuq kollox żejda? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kif bi spiża ta' miljuni kbar ta' liri għall-bini ta' dawn it-tliet vapur mhux se tiġi nstallata sistema ta' arja kondizzjonata?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li t-tarzna tal-Marsa m'għandha l-ebda rabta li tixtri vireg tal-welding u żebgħa mingħand xi kumpanija partikolari Norveġiża għal dawn it-tletin sena li ġejjin. Fuq parir tat-tekniċi, il-kumpanija Gozo Channel iddeċidiet li l-pipes li ntużaw fuq il-vapuri, flok jiġu ggalvanizzati, ikunu ta' ħxuna aktar min-normal u li jifilħu aktar għall-corrosion. Kuntrarjament għal dak li ingħad fil-mistoqsija, it-tlett vapuri ġodda ser ikunu mgħammra b'sistema ta' arja kundizzjonata.

MSCL — Vapuri għal Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk wara diversi stqarrijiet pubbliċi mill-ħaddiem direttur tal-MSCL dwar problemi li jeżistu fid-drawings u fil-wasla tal-materjal għal bini tal-vapuri ta' Għawdex, u eventwalment dwar id-dewmien tal-bini ta' dawn il-vapuri, sarx jew hux qiegħed isir xi ħaġa serja u konkreta mill-ministeru biex din il-problema li 'l quddiem tista' tiswa lill-pajjiż miljuni ta' liri tiġi solvuta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Id-disinji tal-vapuri issa tista' tgħid li tlestew. Il-listi tal-materjal u l-inġenji meħtieġa għall-bini ta' dawn il-vapuri tlestew ukoll. Nuqqas ta' koordinazzjoni bejn id-disinjaturi u l-kumpaniji li pprovdew il-materjal wasslet biex l-ispecifications li kienu nklużi fid-disinji xi drabi ma' qablux ma' l-ispecifications tal-materjal. Dan il-fatt ikkawża ċertu dewmien u xogħol ħażin fil-bini matul dawn l-aħħar xhur. Issa, li ġiet identifikata l-kawża tal-problema, qed jittieħdu passi biex id-disinji jerġgħu jiġu ċċekkjati biex ikun żgurat li dawn jaqblu ma' l-ispecifications tal-materjal u l-inġenji li ser jintużaw.

MSCL — Bini ta' vapuri

Question

Peress li kif jaf il-Ministru malli l-MSCL tlesti l-vapuri ta' Għawdex m'għandhomx ordnijiet ta' xogħol ieħor li jiggarantixxi x-xogħol lill-ħaddiema ta' l-azjenda u biex ma jiġrix bħalma ġara lill-ħaddiema tal-Kalaxlokk, jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mill-Gvern biex jinġieb xogħol għal MSCL biex jiġu assigurati l-impjiegi tal-ħaddiema u l-għajxien tal-familji tagħhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Management tal-Malta Shipbuiliding, minbarra li jgħin fir-riorganizzazzjoni tal-Kumpanija, jrid jistabbilixxi marketing department biex din l-azjenda tkun tista' tattira xogħol ġdid wara li jitlestew il-vapuri t'Għawdex. Biex dan isir b'suċċess trid titjieb il-produttivita' f'din il-Kumpanija li bħalissa hi pjuttost baxxa biex tattira xi xogħol ġdid. Irid isir kull sforz possibbli biex din is-sitwazzjoni tinbidel biex l-azjenda tkun tista' tikkompeti fis-swieq tal-bini tal-vapuri fuq bażi kemm jista' jkun kummerċjali.
Leg 9 PQ #4357 Sitting 81 1999-03-29 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tat-Turiżmu

White Rocks Holiday Complex — Proġett

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti proposti u l-parametri proposti ta' sit tal-White Rocks Holiday Complex kif propost li jingħata lil privat mill-gvern? Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' konsultazzjoni saret mal-Kunsill Lokali ta' Pembroke dwar dak propost fil-proġett imsemmi? Jaf jew le l-Ministru li l-White Rocks Holiday Complex jagħmel parti mill-konfini tal-Kunsill Lokali ta' Pembroke?

Response (REFALO, MICHAEL)

Kif żgur jaf l-Onor. Membru d-'Development Brief' dwar il-'White Rocks Holiday Complex' jinsab għall-bejgħ mill-Ministeru u ma jidhirlix li jkun xieraq li jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, għalhekk aċċessibbli mingħajr ħlas, waqt li ħaddieħor ikun ħallas qabel ma jagħlaq iż-żmien stabbilit għar-reġistrazzjoni ta' interess fil-proġett. Naħseb li l-Onor. Membru jaf ukoll li din mhijiex l-ewwel darba li tnieda dan il-proġett u nikkonferma li peress li mill-'foot print' oriġinali, kif suġġerit mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, ma nbidel xejn mill-1995 sallum, il-Kunsill Lokali ta' Pembroke ma ġiex konsultat qabel is-sejħa li saret riċentement. Inżid ngħid li sallum la fil-Ministeru u l-anqas fid-Dipartiment tat-Turiżmu ma waslu kummenti ta' ebda xorta mill-Kunsill ta' Pembroke.

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Riċevimenti

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3298?

Response (BONNICI, JOSEF)

Bħalma hija l-prattika, fl-okkażjoni tal-festi tal-Milied 1998 u l-Ewwel tas-sena 1999, saru żewġ riċevimenti. Dawn saru f`isem il-Ministeru u kienu jikkomprendu liż-żewġ Segretarjati Parlamentari. L-ewwel riċeviment inżamm fit-23 ta` Diċembru 1998 u t-tieni wieħed fil-31 ta` Diċembru 1998. Iż-żewġ riċevimenti saru fil-bini tal-Ministeru, cioe` fil-Berġa ta` Aragona, u l-ikel u xorb ġie pprovdut mid-ditta Arrigo Caterers. L-ispiża totali ta` dawn ir-riċevimenti kienet tammonta għal Lm2179.70c. Inġabru kwotazzjonijit mingħand erba` stabbilimenti li jipprovdu dan it-tip ta` servizz. Dawn huma Percius Caterers, Moulin D`or Caterers, Arrigo Caterers u The Hilltop Co. Ltd. Kif soltu jsir f`okkażjonijiet bħal dawn, għar-riċevimenti msemmija, kienu mistiedna Ministri u Segretarji Parlamentari, membri tal-korp diplomatiku, kapijiet ta` dipartimenti, ażjendi u korporazzjonijiet, membri tal-korpi kostitwiti, uffiċjali tat-trade unions u persuni oħra li n-natura ta` l-operat tagħhom ikollha kuntatt frekwenti mal-Ministeru.
Leg 9 PQ #3934 Sitting 80 1999-03-24 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Exhaust emmission limits

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix informazzjoni dwar l-exhaust emission limits f'pajjiżna? Jekk jeżisti, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni msemmija sena b'sena għal dawn l-aħħar erba' snin (1994 - 1998)?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li għajr għall-Clean Air Act, li tikkontrolla l-emissjoni ta' duħħan iswed, u li għalhekk ma titqiesx bħala leġislazzjoni moderna, ma jeżistux limits dwar emissions ta' gassijiet fl-arja li huma nfurzati fuq bażi legali f'pajjiżna. Fl-1994 id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent ġabar informazzjoni f'forma ta' nventarji ta' emissjonijiet fl-arja minn sorsi ewlenin bħal dawk relatati ma' produzzjoni ta' elettriku, mit-traffiku, mill-qasam industrijali u dak agrikolu. Din l-informazzjoni tirrigwarda emissjonijiet ta' l-aktar kontaminanti antropoġeniċi mportanti u nġabret skond il-metodoloġija tal-Corinair. Fl-1998 twettaq għall-ewwel darba ġo Malta mid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent programm preliminari ta' monitoraġġ tal-carbon monoxide f'ċentri abitati. Ir-riżultati miksuba jinstabu ppubblikati fuq il-website tad-dipartiment. Barra minn hekk id-Dipartiment jikkollabora man-National Oceanic and Atmospheric Administration biex jimmonitorja "background levels" ta' carbon monoxide, carbon dioxide u methane minn Ta' Pinu Point ġewwa Għawdex.

Enemalta — Electrical power demand

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena mill-1992 'il hawn kemm kien l-ammont massimu ta' l-electrical power demand (MW) kemm fix-xhur tax-xitwa kif ukoll fix-xhur tas-sajf, separatament? Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma is-sistemi u kemm jammontaw is-sistemi li jipprovdu l-elettriku, is-sena li nbnew u x'tip ta' fuel jużaw?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #3936 Sitting 80 1999-03-24 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Miżbliet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta' miżbliet f'Malta u f'Għawdex? Jista' l-Ministru jgħid x'kapaċita' ta' tunnellaġġ jipposjedu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' miżbliet uffiċjali f'Malta u Għawdex huwa ta' tnejn - waħda fil-Magħtab, Malta u l-oħra fil-Qortin, ix-Xagħra, Għawdex. Il-kapaċita' li jipposjedu dawn iż-żewġ miżbliet hija:- madwar ħdax-il miljun (11,000,000) tunnellata, l-miżbla tal-Magħtab u ħames mija u ħamsa u għoxrin elf (525,000) tunnellata, l-miżbla ta' Għawdex.

Popolazzjoni Maltija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont ta' popolazzjoni residenti f'Malta u f'Għawdex mill-1990 sa l-1998 sena b'sena? Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena x'inhu mistenni li jkun l-ammont imsemmi sas-sena 2015? Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'kien l-ammont ta' popolazzjoni kemm permamenti kif ukoll temporanjament (turisti) b'mod separat mill-1990 sa l-1998 fix-xhur ta' Ġunju, Lulju, Awissu u Settembru?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ta' min jgħid li peress li l-aħħar ċensiment tal-popolazzjoni sar fl-1995 u peress li ċensiment simili hu ppajant li jsir fis-sena 2005, ma narax li l-popolazzjoni għandha tiġi pproġettata lil hinn minn dik is-sena.
Leg 9 PQ #3938 Sitting 80 1999-03-24 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Municipal solid waste

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' municipal solid waste separatament kif indikat hawn taħt? (1) corrgated boxboard; (2) newspapers; (3) magazine books; (4) all other papers; (5) plastic; (6) rubber leather; (7) wood; (8) textiles; (9) yard trimmings; (10) food waste; (11) metal; (12) glass/ceramics/etc; u (13) composite?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Skond statistika miġbura mid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent (1990 - 1997), hu stmat li f'Malta jiġi prodott madwar 120,000 tunellata Municipal Solid Waste fis-sena. Dan jirreferi għal skart li daħal fil-miżbliet jew fl-impjant ta' Sant'Antnin. Il-persentaġġ tal-frazzjonijiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant huma hekk: FRAZZJONI %, bil-piż -------------------------------------------------- -------------- Organiku (fdalijiet ta' ikel, green waste, eċċ.) 45 Karta u kartun 20 Plastik 14 Tessili 5 Metall 5 Ħġieġ u ċeramika 3 Injam 1 Oħra 7

Djar — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-miżati għall-ġbir ta' applikazzjonijiet u bills payable li jiġu mitluba mill-Awtorita' tad-Djar għal kull skema li għandha, skema bi skema? Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn dawn il-miżati u bills payable ġewx aġġustati jew mibdula? Jekk ġew mibdula, jista' l-Ministru jgħid skema bi skema x'kien it-tibdil?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-"Bills Payable" miġbura mill-Awtorita' tad-Djar fuq l-iskemi tagħha huma dawn: (a) Fuq Skema I - Lm 20 Fuq Skema L - Lm 10 Fuq Skema M - Lm 20 Fuq Skema N - Lm 20 Dawn il-miżati jiġu rimborżati lill-benefiċjarji wara l-iffirmar tal-kuntratt. (b) Fuq Skema Numru Wieħed - Lm 5 Fuq Skema Numru Tlieta - Lm 5 Dawn ma jiġux rimborżati lill-applikanti. Taħt kull skema titħallas 50c għal kull applikazzjoni. Mill-5 ta' Settembru 'l hawn ma kien hemm l-ebda żieda f'dawn il-miżati. 24.3.99
Leg 9 PQ #3890 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti li nqabdu bid-droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti matul is-sena skolastika 1997/98 u din li qegħdin fiha separatament ta' studenti li nqabdu bid-drogi fl-iskejjel ta' l-Istat kif ukoll fl-iskejjel privati u dawk tal-Knisja? Fl-istess żmien kemm kien hemm li ġew identifikati li kienu jieħdu d-droga b'mod regolari? Kemm minnhom kienu studenti subien u kemm bniet? X'kienu l-etajiet tagħhom? X'passi ttieħdu f'kull każ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-informazzjoni rikjesta hi kif se nsemmi: 1997 - 1998 - xejn 1998 - 1999 - każ wieħed Fil-każ tal-1998 - 1999, dan ġie riferut lil SEDQA għall-'counselling' speċjalizzat. Il-każ kien jirrigwardja tifel ta' 14-il sena, iżda mhux stabbilit jekk kienx jieħu droga b'mod regolari. L-iskejjel tal-Knisja u Privati ma jirrappurtawx każi simili lid-Diviżjoni ta'l-Edukazzjoni.
Leg 9 PQ #3914 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Permess għaċ-Ċirku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk intalabx permess u eventwalment ingħata, mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex jopera is-Circus fi Blata l-Bajda mit-18 ta' Diċembru, 1998 sal-20 ta' Jannar, 1999? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex meħtieġ permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal attivita' bħal din għal tul ta' żmien kif imsemmi aktar 'l fuq? Jista' jgħid ukoll x'permessi inħarġu u mil-liema dipartiment jew entita' nħarġu u għal-liema tul ta' żmien? Jista' jgħid min kienu l-applikanti għal din l-attivita'? Jekk b'xi mod inkisret il-liġi, jista' l-Ministru jgħid x'passi ittieħdu u min minn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ntalbu żewġ permessi separati lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex ikun operat circus fi Blata l-Bajda. Dawn it-talbiet kienu jkopru l-perijodu bejn it-18 u l-31 ta' Diċembru, 1998, u bejn l-1 u l-14 ta' Jannar, 1999. L-Awtorita' tat il-permess meħtieġ a bażi tal-provvedimenti ta' Avviż Legali 137 ta' l-1997 [Ordni ta' l-1997 dwar Żvilupp Ġenerali (Nru. 2)] - Klassi 13 (Użi Temporanji). Ninsab infurmat ukoll li skond l-imsemmi Avviż Legali, sakemm l-applikazzjoni dwar l-użu ta' l-art ma jkunx jeċċedi 14 il-ġurnata, notifikazzjoni tkun biżżejjed sabiex jingħataw il-permessi meħtieġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Talbiet għall-użu ta' art għal perijodi ta' aktar minn 14 il-ġurnata jkunu jinħtieġu applikazzjonijiet formali. Dwar it-tielet u r-raba parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba hi kif ġej : - Applikant Perijodu Dipartiment --------- -------- ----------- Leisure & Theme Park Ltd 14.12.98 sal-31.12.98 Artijiet 24.12.98 sal-31.12.98 Pulizija Publius Said 01.01.99 sal-14.01.99 Artijiet 01.01.99 sal-14.01.99 Pulizija Leisure & Theme Park Ltd 15.01.99 sal-24.01.99 Artijiet 15.01.99 sal-24.01.99 Pulizija 23.03.99
Leg 9 PQ #3915 Sitting 79 1999-03-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tat-Turiżmu

Beach cleaners

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ħaddiema Beach Cleaners qed jagħmlu xogħol jew għamlu xogħol ta' manutenzjoni tal-Ġnien Indipendenza, Sliema? Jista' l-Ministru jgħid min ordna dan ix-xogħol? Jista' l-Ministru jgħid min ta l-ordni biex dawn il-ħaddiema jagħmlu dan it-tip ta' xogħol? Jista' l-Ministru jgħid min se jħallas għal dan ix-xogħol u lil min se jsir il-ħlas? Jaf jew le l-Ministru li dawn il-ħaddiema huma Group B/General Hand u għalhekk mhux suppost li tqabdu jagħmlu dan ix-xogħol?

Response (REFALO, MICHAEL)

Il-Ministeru tat-Turiżmu ta' spiss jirċievi talbiet minn Kunsilli Lokali biex isir xogħol ta' manutenzjoni fuq postijiet pubbliċi bħal ġonna jew postijiet turistiċi. Il-Kunsill tas-Sliema għamel talba simili biex isir xogħol ta' manutenzjoni fuq il-Ġnien ta' l-Indipendenza. Id-Dipartiment tat-Turiżmu laqa' din it-talba u sar xogħol ta' żebgħa ta' bankijiet, railings madwar il-Ġnien u xogħol ieħor simili. Iż-żebgħa u materjal ieħor ġie provdut mill-Kunsill Lokali u d-dipartiment ma daħal għal ebda spiża żejda. Dan ix-xogħol hu skond il-politika tal-Ministeru li jsebbaħ il-prodott turistiku madwar Malta kollha. Xogħol simili sar fl-inħawi tal-Forti ta' Sant Anġlu u fl-inħawi ta' Għar Ħasan.

Air Malta — Transfers

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3116 u ċioe' jista' jgħid kemm ingħataw transfers mid-29 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru, 1998 fl-Air Malta? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Matul il-perjodu ndikat saru 9 trasferimenti fl-Air Malta sabiex jinqdew l-esiġenzi tal-Kumpanija. Bħalma diġa` għidt fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 470, trasferimenti f'din l-azjenda jsiru skond u meta jkun hemm bżonn.

Maltacom — Transfers

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3117 u ċioe' jista' jgħid kemm ingħataw transfers mid-29 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru, 1998 fil-Maltacom? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-tranfers? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Matul il-perjodu msemmi saru 31 trasferiment. Dawn saru jew skond l-esiġenzi tal-Kumpanija inkella wara talba ta' l-impjegat innifsu. Trasferimenti futuri jsiru skond il-ħtiġijiet tal-Kumpanija.

Gozo Channel — Transfers

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3121 u ċioe' jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatawx transfers mid-29 ta' Ottubru sal-31 ta'Diċembru, 1998 fil-Gozo Channel? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-perjodu msemmi ma sarux trasferimenti fil-Gozo Channel. Trasferimenti futuri jsiru jekk l-interessi tal-Kumpanija jkunu jitolbu dan.