Legislature:
Category:
Reset
Active:

MIA

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ħaddiema li applikaw biex jiġu boarded out fl-MIA mhux qed jitħallew imorru għall-appuntamenti ta' dan il-proċess?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jifhem li l-M.I.A. ma' hiex Dipartiment tal-Gvern iżda kumpanija kwotata fuq l-Stock Exchange. Konsegwentament, din it-tip ta' informazzjoni hi min-natura tagħha privata u mhux kompitu li tiġi mistħarrġa minn dan il-Parlament.

Kunsill Mediku

Question

Jista' il-Ministru jgħid huwiex sodisfatt bit-tagħrif ġeneriku mogħti mill-Kunsill Mediku fir-rapport annwali tiegħu u li dwaru kien hemm ħafna kummenti fil-ġurnali?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-Ordinanza dwar il-Professjoni Medika u l-Professjonijiet li għandhom x'jaqsmu magħha (Kap 31) ġiet revokata bl-Att dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa (Kap 464) li beda fis-seħħ fil-21 ta' Novembru 2003. Skond l-Ordinanza, il-Kunsill Mediku ma kienx tenut jippubblika rapport annwali. Ir-rapporti annwali li l-Kunsill Mediku ppubblika sas-sena l-oħra ġew magħmulin minnu minn rajh. Ma kienx obbligat jagħmilhom. Dawn ir-rapporti kien fihom fil-qosor dikjarazzjoni ta' l-attivita' tal-Kunsill matul is-sena ta' qabel kull rapport. Skond l-Att, il-Kunsill Mediku għandu, fl-ewwel tliet xhur tas-sena, jippubblika rapport annwali li jkun fiħ dikjarazzjoni ta' l-attivitajiet imwettqa mill-Kunsill matul is-sena ta' qabel (art 10 (4)). L-Att ġie fis-seħħ f'Novembru 2003, u għalhekk l-ewwel rapport annwali skond l-Att għandu jiġi ppubblikat bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Marzu 2005.

Kunsill Mediku

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jaqbilx li kif imwaqqaf il-Kunsill Mediku għandu membri li jagħmlu xogħol kemm investigattiv u kemm ġudizzjarju u jarax li minflok l-għamla attwali għandux ikollu sotto-kumitati separati, definiti bil-liġi biex imexxu ż-żewġ ħidmiet differenti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Skond l-Att dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa, il-Kunsill Mediku għandu s-setgħa li jinvestiga allegazzjonijiet dwar imġieba ħażina professjonali jew ksur ta' etika da parti ta' tabib jew ta' dentista. Din l-investigazzjoni l-Kunsill jista' jagħmilha kemm wara lment minn xi persuna kif ukoll minn jeddu. Minn din is-sena s-smiegħ ta' kull każ qiegħed isir minn sotto-kumitat kompost minn tliet membri, li fil-konklużjoni tas-smiegħ jissottomettu l-provi kollha lill-Kunsill sħiħ, u jkun il-Kunsill sħiħ li jagħti d-deċiżjoni finali. Dan is-sotto-kumitat mhuwiex definit bil-liġi, iżda l-Att imsemmi jagħti lill-Kunsill is-segħta li fl-inkjesti jipproċedi permezz tas-sotto-kumitat (art 10 (2)).

Kunsill Mediku

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-Kunsill Mediku għandu jxandar, mingħajr dewmien, charter ta' drittijiet tal-pazjenti li jkun jista' jarah kull min ikollu xi ilment xi jressaq?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li fil-preżent il-Kunsill Mediku ma għandux ħsieb li jippubblika Charter ta' drittijiet tal-pazjenti. Infakkar lill-Onor. Interpellant li tali Charter ġie mniedi mid-Diviżjoni tas-Saħħa għall-pazjenti fl-Isptar San Luqa xi snin ilu.

Kunsill Mediku

Question

Jaqbel il-Ministru li l-president tal-Kunsill Mediku għandu jkun elett mill-membri tal-kunsill u mhux bilfors ikun membru jew ex-membru tal-ġudikatura?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Skond l-Att dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa mhux meħtieġ li l-President tal-Kunsill Mediku jkun membru tal-ġudikatura, fil-kariga jew irtirat. Huwa meħtieġ li jkun minn fost professjonisti legali (art 9 (a)). Hija ħaġa għaqlija li l-President tal-Kunsill ikollu esperjenza fil-prattika tal-liġi, b'mod partikolari fl-inkjesti kondotti mill-Kunsill.

Kunsill Mediku

Question

Jikkonferma l-Ministru li jekk ikun hemm iktar membri mhux tobba fil-kunsill, dan isir aktar kredibbli?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Jista' jkun li jekk jkun hemm iktar membri mhumiex tobba fil-Kunsill Mediku, dan isir iktar kredibbli f'għajnejn xi wħud. B'danakollu jista' f'dak il-każ jiġri li l-Kunsill ikun inqas effettiv u effiċjenti minħabba l-fatt li l-materji li jiġu diskussi u deċiżi mill-Kunsill huma fil-parti l-kbira tagħhom ta' natura medika, u/jew relatati ma' tobba jew dentisti. Infakkar lill-Onor. Interpellant li bil-liġi dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa, issa għall-ewwel darba fil-Kunsill Mediku hemm rappreżentanza tal-pubbliku.

Kunsill Mediku

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex min iressaq xi ilment ma jkollux il-jedd għal spjegazzjoni bil-miktub mingħand il-Kunsill Mediku wara li l-kunsill ikun ħa d-deċiżjoni li ma jissoktax b'xi inkjesta? Jaqbel li d-Data Protection Act tagħti d-dritt li min iressaq xi ilment ikun jista' jara noti mediċi tat-tabib in kwestjoni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-liġi ma timponix lill-Kunsill Mediku li jagħti spjegazzjoni bil-miktub lil min ikun ressaq ilment li ma jiġix segwit b'inkjesta. B'danakollu hija l-prattika tal-Kunsill li f'każijiet bħal dawn jagħti lil min ikun għamel l-ilment ir-raġunijiet li għalihom ikun iddeċieda li ma ssirx l-inkjesta. Skond id-Data Protection Act kull pazjent għandu dritt jara l-istorja medika tiegħu.

Miżbla tal-Magħtab

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tinbeda r-riabilitazzjoni tal-miżbla tal-Magħtab u meta dan għandu jkun komplut? Jista' jgħid kemm hu maħsub li jiswa dan ix-xogħol u kemm fondi mill-Unjoni Ewropea ġejjin f'dan is-sens?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li bl-egħluq tal-miżbla tal-Magħtab, huwa possibbli li l-ewwel fażi tar-riabilitazzjoni tal-miżbla tibda f’Awissu ta’ l-2005. Din l-ewwel fażi ta’ xogħolijiet ser tiġi konkluża fl-aħħar ta’ l-2007. Dawn ix-xogħolijiet ser jikkonsistu fil-ġbir tal-gassijiet tossiċi li jiġu ġġenerati mill-iskart, u biex jiġu kkontrollati n-nirien. Ir-riabilitazzjoni tal-miżbla tal-Magħtab hija parti minn proġett li ġie sottomess u approvat għall-finanzjament mill-Fondi Strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-proġett totali jikkonsisti fir-riabilitazzjoni ta’ tlitt miżbliet, dik tal-Magħtab, tal-Qortin u ta’ Wied Fulija, u l-valur totali jammonta għal 8.4 miljun Ewro. L-Ewropa ser tiffinanzja 73% ta’ l-ammont filwaqt li l-kumplament (27%) ser jiġi ffinanzjat mill-Gvern Malti.

Linji ta' l-Ajru Barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm linji ta' l-ajru barranin li joperaw lejn u minn Malta? Jista' jgħid jekk hemmx linji ta' l-ajru ġodda li talbu permess li joperaw lejn u minn Malta? Jekk fl-affermattiv, liema huma?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onoroveli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Swar — Restawr

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma s-swar li mhux qed isir użu minnhom? Jista' jgħid xi pjani ta' proġetti hemm għar-restawr tas-swar?

Response (ZAMMIT, NINU)

Fir-rigward ta' pjani ta' proġetti ta' restawr tas-swar, jien infurmat li d-Diviżjoni tax-Xogħlijiet għandha ppjanati sensiela ta' proġetti ta' nterventi f'diversi bnadi tas-swar tal-Belt u l-Kottonera.

Proġetti Environmental Friendly -

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx proġetti ta' enerġija alternattiva environmental friendly fil-ħsieb tal-gvern? Jista' jgħid fiex jikkonsistu? Meta hu maħsub li jinbdew? Kemm hu maħsub li jiswew u kemm fondi ġejjien mill-Unjoni Ewropea f'dan ir-rigward?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli.

Proġetti ta' Land Reclamation -

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux ħsieb li jwettaq proġetti ta' land reclamation? Jekk fl-affermattiv, fejn? Meta se jibdew dawn il-proġetti? Kemm hu maħsub li jiswew?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari numru 9057.

Ta' Giorni — Triq Bertha Block D

Question

Tista' il-Ministru tieħu l-passi meħtieġa biex ħsarat li hemm fil-komun u djar fi Block D fi Triq Bertha, K.llg, Ta' Giorni permezz ta' inċident u li ġew kaġunati minn nar, jiġu rranaġati b'intervent tat-taqsima tiswija u kostruzzjoni tad-dipartiment tad-djar? Tista' tgħid meta se jsir dan ix-xogħol u kemm hu stmat li jdum biex jintemm? Tista' tgħid fid-dettal fiex se jkun jikkonsisti l-imsemmi xogħol ta' tiswijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fis-17 ta' Novembru 2004, d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar beda x-xogħol meħtieġ biex jirranġa l-ħsarat kawżati mill-ħruq fil-blokk indikat. Hu ppjanat li l-aktar xogħol urġenti jkun lest sal-Hadd 21 ta' Novembru 2004. Dan ix-xogħol jinkludi: tibjid tal-ħitan tat-tromba tat-taraġ u l-intrajjet tal-blokk; tibjid tal-ħitan tal-flat li l-aktar intela bil-ġmied għax kellu l-bieb miftuħ fil-ħin ta' l-inċident; tibdil tas-sistema tad-dawl tat-taraġ li nħarqet kompletament. Ser isiru wkoll xogħolijiet oħra bħal ma huma: tibdil tal-bibien ta' barra ta' numru ta' appartamenti u jinżebgħu l-bibien ta' barra l-oħra; tibdil ta' l-irħam tat-taraġ fejn dan inqasam kawża tal-ħruq; tikħil tal-bitħa interna. Dan ix-xogħol mistenni jkun lest sal-Ħadd 28 ta' Novembru 2004.

Ħruġ ta' Visas

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħarġu visas għall-barranin biex jiġu Malta f'dawn l-aħħar tliet snin, sena b'sena? Jista' jgħid minn liema pajjiżi kienu ġejjin dawn il-persuni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ visas li nħarġu f’dawn l-aħħar tlett snin lill-persuni ġejjin minn pajjiżi li jenħtieġu visa sabiex ikunu jistgħu jidħlu Malta, huwa kif ġej: 2002 40,660 2003 48,131 2004 50,869 Il-pajjiżi li kienu ġejjin minnhom dawn il-persuni huma kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Servizzi Soċjali — Single Parents

Question

Tista' il-Ministru tgħid separatament x'inhi l-għajnuna soċjali li huma ntitolati għaliha single parents, sew dawk li jaħdmu u sew dawk li ma jaħdmux? Tista' tgħid ukoll jekk teżistix differenza bejn l-għajnuna soċjali li tingħata lil single parents femminili u dawk maskili?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Dritt u r-rata applikabbli għall-Għajnuna Soċjali jiddependu mill-assi kapitali u d-dħul tal-familja kif ukoll minn numru ta' membri fil-familja. Dan japplika wkoll f'każ ta' single parents. F'każ ta' single parents li jaħdmu, ir-rata applikabbli titħallas mingħajr tnaqqis sakemm id-dħul mix-xogħol ma jeċċedix Lm18.91 fil-gimgħa. Jekk id-dħul mix-xogħol jeċċedi dan l-ammont, ir-rata ta' Għajnuna Soċjali applikabbli titnaqqas bid-differenza bejn id-dħul mix-xogħol u Lm18.91. Single parents li jabitaw mal-ġenituri tagħhom jitħallsu 75% tar-rata ta' Għajnuna Soċjali applikabbli għalihom. It-tweġiba għall-aħħar parti tal-Mistoqsija hi fin-negattiv.

Pulizija — Tipjip f'postijiet pubbliċi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jpejpu f'postijiet pubbliċi minn meta ġew introdotti r-regolamenti l-ġodda?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn meta ġew fis-seħħ ir-Regolamenti ta' l-2004 dwar it-Tipjip f'Postijiet Miftuħin għall-Pubbliku, il-Pulizija sabet 37 persuna bi ksur ta' dawn l-istess Regolamenti.

Xtajtiet Privati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8858, jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li tingħata risposta b'mod li jgħid liema huma l-postijiet tul ix-xtajtiet tal-gżejjer Maltin (foreshore) li huma aċċessibbli għall-pubbliku inġenerali? Jista' jgħid ukoll jekk il-liġi tatx id-dritt ta' l-aċċess pubbliku tul il-foreshore kollu tal-gżejjer Maltin? Jekk fl-affermattiv, x'inhuma eżatt id-drittijiet f'dan ir-rigward?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-unika definizzjoni legali magħrufa u valida li hemm sa issa dwar x'jikkostitwixxi foreshore toħroġ minn ġurisprudenza fejn sentenza tal-Qorti tal-1917, u anke oħrajn li segwewha, tiddefinixxi l-foreshore bħala dik l-art fejn titla' l-ogħla mewġa tal-baħar fl-istaġun tax-xitwa. L-interpretazzjoni legali li ngħatat sa issa hija li l-foreshore għandu jkun kollu kemm hu aċċessibli għall-pubbliku, sakemm ma jkunx hemm provi legali li dan ingħalaq bi dritt. It-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern tinvestiga kwalunkwe ilment li jsirilha f'dan ir-rigward u fejn jiġi deċiż li l-aċċess għal foreshore ingħalaq mingħajr dritt jittieħdu l-passi neċessarji.

Tisbiħ ta' xtajtiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma x-xtajtiet jew bajjiet li hemm ħsieb li jsir tisbiħ tagħhom? Jista' jgħid meta se jinbeda dan ix-xogħol u kemm se jieħu fit-tul kull proġett, każ b'każ? Jista' jgħid jekk humiex se jinġiebu jew jingħataw fondi mill-EU f'dan ir-rigward?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ġiet sottomessa outline application għal beach replenishment għall-Bajja tal-Balluta. Jeħtieġ li jsiru studji fuq wave dynamics tal-bajja u impatti ambjentali. Hemm proġetti oħra ta' beach replenishments li qed ikunu ikkunsidrati.

Tisbiħ ta' Widien

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-widien u postijiet fil-kampanja li hemm ħsieb li jsir tisbiħ tagħhom? Jista' jgħid meta se jinbdew dawn il-proġetti, każ b'każ, u meta hu maħsub li jiġu mitmuma? Jista' jgħid ukoll humiex se jinġiebu jew jingħataw fondi mill-EU f'dan ir-rigward?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li bħalissa d-Dipartiment tal-Park, Afforestazzjoni u Restawr tal-Kampanja (P. A. R. K.) qiegħed jagħmel xogħol, jew bi ħsiebu jibda xogħol ta’ riabilitazzjoni fil-Mellieħa, Kennedy Grove, Xrobb l-Għaġin u Ta’ Qali. Rigward il-widien, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Xtajtiet Privati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-partijiet tax-xtajtiet (foreshore) tal-gżejjer Maltin u Għawdxin li huma privati, mogħtija b'encroachment, jew mhux permess aċċess għall-pubbliku inġenerali minħabba xorta oħra? Jista' ipoġġi pjanta fuq il-mejda tal-Kamra li tindika dan?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma żżommx informazzjoni dwar proprjeta' li hija privata. Dwar partijiet tax-xtajtiet li huma mogħtija b'enroachment ninsab infurmat li x-xogħol meħtieġ sabiex tinġabar l-informazzjoni meħtieġa huwa wieħed estensiv ħafna.