Jista' l-Ministru jinvestiga kif persuna, li isimha qiegħed jintbagħat separatament, li huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ użat il-photocopy machine tad-Drawing Office tad-Dipartiment tad-Drenaġġ (Uffiċċju Ċentrali) għall-kampanja elettorali tagħha għall-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ f'isem il-Partit Nazzjonalista?
Jista' l-Ministru jgħid kemm sar ħlas sa issa lil MDC mill-bejgħ tal-lukanda Verdala? Jista' jgħid jekk hemmx ħlas b'lura li jrid isir? Jista' jgħid kemm fadal ħlas xi jsir lil MDC?
Response (BONNICI, JOSEF)
S'issa l-MDC irċeviet is-somma ta' Lm1,306,625 mill-bejgħ tal-lukanda Verdala. Dwar il-bilanċ dovut, bħalissa għaddejjin taħdidiet bejn il-partijiet interessati, u għalhekk mhux prudenti li f'dan l-istadju jingħataw dettalji.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jintervjeni sabiex fil-komun u l-aperturi ta' Juno Flats fil-qasam tad-djar, Pembroke, isir xogħol ta' tibjid u tiswija peress li l-imsemmija flats m'humiex fi stat tant pjaċevoli? Jaf il-Viċi Prim Ministru li r-residenti ilhom li għamlu dawn it-talbiet żmien twil u xorta baqa' ma sar xejn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif aktarx jaf l-Onor. Interpellant, ftit tas-snin ilu kienu saru diversi xogħolijiet ta' manutenzjoni f'Juno Flats. Huwa minnu wkoll li għad baqa' ħafna x'isir u għalhekk għaddejt il-każ lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jagħtih prijorita'.
4.5.99
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3561 peress li l-informazzjoni mitluba hija importanti u validissima? B'riferenza għar-risposta li tani diġa' għal din il-mistoqsija, jista' l-Ministru jgħid minn liema standing orders toħroġ it-talba tal-validita'?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fid-Dipartiment hemm 3 'Scanners' li jinsabu fis-sezzjonijiet kif jidher hawn taħt:-
Sezzjoni Mudell Prezz Data
tax-Xiri
------------------------------------------------ ------------
Health Information ARTISCAN ZI-1200 Lm248 1996
Health Promotion HP SCAN JET 4p Donazzjoni 1998
D.G.H. LEO Lm95 1998
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 3567 peress li l-informazzjoni mitluba hija importanti u validissima?
B'riferenza għar-rispsota li tani diġa' għal din il-mistoqsija, jista' l-Ministru jgħid minn liema standing orders toħroġ it-talba biex nagħti raġuni għaliex qed nitlob l-imsemmija informazzjoni?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li l-Onor. Membru ma ta ebda raġuni li ssostni l-importanza u validita' msemmija minnu, m'għandix xi nżid mat-tweġiba li tajtu qabel ħlief li jekk jitlob għalihom, dispost nagħtih il-faċilitajiet kollha biex jagħmel l-indaġini tiegħu personalment fil-Ministeru u d-dipartimenti u l-organizzazzjonijiet li politikament responsabbli minnhom.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija nirreferih għall-prassi kif spjegata fl-aħħar edizzjoni ta' l-'Erskine May'.
Peress li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 362 b'riferenza għall-appartamenti addizzjonali tal-Housing Estate ta' Ta' Giorni l-Ministru qal li "Kif aktarx jaf ukoll l-istess interpellant, l-applikazzjoni kienet ġiet rifjutata minħabba li dan il-proġett kien se joħloq wisq konġestjoni" u peress li fir-rapport ta' l-Awtorita' tad-Djar 1997/98 f'paġna 22 fost affarijiet oħra hemm miktub "L-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħarġet permessi għal bini ta' sulari ġodda fil-lokalitajiet" u jsemmi l-lokalitajiet fosthom Ta' Giorni, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema hija l-informazzjoni korretta fir-rigward tal-ħruġ ta' permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, hux dik tal-mistoqsija parlamentari numru 6362 jew dik f'paġna 22 paragrafu 5 tar-rapport ta' l-Awtorita' tad-Djar 1997/98?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fil-fatt dan il-proġett hux se jitwettaq? Jekk se jitwettaq, hux se jiġu installati lifts għal benefiċċju tar-residenti? Jekk ma huwiex se jitwettaq, se jiġu installati lifts?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-permess li kien ġie miċħud mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, jirreferi għal proġett ta' Ta' Xbiex. Mill-banda l-oħra l-applikazzjoni għall-proġett f'Ta' Ġiorni, kienet ġiet aċċettata w l-permess nħareġ. Għalhekk l-informazzjoni mogħtija kemm fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 362 kif ukoll fir-rapport tal-Awtorita' tad-Djar huma korretti. Dwar il-"lifts", ser inħabbar skema għall-istallazzjoni ta' "lifts" f'bini tal-Gvern fil-ġranet li ġejjin.
4.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min kienu id-Diretturi jew Aġenti Diretturi tad-Dipartiment ta' l-Anzjani fis-snin 1996, 1997 u 1998?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kull wieħed minn dawn kemm dam fil-kariga?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fis-snin 1996 u 1997 id-Direttur tad-Dipartiment għall-Anzjani kien is-Sur John Buhagiar. Huwa kien ilu Direttur madwar 8 snin. Fl-aħħar tal-1997 u matul l-1998 kien hemm bħala Aġent Direttur is-Sur Lino Attard. Fl-aħħar xhur ta' l-1998 ġie appuntat Aġent Direttur is-Sur Edward D'Agostino.
4.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema fid-Dipartiment ta' l-Anzjani li ġiet imnaqqsa lilhom il-paga għax irrapportaw tard għax-xogħol minn Settembru 1998 sa Jannar 1999?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu jammontaw il-flus imnaqqsa lill-ħaddiema?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid mil-liema sections, section b'section ġejjin il-ħaddiema li rrapportaw tard għax-xogħol?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-ħaddiema in kwestjoni ngħatawx ċans jagħtu spjegazzjoni qabel sar it-tnaqqis mis-salarju tagħhom kif ipprovdut fl-Estacode?
Response (GONZI, LAWRENCE)
1. In-numru ta' ħaddiema fid-Dipartiment ta' l-Anzjani li ġiet imnaqqsa lilhom il-paga għax irrapportaw tard għax-xogħol kien hekk:-
Settembru 1998 - 3 persuni
Ottubru 1998 - 3 persuni
Novembru 1998 - 6 persuni
Diċembru 1998 - 3 persuni
Jannar 1999 - xejn s'issa
2. Il-flus imnaqqsa lill-ħaddiema jammontaw għas-somma ta' Lm56.70.
3. Is-Sezzjonijiet tal-ħaddiema li rrapportaw tard għax-xogħol fix-xhur ta' bejn Settembru u Diċembru 1998 huma dawn:-
Intake Section
Home Help Section
Registry Section
Handyman Section
Accounts Section
Inventory Section
Administration
4. Il-ħaddiema li tnaqqsitilhom il-paga kellhom l-opportunita' li jagħtu spjegazzjoni għaliex irraportaw tard għax-xogħol lill-Personnel Section, u fejn kien hemm raġuni valida, ma ttieħdu l-ebda passi.
4.5.99
Dipartiment ta' l-Anzjani — Kontijiet tat-telephone
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu jammontaw il-kontijiet tat-telephone linja b'linja u section b'section fid-Dipartiment ta' l-Anzjani fis-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma nħossx li għandi naħli l-ħin ta' l-uffiċjali tad-Dipartiment sabiex tinġabar din l-informazzjoni kif mitluba u għal tant snin b'lura. Din tirrekjedi ħafna xogħol. Pero' se nagħti l-ammont globali li ntefaq f'kontijiet tat-telephone ta' l-istess snin:
1994 Lm 28,135
1995 Lm 19,558
1996 Lm 22,196
1997 Lm 39,780
1998 Lm 31,411
4.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jirċievu s-servizz tal-homehelp? Jista' jgħid minn liema lokalita' ġejjin, lokalita' b'lokalita'?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm minn dawn bdew jingħataw is-servizz wara l-5 ta' Settembru, 1998?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid minn liema lokalitajiet ġejjin dawk li bdew jingħataw is-servizz wara l-5 ta' Settembru, 1998?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ammontaw is-sigħat ta' servizz b'mod globali fis-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
4.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-attendance sheets tal-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Anzjani tiġi miġbura mill-Aġent Direttur u mhux mill-Human Resources Manager?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Din il-prattika ġiet introdotta f'Novembru 1997 mill-Aġent Direttur ta' dak iż-żmien u għada l-istess sal-lum. Dan kien sar sabiex ikun hemm aktar kontroll rigward min jidħol tard għax-xogħol.
4.5.99
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li dan l-aħħar il-Gvern xtara numru ta' karozzi tal-marka BMW? Jekk inxtraw, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm laħqet l-ispiża? Għal-liema skop inxtraw? Minn min se jintużaw?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn ma nxtrawx karozzi tal-marka BMW fid-dikasteru tiegħi.
Rigward xiri minn Ministeri oħra nitlob lill-Onor Interpellant jistaqsi lill-Ministri direttament.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stat ta' immaniġġjar jinsab il-Masġar il-ġdid tax-Xagħra l-Ħamra tal-Manikata, (taħt il-ġibjun) dak li kien inbeda taħt l-ex-ministru L. Gatt u li fit-taħwil tiegħu kienu ħadu sehem l-għaqdiet mhux governattivi? Sar xi taħwil u tgħawwid fih f'din is-sena? X'tip ta' tħaris qiegħed jingħatalu mid-Dipartiment tal-Biedja llum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ix-xogħol f'dan il-masġar waqaf ħesrem meta inqas minn sentejn ilu ttieħdet deċisjoni biex dan is-sit jintuża bħala mudell ta' ġnien tal-frott sperimentali.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-masġar ġdid li kien tħawwel mill-ministeru/dipartiment tal-biedja flimkien mal-moviment tal-Facolarini, fil-biċċa ta' isfel tal-kamp ta' Għajn Tuffieħa, qrib it-triq? F'liema stat ta' immaniġġjar jinsab dan il-masġar il-ġdid? Sar taħwil u tgħawwid fih f'din is-sena? X'tip ta' tħaris qiegħed jingħatalu mid-dipartiment tal-biedja llum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Meta twaqqaf dal-masġar ħames snin ilu kienet issir manutenzjoni regolari, inkluża dik ta' drip irrigation fl-ewwel sentejn. Wara dan, sar vandaliżmu fuq is-sit u peress li dan inkluda ħruq ukoll, kienet inqerdet il-parti kbira tas-siġar. Ġie nnutat li dan l-aħħar sar tindif u ħart fil-parti l-kbira qrib it-triq prinċipali, imma mhux magħruf minn min. Il-kumplament tas-sit għadu fi stat witi, biss għad baqa' tlett siġriet tal-prinjol ħajjin. Peress li dan is-sit li jaqa' taħt id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni, għandu aċċess miftuħ u qiegħed jintuża bħala picnic area mill-pubbliku wkoll, għal-mument mhux qed jitkompla x-xogħol ta' tħawwil.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju biżżejjed tal-fatt li qiegħed jitwettaq żbir ta' siġar mill-ġonna kollha ta' pajjiżna? Jaf il-Ministru biż-żbir bla ħtieġa ta' xejn u fl-agħar żmien possibbli tas-sena tas-siġar tal-palm? Jaf li dan sar ukoll f'ġonna li jaqgħu taħt il-kontroll dirett tal-gvern ċentrali bħal fil-Mall, il-Furjana? Il-Ministru hu konxju li dan qiegħed iservi ta' dannu għall-bijoloġija ta' l-istess siġar, filwaqt li qiegħed ikerrah l-ambjent? Huwa konxju l-Ministru li dan iż-żbir esaġerat u bla bżonn mid-Dipartiment tal-Biedja qiegħed juri li d-dipartiment għandu nuqqas ta' nies kompetenti biex jikkontrollaw ix-xogħol, filwaqt li qiegħed iservi ukoll ta' skandlu u eżempju ħażin għal nies oħra li jaħdmu fil-ġonna f'pajjiżna? Jista' l-Ministru jikkonsidra li jibdel il-policy tad-dipartiment f'dan il-qasam?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li xejn minn dak li ntqal fil-mistoqsija m'hu korrett. Saret żabra tal-weraq nixfin u oħrajn miksura skond kif titlob is-sengħa u kif kien meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk f'każ ta' koppja miżżewġa li jgħixu flimkien u li legalment huma separati u li xi waħda minnhom tieħu l-pensjoni mnaqqsa b'riżultat tas-separazzjoni xi jkun is-sehem lil persuna l-oħra mill-imsemmija pensjoni mnaqqsa? Jekk sistema bħal din ma teżistix, jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb tal-gvern li jintroduċi xi ħaġa f'dan is-sens?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, filwaqt li fil-każ ta' pensjonijiet li jitħallsu b'rati fissi l-liġi tiprovdi rata għal raġel miżżewweġ li jmantni mara u rata oħra għal persuna waħedha, fil-każ ta' pensjoni li titħallas taħt l-iskema nazzjonali taż-żewġ terzi, r-rata ta' pensjoni għal raġel miżżewweġ u persuna waħedha hija l-istess.
Għalkemm iż-żewġ tipi ta' pensjoni jistgħu jitnaqqsu jew jinqasmu (skond il-każ) minħabba separazzjoni, dan it-tnaqqis jew qsim isir kemm il-darba jkun hemm sentenza tal-Qorti li tordna dan, jew jekk ikun hemm xi forma ta' ftehim legali bejn il-partijiet.
L-ammont li bih tinqasam il-pensjoni ikun regolat skond is-sentenza tal-Qorti jew il-ftehim legali imsemmi. Fin-nuqqas ta' sentenza tal-Qorti jew Ftehim legali bejn il-partijiet, il-pensjoni tinqasam biss kemm il-darba il-pensjonant nnifsu jaċċetta li jsir dan.
F'dan il-każ jekk il-pensjonant jinsisti li l-pensjoni ma tinqasamx, fil-każ tal-pensjoni taż-żewġ terzi ma jista' jsir xejn iżjed legali mid-Dipartiment, filwaqt li fil-każ ta' pensjoni li titħallas b'rata fissa, kemm il-darba ikun ipprovat li r-raġel mhux imantni lil martu, id-Dipartiment inaqqas dik il-parti dovuta għal mara mir-rata tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali. Din il-parti li titnaqqas ma titħallasx lil mara. Fl-istess waqt id-Dipartiment jitlob lil mara sabiex tibda proċeduri legali kontra żewġha għal manteniment.
3.5.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-Gvern li l-postijiet tal-Gvern fl-oqsma residenzjali ta' San Patrizju u Sant'Andrija, f'Pembroke jiġu mibjugħa lill-inkwilini li qed jokkupaw ir-residenzi msemmija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar bdiet tagħmel il-"valuations" fuq ir-residenzi tal-lokalitajiet imsemmija fejn l-inkwilini tagħhom għamlu talba biex jixtru r-residenza governattiva tagħhom.
3.5.99
Jista' l-Ministru jintervjeni biex problema fis-sistema tad-dawl fi blokk 4, in-naħa ta' flat 9 u 10 fil-Qasam tad-Djar San Patrizju, f'Pembroke tiġi solvuta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Interpellant jagħti aktar dettalji speċifiċi sabiex l-ilment in kwistjoni jkun jista' jiġi nvestigat.
Jista' l-Ministru jgħid l-Aġent Direttur fid-Dipartiment ta' l-Anzjani b'liema awtorita' u skond liema regolamenti jew proċeduri qiegħed inaqqas mis-salarju ta' l-impjegati li jirrapportaw tard għax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-prattika li jitnaqqsu l-flus mis-salarju meta mpjegati jirrapportaw tard għax-xogħol toħroġ mir-Regolamenti ta' l-Estacode, Paragrafu 3.1.2.5 u minn ċirkolarijiet li jinħarġu mill-OPM.
3.5.99