Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #8890 Sitting 153 1999-10-12 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni maqbuda bid-droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk individwu jew persuni minn dawk maqbuda bid-droga f'Wied il-Għajn nhar il-Ħadd 11 ta' Lulju, 1999 humiex l-istess persuni li applikaw biex jorganizzaw Rave Party fil-Bajja tal-Ġnejna f'xi data fix-xhur ta' Lulju jew Awissu ta' din l-istess sena?

Response (BORG, TONIO)

Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-attivita` li kellha ssir il-Ġnejna fil-31 ta' Lulju, 1999, u li l-permess għaliha ma ħariġx, ninsab infurmat li l-persuni li nqabdu bid-drogi fl-operazzjoni li l-pulizija mexxiet b'suċċess fir-Rinella u Wied il-Għajn ma kienux l-istess persuni li applikaw biex jorganizzaw l-imsemmija attivita`. 12.10.99

Kunsilli lokali — Gwardjani lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet u salarji li se jiġu mpjegati bihom il-gwardjani lokali?

Response (GATT, AUSTIN)

L-impjieg tal-Gwardjani Lokali se jkun mal-privat, li joffri s-servizzi fuq bazi ta`kuntratt, u mhux mal-Kunsilli Lokali.
Leg 9 PQ #8906 Sitting 153 1999-10-12 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Refurbishment

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 8179?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi l-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt numru 8179 f'seduta Nru 138.
Leg 9 PQ #9014 Sitting 153 1999-10-12 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Tneħħija ta' levies — Prezzijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx studju mill-Gvern Malti dwar x'se jkun l-effett fuq il-prezzijiet tal-prodotti essenzjali bit-tneħħija tal-levies? Jekk sar, jista' l-Ministru jgħid x'fih ir-rapport kif ukoll ippoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarx rapport f'dan is-sens, x'inhi r-raġuni?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf l-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Crown Plaza Hotel — Restaurant Big Blue

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm laħqet l-ispiża biex sar il-bini tar-Restaurant Big Blue fil-Crown Plaza Hotel? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li dan l-aħħar żviluppat ħsara mmensa fl-art u fis-sistemi tad-drenaġġ ta' l-imsemmi restaurant? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li wasslet għal din il-ħsara u min kien responsabbli għax-xogħol? Jista' jgħid ukoll min se jirrimedja għal din il-ħsara?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-ħsara li għaliha qed issir riferenza kienet waħda minima kawżata fil-paviment minħabba l-umdita'. L-ispiża għall-Air Malta biex tissewwa din il-ħsara hija stmata li tlaħħaq madwar Lm150. Ix-xogħol ta' paviment sar mid-ditta Property Maintenance Limited. Ma naħsibx li jkun fl-aħjar interess kummerċjali tal-kumpanija jekk nagħti t-tagħrif mitlub fl-ewwel parti tal-mistoqsija.

PBS — Programm Lido

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li programm televiżiv fuq il-PBS Lido li jittela' mill-Crown Plaza Hotel qiegħed jiġi mistieden kok minn barra l-lukanda minflok jintużaw is-servizzi tal-kokijiet ta' l-istess lukanda?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ma jirriżultalix li l-għażla tal-kok għall-programm televiżiv issir mill-lukanda msemmija. Il-Public Broadcasting Services, li xxandar dan il-programm, ma tiffurmax parti mid-dekasteru tiegħi u għaldaqstant mhinix f'pożizzjoni li nagħti tweġiba.

Anzjani — Każ ta' anzjana

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tiddaħħal fl-Isptar San Vincenz de Paule peress li apparti x-xjuħija tagħha u l-mard li tbati bih, m'għandhiex min jieħu ħsiebha u s-sitwazzjoni li qed tgħix fiha hija waħda degradanti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna li d-dettalji tagħha ingħataw separatament kienet ġiet ikkuntattjata fid-19 ta' Diċembru, 1998 sabiex tidħol f'San Vinċenz, iżda din irrifjutat li tagħmel dan. Meta reġgħet ġiet ikkuntattjata dan l-aħħar, infurmatna illi din kienet interessata li tidħol ġewwa San Vinċenz. Għalhekk, it-talba tagħha ser terġa tiġi kkunsidrata b'urġenza quddiem l-Admissions Board ta' San Vinċenz.

Djar — Xiri ta' djar mill-inkwilini

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jintervjeni biex jinbidel il-format ta' kif issir il-valutazzjoni għax-xiri ta' l-appartamenti tal-gvern mill-inkwilini fl-oqsma residenzjali ta' Sant'Andrija, San Ġorġ u San Patrizju f'Pembroke peress li wara li diversi inkwilini wrew interess u applikaw biex jixtru darhom u wara li saret il-valutazzjoni mill-Awtorita' tad-Djar dawn ġew infurmati li l-valutazzjoni ta' darhom tiswa eluf kbar ta' liri liema ammont dawn l-inkwilini, li ħafna minnhom huma ħaddiema bil-paga, ma jifilħux? Jista' l-Ministru jikkonsidra li l-valutazzjoni terġa' ssir mill-ġdid u b'mod aktar raġjonevoli li verament iħajjar lill-inkwillini jsiru sidien ta' darhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kriterji użati għall-valutazzjoni tar-residenzi fil-lokalitajiet imsemmija huma l-istess bħal dawk applikati għall-lokalitajiet l-oħra ta' Malta u Għawdex.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm fil-preżent tammonta l-pensjoni mhux kontributorja għal ħaddiem normali li jkun spiċċa mix-xogħol wara li jkun għalaq is-sittin sena? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm hija l-pensjoni mhux kontributorja għal ħaddiem b'diżabilita' li kien jaħdem taħt it-titlu ta' persuna b'diżabilita' u li jkun spiċċa mix-xogħol wara li jkun għalaq is-sittin sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-rata fil-ġimgħa tal-Pensjoni mhux Kontributorja magħrufa bħala Pensjoni ta' l-Eta', fil-preżent tammonta għal Lm28.77 fil-każ ta' persuna waħedha u Lm37.90 fil-każ ta' koppja. Ir-rata fil-ġimgħa tal-Pensjoni mhux Kontributorja magħrufa bħala Pensjoni għal Diżabilita', fil-preżent hija ta' Lm26.65 fil-każ ta' persuna waħedha u ta' Lm35.79 fil-każ ta' koppja. Maż-żewġ tipi ta' Pensjonijiet jitħallas ukoll il-Bonus Addizjonali ta' Lm1.34 fil-ġimgħa, barra l-Bonus li jitħallas f'Ġunju u f'Diċembru. Iż-żewġ Pensjonijiet huma suġġetti għat-test tal-mezzi, iżda fil-każ tal-Pensjoni għal Diżabilita' ma jsirx it-test tal-kapital, u għalhekk għalkemm ir-rata hija ftit anqas, id-dħul fil-ġimgħa flimkien ma' din il-pensjoni, jista' jilħaq sa' massimu tal-Paga Minima Nazzjonali li bħalissa hija ta' Lm47.38. Fil-każ ta' ħaddiem b'Diżabilita' li jkun ħadem, dan x'aktarx li jikkwalifika għall-Pensjoni taħt l-iskema kontributorja ma' l-eta' ta' 61 sena f'każ ta' raġel u 60 sena f'każ ta' mara. B'dankollu, jekk jirtira ma' l-eta ta' 60 sena, ġaladarba dan ikun ħaddiem, jekk jissodisfa t-test tal-mezzi ta' dik l-eta' jista' jieħu l-pensjoni ta' l-eta'.

Ambaxxati Maltin — Riċevimenti/ikliet/safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'riċevimenti, ikliet u safar separatament mill-ambaxxati kollha Maltin, ambaxxata b'ambaxxata mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bit-tagħrif mitlub dwar ikliet u riċevimenti għall-perjodu mill-5 ta` Settembru sal-31 ta` Diċembru 1998 u għall-perjodu mis-16 ta` Mejju sat-12 ta` Lulju 1999. Għar-rigward tal-perjodu mill-1 ta` Jannar sal-15 ta` Mejju 1999 nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 7098. Għar-rigward ta` safar, qed nagħti t-tagħrif mitlub fl-istess lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra u li jkopri l-perjodu 22 ta` Ġunju sat-12 ta` Lulju 1999. Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposti li tajt għall-mistoqsijiet numru 8004 u 8223 rigward safar mill-5 ta` Settembru 1998 sal-21 ta` Ġunju 1999.
Leg 9 PQ #8888 Sitting 152 1999-10-11 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministru ta' l-Edukazzjoni — Down Syndrome Association

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li d-Down Syndrome Association ilha li talbet li tiltaqa' miegħu minn Novembru ta' l-1998 u sal-lum il-Ministru la għadu rrispondihom u wisq inqas iltaqa' magħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Down Syndrome Association talbet aktar minn appuntament wieħed miegħi, u kemm jien kif ukoll uffiċċjali fil-Ministeru tiegħi iddiskutejna magħhom. L-aħħar talba li saritli hi datata 5 ta' Ottubru, 1999, u l-appuntament ser jingħata dalwaqt. Ma dan inżid li kelli l-opportunita` nindirizza l-ftuħ tal-"Fourth European Down Syndrome Conference" fMarzu ta' din is-sena, kif ukoll, fuq talba tagħhom stess, awtorizzajt għajnuna finanzjarja ta' Lm1000 biex lid-Down Syndrome Association torganizza l-imsemmija konferenza.
Leg 9 PQ #8889 Sitting 152 1999-10-11 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Riżultati ta' l-eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk meta joħorġu r-riżultati ta' l-eżamijiet ta' l-iskejjel Primarji u dawn jiġu ċċekjati mill-ġenituri flimkien ma' l-għalliema minħabba xi dubji ta' żbalji fil-marki li jkun maħsub li saru, u wara li meta jiġu ċċekjati jirriżulta li l-iżbalji kienu jeżistu verament, huwiex permess li l-ġenituri jiksbu kopja tal-karti ta' l-eżamijiet in kwestjoni mid-dipartiment ta' l-edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fejn ir-riżultati ta' l-eżamijiet ta' l-iskejjel Primarji jiġu ċċekkjati mill-ġenituri flimkien ma' l-għalliema, minħabba dubji ta' żbalji fil-marki, u jirriżulta każ ta' żball issir korrezzjoni minnufih u l-ġenituri jingħataw prova li dan ikun sar. Ma ssir ebda kopja tal-karti tat-tfal f'eżami annwali fil-Primarji. Dawn jinżammu mill-iskola. Fil-każ ta' l-eżami għad-dħul fil-Junior Lyceum, ir-Reviżjoni tal-karta ssir minn Uffiċjal tal-Kurrikulu flimkien ma' l-istudent/a, mal-ġenituri, xi għalliema eċċ. Jekk jinstab xi żball jiġi kkoreġut u l-ġenituri jingħataw prova ta' dan. Il-ġenituri ma jistgħux jiksbu kopja tal-karta u dawn jinżammu mill-Educational Assessment Unit.

Biċċerija — Biċċiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn ġewx impjegati biċċiera fil-Biċċerija? Jista' jgħid ukoll huwiex il-ħsieb li fil-futur qarib jiġu mpjegati biċċiera fil-Biċċerija?

Response (ZAMMIT, NINU)

Mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn ġew re-impjegati 6 biċċiera b'kuntratt għal sena. Sadanittant, ħarġu 'internal calls' for applications għal biċċiera. Qegħdin isiru preparazzjonijiet biex joħorġu applikazzjonijiet għall-biċċiera minn barra s-servizz pubbliku, filwaqt li qiegħed jitħejja kors għall-biċċiera b'kolaborazzjoni mal-ETC.
Leg 9 PQ #8763 Sitting 151 1999-10-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tas-Saħħa

Ministeru tas-Saħħa — Refurbishment

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 8171?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Refurbishment

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 8172?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-ammont li ntefaq fil-perjodu imsemmi fil-mistoqsija f'refurbishment u f'għamara ġdida fl-uffiċini tal-Ministeru u f'tad-Diretturi jew Chairmen li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, kien kif ġej: Ministeru, li jinkludi l-uffiċini tas-Segretarjat Privat tiegħi, taż-żewġ Segretarji Parlamentari,u tas-Segretarju Permanenti, Lm11,682. Malta Drydocks - Lm49,474. Tajjeb jingħad li x-xogħol ta' refurbishment sar mill-ħaddiema ta' l-azjenda u l-biċċa l-kbira ta' l-għamara inħadmet fl-azjenda. M.O.B.C. - Lm752 Malta Standardisation Authority - Lm3,267 Ta' min jgħid li l-għamara inxtrat għall-ewwel darba u mhux saret flok oħra eżistenti.

Kunsill Lokali — Mosta - Kredituri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma separatament u kemm huma separatament f'ammonti finanzjarji l-kredituri tal-Kunsill Lokali tal-Mosta? Jista' jgħid kemm ilhom separatament dawn il-kredituri u x'inhi r-raġuni?

Response (GATT, AUSTIN)

Bhal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita` billi l-funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-responsabiltajiet tal-Kunsilli.
Leg 9 PQ #8822 Sitting 151 1999-10-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Lukandi — Bdil ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux regoli u bżonn ta' permessi biex fil-lukandi tal-pajjiż isir tibdil ta' flus barranin ma' flus Maltin? Jekk jeżistu, jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-lukandi li għandhom il-permess li jagħmlu dawn it-trażmissjonijiet? Jista' jgħid ukoll x'inhuma r-regoli u l-kondizzjonijiet f'dan ir-rigward? Jekk ma jeżistux regoli u permessi, jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet f'lukandi u x'irriżulta minnhom matul is-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Istqarrija għall-Istampa maħruġa mid-Dipartiment ta` Informazzjoni fit-30 ta` Awissu 1990 fuq is-suġġett. F`din l-istqarrija kienet inġibdet l-attenzjoni tal-pubbliku li l-lukandi u l-ħwienet jistgħu jaċċettaw flus barranin bħala ħlas għall-bejgħ jew servizzi li jipprovdu. Biss, dawn l-istabilimenti jibqagħalhom l-obbligu li jgħaddu l-flus barranin lill-Negozjant Awtorizzat taħt il-liġi dwar il-Kontroll tal-Kambju ta` l-1972. Dan għadu jgħodd sal-llum. Tajjeb li l-Onorevoli Interpellant ikun jaf li, wara li ġew fis-seħħ il-liġijiet finanzjarji fl-1994, dawn in-Negozjanti Awtorizzati huma wkoll istituzzjonijiet liċenzjati jew taħt l-Att Dwar is-Servizz Bankarju jew l-Att Dwar l-Istituzzjonijiet Finanzjarji li jagħmlu parti minn dak il-pakkett ta` liġijiet. Għaldaqstant, billi l-attivita` ta` tisrif ta` flus barranin fi flus Maltin jew vice-versa hija wkoll regolata taħt dawn iż-żewġ liġijiet, ħadd ma jista` jagħmel din l-attivita` jekk ma jkollux liċenzja taħt wieħed minn daż-żewġ Atti u jkun ukoll Negozjant Awtorizzat taħt l-Att Dwar il-Kontroll tal-Kambju ta` l-1972. Ngħarraf wkoll lill-Onorevoli Interpellant li ma sarux spezzjonijiet f`lukandi fis-snin imsemmija. Biss nassigurah li ttieħdu passi mill-pulizija meta sarulha rapporti sostanzjati li lukandi jew ħwienet ma kienux qegħdin joqgħodu għar-regoli msemmija.
Leg 9 PQ #8589 Sitting 150 1999-10-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Gżira — Football pitch

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kamra li hija mibnija fil-football pitch ta' l-iskola sekondarja Antonio Bosio tal-Gżira u li qed tintuża bħala tuckshop għandhiex: (1) il-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar; (2) il-permess mid-Dipartiment ta' l-Artijiet; (3) il-permess biex issir mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni; (4) minn min qed tintuża bħala tuckshop; (5) min ħa d-deċiżjoni li tinbena; (6) jekk inbniet bla permessi meħtieġa x'passi ttieħdu; u (8) b'liema metodu ħarġu it-tenders għal tuckshop imsemmi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li:- 1. Il-kamra li qiegħdha sservi bħala "tuckshop" hija magħmula minn żewġ ħitan tal-"boundary wall" li jdawwar il-"ground" ta' l-iskola u minn żewġ ħitan oħra mibnija b'mod temporanju u mgħottija b'saqaf taż-żingu. Parti mill-istruttura kienet hemm minn dejjem u parti oħra saret fuq bażi temporanja sakemm jinstab post alternattiv għal "tuck shop" fil-preċint ta' l-iskola. L-approvazzjoni ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar ser tintalab meta jinstab il-post għal struttura permanenti. 2 L-art hija kollha tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. 3. Iż-żewġ ħitan temporanji msemmija saru fuq inizjattiva ta' l-amministrazzjoni ta' l-iskola peress li din sabet li temporanjament, sakemm jinstab post ieħor, dan it-"tuckshop" ikun jista' jservi l-ħtiġijiet tat-tfal li jattendu din l-iskola, u għaldaqstant it-tfal jibqgħu kontinwament taħt sorveljanza. 4. It-"Tuckshop" qed jintuża mit-tfal ta' l-iskola Sekondarja Antonio Bosio Gżira. 7. It-"Tuckshop" ittieħed b'kuntratt wara sejħa għall-offerti maħruġa mill-kap ta' l-iskola flimkien mall-kunsill skolastiku. Għas-sena skolastika 1999/2000 dan il-kuntratt ser ikun imġedded skond artiklu 12 tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt tat-"Tuckshop" fi skola statali.
Leg 9 PQ #8703 Sitting 150 1999-10-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Wied Inċita — Kanal ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jassigura li x-xogħol fil-kanal ta' l-ilma li qed isir mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fil-limiti ta'Ħaż-Żebbuġ, faċċata ta' fejn bnew is-Sorijiet tad-Dorotej, fl-inħawi magħrufin bħala "Ta' Wied Inċita", i jidhru fil-pjanta li qed tintbagħat separatament ma' din il-mistoqsija, jiġi mwassal sa Wied Inċita (u ċioe' punt X fuq il-pjanta msemmija) u ma jieqafx sal-punt immarkat Y fuq l-istess imsemmija pjanta? Jista' l-Ministru jassigura li x-xogħol qed isir b'mod tali li l-ilma qabel kien jinxtorob mit-80 tomna raba' li llum huma mibnijin u fuqhom hemm l-iskola tas-Sorijiet tad-Dorotej, issa mhux se jfawwar il-għelieqi tal-faċċta fejn inbniet l-iskola, imma li x-xogħol se jsir b'mod tali li l-ilma jibqa' nieżel f'Wied Inċita?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant huwa maqsum fi tliet fażijiet, li huma: i) Rikostruzzjoni ta' kanal eżistenti li qed jaqsam min-naħa ta' l-iskola ta' Santa Dorothea għan-naħa l-oħra tat-triq, u li taqbad ma' ras il-WATER-COURSE. Dan ix-xogħol qiegħed isir minn kuntrattur u mistenni li jitlesta il-ġimgħa d-dieħla. ii) Modifikazzjoni tal-WATER-COURSE li kien jikkonsisti f'tindif, livellar, twessiegħ u bini ta' ħitan ġodda minn ras il-wied sa punt 'X' immarkat fuq il-pjanta. Dan ix-xogħol tlesta u sar mill-ħaddiema tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet (SWSU), u iii) L-aħħar fażi minn punt 'X' sa punt 'Y' kif jidher fuq l-istess pjanta. Dwar din il-fażi huwa programmat li jiġi inkluż fix-xogħol tas-sena d-dieħla. Dwar l-aħħar paragrafu ta' din il-mistoqsija, ittieħdu l-kunsiderazzjonijiet taċ-ċirkustanzi tal-post, sabiex ma jsir l-ebda dannu lir-raba imsemmi.