B'riferenza għall-iskema mħabbra riċentemet mill-Awtorita' tad-Djar rigward stallazzjoni ta' lifts f'appartamenti tal-gvern u fid-dawl ta' dak li ħabbar il-Ministru jiġifieri li appartamenti li jgħixu fihom persuni b'diżabilita' mobilitarja se jingħataw prijorita', jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi meħtieġa u mmedjati biex Blk H Triq Jean Hovel, Ta' Ġiorni, jingħata prijorita' b'din l-iskema peress li fl-imsemmi appartament tgħix persuna b'diżabilita' mobilitarja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Din l-iskema preżentement tapplika għal lokalitajiet tal-Kottonera, Kalkara, Floriana u l-Belt Valletta.
22.6.99
Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex problema fis-sistema tad-drenaġġ li hemm f'Telgħet Birkirkara, San Ġiljan u li hi riżultat ta' problema li hemm taħt tappiera li qiegħda quddiem il-bibien numri 23 u 24 tiġi solvuta mill-aktar fis possibbli peress li din qed toħloq inkonvenjenti kbar għar-residenti ta' l-inħawi peress li minħabba din il-problema qed jidħol id-drenaġġ f'uħud mid-djar tan-nies ta' din it-triq?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jien infurmat li minn investigazzjoni li għamel id-dipartiment, ġie nnutat li din il-problema minkejja illi s-sezzjoni tat-tindif naddaf il-main regolarment qed tiġri ta' spiss u għalhekk qed jittieħdu passi biex isiru xi xogħlijiet ġodda biex din il-problema tissolva darba għal dejjem.
Mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn, tista' l-Ministru tgħid liema kienu dawk il-postijiet vakanti f'kull grad u f'kull pożizzjoni li kienu jeżistu u qed jeżistu fil-preżent f'kull dipartiment u f'kull segretarjat fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li għalih/hom ħarġu jew se joħorġu sejħiet għal applikazzjonijiet? Għal kull sejħa ta' applikazzjoni li saret kemm kien hemm applikanti? Min kienu l-applikanti? Meta saru l-intervisti meħtieġa? Min intgħażel biex jimla' dawn il-postijiet vakanti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija mogħtija fil-listi annessi. Din l-informazzjoni tikkonċerna postijiet vakanti li jeżistu fid-dipartimenti tal-Ministeru għal Għawdex li huma diġa' approvati mill-Uffiċċju tal-Management and Personnel jew li saret talba għalihom lill-istess uffiċċju. Talbiet għal sejħiet oħrajn isiru skond il-bżonnijiet li jkollhom id-Dipartimenti minn żmien għall-ieħor.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fil-grad ta' Senior Messenger, Messenger u General Hand jaħdmu f'dipartimenti tal-Gvern f'Għawdex?
Min huma u fejn qegħdin? Hemm xi ħaddiema mpjegati bħala General Hand li qed jagħmlu xogħol ta' messaġġiera? Jekk fl-affermattiv, min huma u fejn jaħdmu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni qegħda tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Barra mis-segretarji, tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati oħra jaħdmu part-time jew fulltime mal-Kunsilli Lokali f'Għawdex? Min huma? Kif ġew ingaġġati u meta? X'inhu s-salarju tagħhom kull sena? X'inhu xogħolhom fil-kunsill lokali?
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Nazzjonalista ħejjiex policy dwar il-pożizzjoni tiegħu - jekk kemm-il darba Malta tidħol membru fl-Unjoni Ewropea - rigward iż-żewġt kurrenti ta' politika preżenti fl-Unjoni Ewropea u ċioe':- koperazzjoni akbar bejn il-gvernijiet imsieħba jew federazzjoni Ewropea?
Response (BORG, JOE)
Il-Gvern huwa tal-fehma li m`hemm l-ebda neċessita li tiġi stabbilita politika simili ġaladarba id-differenzi bejn dawn iż-żewġ kurrenti ta` fehmiet, li tajjeb li wieħed jgħid qatt ma` kienu ta` xi entita` estrema matul is-snin, qegħdin kull ma` jmorru joqorbu dejjem aktar lejn xulxin. Ta min wieħed jgħid li fil-futur, bħala membru ta` l-Unjoni, Malta tkun f`pożizzjoni li tipparteċipa u tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-istess Unjoni.
Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar minn Settembru 1998 'il hawn kemm inqatgħu persuni minn fuq il-lista ta' persuni li jirreġistraw, kemm għax sabu mpjieg u kemm mod ieħor?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
21.06.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm jammontaw il-ħaddiema li jaħdmu fuq bażi full-time u part-time fil-lukandi f'pajjiżna? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid ukoll kemm jammontaw il-ħaddiema li jaħdmu fuq bażi full-time u part-time fir-restaurants, bars u postijiet ta' divertiment f'pajjiża?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-aħħar ta' April 1999, in-numru ta' persuni li kienu jaħdmu fil-lukandi fuq bażi full-time kien ta' 5,895 u part-time kien ta' 3,496. Dawk il-persuni li kienu jaħdmu fir-restaurants, bars, eċċ. fuq bażi full-time kien ta' 3,348 u part-time kien ta' 3,830.
21.06.99
Jista' l-Ministru jgħid x'politika għandu l-gvern dwar l-edukazzjoni inklussiva, jiġifieri hux se jżomm l-istreaming biex iwaqqfu fid-diversi livelli ta' l-edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'dan l-istadju mhux kontemplat li jitwaqqaf l-istreaming b'riżultat tad-dħul ta' l-edukazzjoni inklussiva f'xi livell ta' l-edukazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda jimla' l-postijiet vakanti ta' kapijiet f'għadd ġmielu ta' skejjel statali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa m'hemm ebda assistent kap jistenna li jilħaq kap għax il-lista ta' applikanti li għaddew b'suċċess mill-aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet, ġew appuntati kollha. Bħalissa hemm sejħa għall-applikazzjoni għal kap ta' skola li għalqet fit-28 ta' Mejju 1999.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex għadu ma bediex jibgħat għall-kandidati għall-ħatra ta' assistenti kapijiet ta' l-iskejjel meta għoddu ntemm ix-xahar ta' Mejju li fih kien intrabat li jibgħat għall-kandidati?
Response (GALEA, LOUIS)
Nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-interviews li jridu jsiru għall-għażla ta' assistenti kapijiet fl-iskejjel primarji. Jekk inhu hekk, informat li l-intervisti bdew, kif programmat, fix-xahar ta' Mejju, i.e. fil-31 ta' Mejju 1999.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm skrivani fl-ITS li qegħdin b'kuntratt?
Jista' jgħid meta ġew impjegati, mil-liema lokalita' huma u xi kwalifiki għandhom?
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5951, jista' l-Ministru jgħid min huma l-impjegati seconded mal-ministeru u minn liema entita' ġejjin peress li t-tweġiba tirriferi biss għas-segretarjat privat?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-impjegati li qegħdin 'on secondment' huma kif jidhru hawn taħt:
Impjegati tal-Gvern 'seconded' mal-'N.T.O.M.'
Paul Galea
Louis Azzopardi
Joe Bonnici
Charles Abdilla
Impjegati tal-'N.T.O.M.' 'seconded' mad-Dipartiment tat-Turiżmu
Romina Verzin
Alfred Desira
Anne Marie Sciberras
Anne Marie Sant
Raymond Cassar
Pierre Callus
Peress li Villa Fieres, 141 (4) fi Pjazza Spinola, San Ġiljan, hija dikjarata skedata Grad 2 skond it-termini tal-policy UCO 7 tal-pjan ta' struttura, u peress li ġiet sottomessa applikazzjoni lil Lands Administration u lil Planning Authority għall-bini ta' lukanda fuq l-imsemmi sit bin-numru 1916/99, jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa skond il-parametri tal-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż biex il-proprjeta' Villa Fieres tiġi mħarsa u salvata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ġiet irtirata fil-15 ta' Mejju, 1999.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi immedjati sabiex xogħol ta' tibdil ta' servizzi fit-toroq, Lapsi, il-Kbira u San Ġorg f'San Ġiljan li ilu li beda xhur jitlesta mill-aktar fis possibbli u eventwalment jitlesta wkoll ix-xogħol ta' manutenzjoni fl-imsemmija toroq peress li dan qiegħed joħloq inkonvenjent kbir kemm għar-residenti kif ukoll għas-sewwieqa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol f`Lapsi Street jikkonsisti fit-tqegħied ta` `Cable ` tad-dawl li issa tlesta, u fil-bdil ta` `water main` u `house services`.
Infurmat ukoll li qed jittieħdu l-passi neċessarji biex ix-xogħol koness mat-toroq ikun jista` jitlesta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Gozo Channel mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' april, 1999? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul il-perjodu msemmi ma ġewx impjegati ħaddiema ġodda mal-Kumpanija Gozo Channel.
Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-proġett tat-twaqqif ta' Ċentru tar-Restawr u xi pjani għandu biex dan iċ-ċentru jitwaqqaf fis-snin li ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara biss ftit xhur mill-bidla fl-amministrazzjoni, il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni pprepara pjanijiet ġodda għat-twaqqif taċ-Ċentru Malti għar-Restawr u nieda żjara ta' tliet esperti Taljani f'April 1999, peress li l-Gvern Taljan intrabat li jgħin fit-twaqqif ta' dan iċ-Ċentru.
Wara li ttieħdu in konsiderazzjoni l-pariri ta' l-esperti Taljani, il-proġett taċ-Ċentru Malti għar-Restawr ġie approvat mill-Kabinett nhar it-Tnejn 26 ta' April 1999.
L-istatut taċ-Ċentru (MCR) kien maqbul u ċ-Ċentru formalment kien imwaqqaf permezz ta' ftehim bejn l'Universita` ta' Malta u l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni li ġie ffirmat nhar it-Tnejn 3 ta' Mejju 1999. Dakinhar stess ġew maħtura ċ-Chiarman u l-membri tal-Bord li jmexxi ċ-Ċentru. L-MCR jinkorpora fih ukoll Istitut għall-Istudji fir-Restawr.
It-twaqqif taċ-Ċentru tħabbar pubblikament f'konferenza stampa li saret nhar il-Ġimgħa 7 ta' Mejju fil-preżenza tar-Rettur ta' l-Universita`, l-Ambaxxatur Taljan u d-Direttriċi ta' l-Istitut Kulturali Taljan fost l-oħrajn. Matul il-konferenza stampa ġie ppublikat ukoll il-Pre-Prospectus tal-korsijiet ta' studju li ser joffri l-MCR.
Il-Bord li jmexxi ċ-Ċentru ġa ltaqa' bosta drabi f'dawn l-aħħar ġimgħat u fost affarijiet oħra:
1. fetaħ negozjati ma' ċentri Taljani oħra sabiex dawn
ikunu jistgħu jgħinu u jipparteċipaw fl-atvitajiet ta'
l-MCR;
2. bl-għajnuna ta' l-esperti mill-Istituto Centrale per
il Restauro ta' Ruma, sawwar il-pjanijiet dettaljati
għall-korsijiet li ser isiru fiċ-ċentru;
3. ħejja dak li hemm bżonn biex l-ewwel kors preparatorju
ser jibda nhar id-19 ta' Lulju 1999 u li l-ewwel
korsijiet full-time ser jibdew nhar 1-4 t'Ottubru 1999;
4. approva l-Prospectus għall-istudji fir-Restawr;
5. ħareġ sejħa għall-applikazzjonijiet minn studenti li
jistgħu jkunu interessati li jsegwu kors fir-restawr;
6. ħareġ sejħa pubblika fl-Italja għall-applikazzjonijiet
mingħand restawraturi Taljani li ser jitħallsu minn
fondi provduti mill-Gvern Taljan;
7. ħareġ sejħa pubblika f'Malta għall-applikazzjonijiet
mingħand restawraturi u għalliema Maltin li huma
nteressati li jaħdmu part-time u full-time fiċ-ċentru;
8. bl-għajnuna ta' l-esperti Taljani, ħejja pjanti dettaljati
għall-impjanti differenti li hemm bżonn jinxtraw għall-użu
taċ-Ċentru. Qiegħda titlesta wkoll is-sejħa pubblika li
għandha ssir l-Italja għax-xiri ta' ħafna minn dawn
l-impjanti;
Hu maħsub li ċ-Ċentru ser joffri servizzi ta' restawr f'oqsma bħat-tessuti, fuħħar, ċeramika, ħġieġ, injam, pittura, kotba, metalli, skultura, ġebel eċċ. u dan minbarra t-tagħlim f'dawn l-oqsma.
Dan iċ-ċentru ser jiġi attrezzat b'apparat mill-aktar modern, inkluż laboratorju, sabiex jistgħu jiġu rrestawrati bċejjeċ mill-wirt kulturali Malti. Hu maħsub li l-parti l-kbira ta' dan il-laboratorju jkun lest sal-ħarifa ta' din is-sena.
Minbarra dan ix-xogħol ta' restawr, iċ-Ċentru ser iħaddan ukoll fih Istitut għall-Istudji fir-Restawr. B'hekk, studenti Maltin, kif ukoll numru żgħir ta' studenti barranin, ikunu jistgħu jistudjaw l-arti u x-xjenza tar-restawr sa livell professjonali kif rikonoxxut internazzjonalment. Il-livell internazzjonali tal-korsijiet ser jiġi assigurat bl-għajnuna ta' l-aqwa ċentri Taljani ta' fama mondjali bħall m'huma L'Istituto Centrale per il Restauro u L'Istituto Centrale per la Patologia del Libro ta' Ruma. Hu maħsub li l-Istitut ta' l-istudji fir-Restawr sejjer jilqa' ġo fih madwar 120 student full-time, b'52 post li jkunu offruti kull sena għal dawk l-istudenti li jiġu minn ta' quddiem f'eżami tad-dħul li jsir apposta.
Ħafna mill-ispejjeż għat-tweqqif taċ-Ċentru Malti għar-Restawr kif ukoll ta' l-għalliema Taljani ser jiġu mħallsa mir-raba' Protocol Taljan. Għal aktar dettalji nista' nirreferi l-Onor. Membru għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Numru 7180 kif ukoll għall-avviżi li deheru fil-Gazzetta tal-Gvern ta' nhar it-Tlieta 1 ta' Ġunju 1999.