Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Ġiljan — Artijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6140, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk minn dik ir-risposta sal-lum ingħatawx xi permessi oħra ta' encroachment jew estiżi encroachments diġa' eżistenti? Jekk fl-affermattiv, jista' juri bi pjanta liema kienu dawn l-encroachments?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li sal-lum l-pożizzjoni għada l-istess kif ingħad fir-risposta għal Mistoqsija Parlamentari Numru 6140, jiġifieri minn dik ir-risposta sal-lum ma ngħatawx permessi oħra ta' encroachments u l-anqas ma ġew estiżi dawk diġa' eżistenti.

San Ġiljan — Triq San Ġorġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li jibda x-xogħol ta' asfaltar mill-ġdid ta' Triq San Ġorġ, San Ġiljan?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi din it-triq hija meqjusa bħala waħda ta’ importanza turistika u kummerċjali . Għalqadstant hemm il-ħsieb li x-xogħol fuq din it-triq jibda' bejn Jannar u Marzu 2005, sabiex jiġi kkawżat l-inqas inkonvenjent lill-pubbliku u lis-settur kummerċjali tal-lokal.

Sigurta' Soċjali — Children's allowance

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hu l-ogħla ammont ta' dħul li jista' ikollu ġenitur ta' persuna b'diżabilita' taħt l-eta' biex dan jibqa' jibbenefika mis-servizz soċjali taċ-children's allowance?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-dħul li ġenitur jista' jkollu jew ikollha biex jibbenefikaw mill-Allowance għat-Tfal dwar tifel jew tifla b'diżabilita' ma jridx jaqbeż Lm13,270 fis-sena.

Tas-Sliema — Reserved parking bays

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8097 u 8222 li oriġinarjament saru lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern u li issa ġew riferuti lilu u cioe' jista' il-Ministru jassigura li r-reserved parking bays li hemm fi Triq San Pietro, Sliema għandhom il-permessi meħtieġa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Id-Direttorat għall-Immaniġġjar tat-Traffiku għamel site visit fi Triq San Pietru fejn instabu żewg kaxxi sofor. Waħda quddiem ‘St. Peter Flats’ bil-kelma ‘Res’ (Reserved) fiha u l-oħra quddiem ‘Sisters of St. Joseph’ li ma kien hemm xejn miktub fiha. L-ebda waħda minn dawn iż-żewġ kaxxi sofor m'hemm approvazzjoni għaliha. Iżda, għandu jiġi nnutat li l-kaxxa safra quddiem ‘Sisters of St. Joseph’, peress li ma hemm xejn miktub fiha, bil-liġi din hija parking bay għax parking bay tista’ tkun mmarkata b’linji sofor jew bojod. Iżda l-pubbliku ġenerali jista’ jassumi li din il-kaxxa safra hija post riservat.

Avukat Ġenerali — Każi li ngħataw in-Nolle Prosequi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8210 u cioe' jgħid kemm kienu l-każi li ngħataw in-nolle prosequi mill-avukat ġenerali f'dawn l-aħħar għaxar snin? Jista' jagħti dawn id-dettalji: 1) id-data ta' meta ngħatat kull nolle prosequi; 2) x'kien il-każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej:- Case Date Corruption of a public officer 30.11.94 Libel and defamation 26.02.97 Defilment of minors, rape and illegal arrest 25.05.99 Illegal arrest, assault and resistance, unlawful assembly etc 17.04.00 Wilful damage, assault and resistance, unlawful assembly etc 20.04.00 Arson and wilful damage 06.04.01 Involuntary homicide 12.02.03

Avukat Ġenerali — Każijiet li ngħataw in-nolle prosequi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu l-każijiet li ngħataw in-nolle prosequi mill-avukat ġenerali f'dawn l-aħħar għaxar snin? Jista' jagħti dawn id-dettalji: 1) id-data ta' meta ngħatat kull nolle prosequi; 2) x'kien il-każ?

Response (BORG, TONIO)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ma tinsabx taħt forma kompjuterizzata u tirrikjedi ħafna ħin u riżorsi sabiex tinġabar. Għaldaqstant tweġiba tkun tista' tingħata f'xi Seduta oħra.

Sliema: Triq San Pietru — Reserved Parking Bays

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8097, jista' il-Ministru jgħid jekk ir-reserved parking bays jaqgħux taħt ir-responsabbilita' ta' l-ADT jew tat-traffic control board?

Response (BORG, TONIO)

L-Awtorita' dwar it-Trasport taqa' taħt ir-responsabbilita' tal-Ministru għall-iżvilupp Urban u Toroq, għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil dak il-Ministeru.

Sptar San Luqa — Speċjalisti Barranin

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 7910, jista' il-Ministru jgħid il-persuna indikata minnu x'livell ta' performance ma laħqitx?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Diviżjoni tas-Saħħa ma kienitx sodisfatta bil-livell milħuq mill-persuna konċernata għal dak li jirrigwarda endoskopija.

Sliema — Triq San Pietru - Reserved Parking Bays

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jassigura li r-reserved parking bays li hemm fi Triq San Pietro, Sliema għandhom il-permessi meħtieġa?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Liċenzji tas-Satellita — Ħlas Lura

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jsir, u jekk iva meta, il-ħlas lura lil dawk li laħqu ħallsu l-liċenzja tas-satellita? Jista' jgħid jekk biex isir dan il-ħlas hemmx ħtieġa li ssir talba jew applikazzjoni minn min laħaq ħallas din il-liċenzja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-proċess tal-ħlas ta' liċenzji li laħqu tħallsu għandu jibda fi żmien qasir ħafna. M'hemm l-ebda ħtieġa li ssir xi talba jew applikazzjoni minn min laħaq għamel xi pagament u għandu dritt għal ħlas lura.

Sptar San Luqa — Speċjalisti/tobba

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7637, jista' il-Ministru jgħid kemm ġew mitmuma kuntratti ta' impjiegi fl-istess dipartiment f'dawn l-aħħar sitt xhur u każ b'każ x'kienet ir-raġuni li waslet għal dan? Jista' jgħid minn dawn kemm kienu ta' nazzjonalita' barranija?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li kien hemm Senior Registrar (1) wieħed ta' nazzjonalita' barranija li ma laħaqx il-livell ta' performance mistennija minnu u li għalhekk ma kellux il-kuntatt ta' mpjieg mġedded meta skada.

Traduzzjonijiet tal-lingwa Maltija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern talabx deroga mingħand l-EU biex ma jsirux traduzzjonijiet tal-lingwa Maltija? Jekk fl-affermattiv: 1) għalkemm intalbet din id-deroga; 2) meta ntalbet din id-deroga; 3) x'wassal biex tintalab din id-deroga?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Il-bżonn għal din id-deroga temporanja nħass wara kuntatti bejn l-awtoritajiet Maltin u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fejn deher ċar li minħabba diffikultajiet biex jiġu reklutati biżżejjed tradutturi Maltin fi żmien relattivament qasir, l-istituzzjonijiet ma kienux se jkunu f'pożizzjoni li jiggarantixxu t-tfassil bil-Malti ta' l-Atti kollha addottati mill-istituzzjonijiet. Id-deroga tagħti lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea perjodu transitorju ta' tlett snin li bdew jiskorru mill-1 ta' Mejju 2004 li matulhom l-istituzzjonijiet mhux se jkunu marbuta bl-obbligu li jfasslu l-Atti kollha bil-Malti u li jippubblikawhom bil-Malti fil-Ġurnal Uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Din id-deroga ma tapplikax għar-Regolamenti li huma adottati flimkien bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill u għalhekk dawn iridu jkomplu jiġu mfassla bil-Malti. Fi tmiem dan il-perijodu transitorju ta' tlett snin, dawk l-Atti kollha li sa dak iż-żmien ma jkunux ġa ġew ppubblikati fil-lingwa Maltija, għandhom jiġu ppubblikati f'din il-lingwa. Din id-deroga ma taffettwax bl-ebda mod l-istatus tal-lingwa Maltija bħala lingwa uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Ir-regolament ġie adottat mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004.

Ħaddiema Maltin u Għawdxin — Impjieg f'pajjiżi membri tal-UE

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema Maltin u Għawdxin li mid-data tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea marru jaħdmu fil-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid x'impjiegi sabu u każ b'każ f'liema pajjiżi marru jaħdmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li kien hemm għoxrin (20) uffiċjal pubbliku li mill-1 ta’ Mejju 2004, marru jaħdmu ma’ l-Istituzzjonijiet jew Aġenziji ta’ l-Unjoni Ewropea. Ħlief għal wieħed li jaħdem ma’ l-European Court of Justice fil-Lussemburgu, dawn jaħdmu fi Brussel u qegħdin imqassmin kif ġej: Auxiliary Agents 3 Translators 7 Commissioner’s Cabinet Office 5 Press Officers 1 Lawyer Linguist 1 Legal Unit (Council of Ministers) 1 Head of Personnel (European Aviation Safety Agency 1 Personal Assistant to MEP 1 TOTAL 20 Ma tinżammx statistika dwar min mar jaħdem fil-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

Awtorita' Marittima Maltija — Bċejjeċ tal-baħar

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 7415 u cioe' jista' jgħid x'inhu n-numru ta' bċejjeċ tal-baħar (jekk hemm) ta' sidien/kumpanniji Maltin, li huma reġistrati ma' reġistri navali barranin partikolarment dawk li jgħidulhom reġistri miftuħin (open registries)? Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bnadar barranin rappreżentati f'Malta, jekk hawn, u x'inhuma r-relazzjonijiet li dawn għandhom ma' l-Awtorita' Marittima Maltija? Jista' jgħid kemm-il biċċa tal-baħar (jekk kien hemm) ħalliet il-bandiera Maltija biex tinkiteb ma' bandiera oħra appena Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li mhux possibli li wieħed jgħid x'inhu n-numru ta' bċejjeċ tal-baħar ta' sidien Maltin reġistrati f'xi reġistru barrani. Dwar il-bnadar barranin rappreżentati f'Malta l-Ministeru ma jkollux tali nformazzjoni. Kull ma nista' ngħid hu li bejn Mejju w Settembru ta' din is-sena 162 bastimenti jew biċċa oħra tal-baħar temmew, għal xi raġuni jew oħra, ir-reġistrazzjoni tagħhom taħt l-Att Dwar il-Bastimenti Merkantili. Dan in-numru kien fl-istess livelli tas-sena 2003 meta għall-istess perjodu kien ta' 148.

San Ġiljan — Triq San Ġorġ - tappiera tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jara li tappiera li tinsab fi Triq San Ġorġ, f'San Ġiljan (bejn wieħed u ieħor quddiem (The Champ Pastizzeria) u li minnha qed joħroġ id-drenaġġ, tiġi rranġata u livellata peress li qed tkun ta' inkonvenjent għat-turisti u għal kull min jgħaddi minn din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li x-xogħol mitlub se jsir dalwaqt. Eventwalment anki l-main tad-drenaġġ fit-triq imsermmija jrid jinbidel.

Sptar San Luqa — ENT department - speċjalisti/tobba

Question

Jista' il-Ministru jgħid, skond il-Manpower plan tad-dipartiment tas-saħħa, kemm suppost huwa l-complement ta' l-ispeċjalisti u tobba fl-ENT department? Jista' jgħid kemm hemm tobba u speċjalisti llum fid-dipartiment? Jekk jirriżulta li hemm nuqqas, jista' jgħid jekk humiex se joħorġu sejħa għall-applikazzjonijiet biex jimtlew dawn il-postijiet vakanti? Jista' jgħid meta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba dwar speċjalisti u tobba fid-Dipartiment ta' l-ENT hija kif ġej: Complement Numru ta' impjegati fil-post Konsulenti 4 4 Senior Registrar 4 3 Registrar/Senior House Officer 2 1 Minbarra hekk hemm tabiba barranija mpjegata fuq bażi ta' kuntratt minn sena għal sena u erbgħa Housemen li qegħdin hemm għal tliet xhur fuq bażi ta' rotation. Id-Diviżjoni tas-Saħħa qed tieħu passi biex jimtlew postijiet vakanti mill-aktar fis possibbli.

Impjiegi — Ħaddiema minn Pajjiżi Membri tal-UE

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 6907 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi u cioe' jgħid: kemm jammonta n-numru ta' ħaddiema mill-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea li mill-1 ta' Mejju, 2004 ġew jaħdmu f'Malta? Jista' jgħid ta' liema nazzjonalita' huma u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu? Jista' jgħid x'inhi l-eta' medja ta' dawn il-ħaddiema?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li mill-1 ta' Mejju 2004 saru 451 applikazzjoni sabiex ċittadini mill-Unjoni Ewropea jaħdmu f'Malta. Il-persuni konċernati ġejjin mill-pajjiżi li jidhru hawn taħt. Saru ukoll 3 applikazzjonijiet dwar ċittadini Norveġiżi (pajjiż tal-EEA). Dwar ix-xogħol li għalih intalab permess qed inpoġġi lista fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant fit-tielet parti tal-Mistoqsija tiegħu. Nirreferi lill-Onor. Interpellant ukoll għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 6991 u Nru. 7328. Awstrija 13 Belġju 10 Ċeka - Repubblika 8 Danimarka 3 Finlandja 5 Franza 25 Ġermanja 52 Greċja 1 Irlanda 14 Italja 51 Latvja 17 Lussemburgu 1 Olanda 18 Polonja 13 Portugall 1 Slovakkja 8 Spanja 9 Svezja 27 Renju Unit 169 Ungerija 6 TOTAL 451

Awtorita' Marittima Maltija — Bċejjeċ tal-Baħar

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' bċejjeċ tal-baħar (jekk hemm) ta' sidien/kumpanniji Maltin, li huma reġistrati ma' reġistri navali barranin partikolarment dawk li jgħidulhom reġistri miftuħin (open registries)? Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bnadar barranin rappreżentati f'Malta, jekk hawn, u x'inhuma r-relazzjonijiet li dawn għandhom ma' l-Awtorita' Marittima Maltija? Jista' jgħid kemm-il biċċa tal-baħar (jekk kien hemm) ħalliet il-bandiera Maltija biex tinkiteb ma' bandiera oħra appena Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.