Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #10204 Sitting 200 1999-12-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Allegazzjonijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8726, jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-konklużjonijiet tal-bord kif ukoll il-proposti? Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-passi neċessarji li ttieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tagħti parir li r-rapport u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jinżammu kunfidenzjali, bħalma dejjem kien il-każ sallum f'materji ta' din ix-xorta.
Leg 9 PQ #10205 Sitting 200 1999-12-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Port Ħieles — Materjal pubbliċitarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie stampat materjal pubbliċitarju u ta' informazzjoni mill-Freeport Corporation fl-okkażjoni ta' l-Inawgurazzjoni ta' Terminal 2? Jista' l-Ministru jgħid jgħid: (a) ħarġux offerti jew intalbux kwotazzjonijiet għal dan l-istampar; (b) kemm ġie jiswa l-istampar; (ċ) min għamel ix-xogħol ta' l-istampar; u (d) kemm il-kwalita' differenti ta' materjal ġie stampat u f'kull każ kemm kien l-ammont stampat?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li ma gie stampat ebda materjal pubblicitarju mill-Korporazzjoni tal-Freeport fl-okkazjoni ta` l-inawgurazzjoni ta` Terminal Two.

VRT — Testijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew jintbagħtu l-avviżi biex isiru t-testijiet tal-VRT għal karozzi u inġenji tal-gvern u korporazzjonijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-avviżi lis-sidien tal-vetturi biex itellgħu il-vettura tagħhom għal-'Vehicle Roadworthiness Test' jintbagħtu skond ix-xahar li fih tagħlaq il-liċenzja ta' dik il-vettura partikolari. Dan japplika ukoll għall-vetturi tal-Gvern u tal-Korporazzjonijiet.

Joint Office — Fidi ta' ċens

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni u t-talba li persuna li d-dettalji tagħha qiegħed nibgħat separatament, għamlet għand il-Joint Office biex tifdi ċ-ċens li qabel kien tal-Knisja? Jista' l-Ministru jintervjeni biex din l-applikazzjoni tiġi pproċessata mill-iktar fiss possibbli u f'qasir żmien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #9890 Sitting 199 1999-12-03 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Arretrati fuq taxxa

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni biex arretrati ta' taxxa ta' persuna li d-dettalji tagħha qed nibgħatahom separatament u li llum tgħix bil-pensjoni jiġu mogħtija lilha mid-dipartiment konċernat mill-aktar fis possibbli?

Response (DALLI, JOHN)

Ma naħsibx li għandi nagħti nformazzjoni konfidenzjali. Jekk l-Onorevoli Interpellant ikun awtorizzat mit-taxpayer allura t-tweġiba tingħata lilu privatament jew l-amministratur tiegħu.

Sigurta Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ħlas b'lura ta' sentejn bolol tal-persuna li d-dettalji tagħha qed nibgħathom separatament ma ġewx u mhux qed jiġu aċċettati mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata mid-dipartiment dwar il-qagħda tagħha. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant jista' jikkuntattja lill-persuna direttament u jottjeni l-informazzjoni kollha mixtieqa.

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Xogħol nutarili

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8576, jista' l-Ministru jgħid xi kriterji intużaw biex intgħażlu n-nutara msemmija?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-kaz tat-Tarzna ta` Malta, l-Air Malta, il-Korporazzjoni ghall-Izvilupp ta` Malta u l-Korporazzjoni Enemalta, intuzaw l-istess kriterji li dawn l-azjendi wzaw fil-passat. In-nutar li uzat il-Maltacom tokkupa l-kariga ta` Assistant General Manager (Legal Affairs) fl-istess Kumpanija u li kellha l-kwalifiki u r-rekwiziti kollha biex taghmel dan ix-xoghol. Id-Divizjoni ta` l-Ippjanar Ekonomiku wzat is-servizzi tan-Nutar tal-Gvern kif hija l-prattika fejn jidhlu Dipartimenti tal-Gvern.

Ġurijiet

Question

Jista' l-Ministru jiġbor l-informazzjoni mitluba u ċioe' jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 8555?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant ghat-tweġiba li nghatat ghall-Mistoqsija Nru. 8555 fis-seduta 179 tal-10.11.99.
Leg 9 PQ #10144 Sitting 199 1999-12-03 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Middle Sea Insurance — Bord tad-Diretturi - Membri

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8588, jista' l-Ministru jgħid min huma l-kumplament tad-diretturi fuq il-bord tal-Middle Sea Insurance?

Response (DALLI, JOHN)

Il-kumplament tad-diretturi fuq il-bord tal-Middle Sea Insurance p.l.c. huma dawn: Is-Sur Mario C Grech (Chairman) Is-Sur Joseph FX Zahra (Deputy Chairman) Is-Sur Giorgio Daboni Is-Sur Roland Franke Is-Sur Joseph V Gatt Is-Sur Louis Grech Dott John C Grech Is-Sur Mario Grima Is-Sur John G Hogg Dott Edgar Mizzi Is-Sur Frans Spiteri Is-Sur Lino Spiteri
Leg 9 PQ #9800 Sitting 198 1999-12-03 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Is-Sur Richard Cachia Caruana — Ian Farrugia - Proklama

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk peress li mix-xhieda fil-ġuri ta' Ian Farrugia ntqal mis-Sur Nicholas Jensen Testaferrata, l-unika persuna li kient preżenti waqt l-attentat fuq l-assistent personali tiegħu, li l-persuna li wettqet l-attakk fuq l-assistent personali tiegħu ma kienet ħadd ħlief Joseph Fenech, u peress li l-istess Joseph Fenech ingħata proklama mill-Kabinett Nazzjonalista fuq parir tal-Prim Ministru bil-kundizzjoni li jgħid il-verita' u xejn inqas mill-verita', din il-proklama hijiex se titneħħa u jekk mhux se titneħħa x'inhi r-raġuni? Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll jekk it-tneħħija ta' din il-proklama ġietx diskussa fil-Kabinett?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Apparti li, kif messu jaf l-Onorevoli Nterpellant, ma hux minnu li s-Sur Nicholas Jensen Testaferrata kienet l-unika persuna li kienet preżenti waqt l-attentat fuq l-Assistent Personali tiegħi, ma għandi xejn xi nżid ma dak li għidt fit-tweġiba li tajt lill-Onorevoli Kap ta' l-Oppożizzjoni għad-Domanda Parlamentari numru 1. Il-Gvern m'għandu ebda poter li jneħħi proklami; fil-fatt fit-22 xahar ta' Gvern Laburista dil-proklama - li kienet ġiet kontestata mill-MLP fl-Oppożizzjoni - ma tneħħitx. Deċiżjonijiet dwar jekk kundizzjonijiet imposti fi Proklama ġewx osservati jew le, jittieħdu mill-Avukat Ġenerali, u finalment mill-Qorti. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, l-Onorevoli Membru m'għandhux jeħodha li għaliex fit-tweġiba li kont tajt għad-Domanda Parlamentari Numru 9177 jien kont issodisfajt il-kurżita inspjegabbli ta' wieħed mill-kollegi tiegħu dwar min kien preżenti għal laqgħa partikolari tal-Kabinett, allura għandi wkoll nissodisfa l-kurzita, inspjegabbli wkoll, tiegħu dwar x'jiġi jew x'ma jiġix diskuss fil-Kabinett.
Leg 9 PQ #9801 Sitting 198 1999-12-03 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Is-Sur Richard Cachia Caruana — Joseph Fenech - Proklama

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk, peress li mix-xhieda fil-ġuri ta' Ian Farrugia ntqal mis-Sur Nicholas Jensen Testaferrata, l-unika persuna li kienet preżenti waqt l-attentat fuq l-assistent personali tiegħu, li l-persuna li wettqet l-attakk fuq l-assistent personali tiegħu ma kienet ħadd ħlief Joseph Fenech, u peress li l-istess Joseph Fenech ingħata proklama mill-Kabinett Nazzjonalista fuq parir tal-Prim Ministru bil-kundizzjoni li jgħid il-verita' u xejn inqas mill-verita', u peress li l-verżjoni ta' Joseph Fenech fil-qorti ma ġietx emnuta mill-ġurati u allura s-soċjeta', bl-aktar mod liberu u demokratiku, ma qisitx kredibbli l-verżjoni ta' Joseph Fenech u allura ma tikkorrispondix mal-verita', u peress li minħabba dan l-attentat is-Sur Richard Cachia Caruana ngħata kumpens sostanzjali mill-Gvern Nazzjonalista li jammonta għal eluf ta' liri, huwiex il-ħsieb tal-gvern li jfittex legalment lis-Sur Joseph Fenech għad-danni li l-gvern ħallas f'kumpens lis-Sur Richard Cachia Caruana?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Kif ġa ntqal fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 9799, l-Onorevoli Nterpellant jaf ben tajjeb li ma hux minnu li s-Sur Nicholas Jensen Testaferrata kienet l-unika persuna li kienet preżenti waqt l-attentat fuq l-assistent personali tiegħi, u mhux komprensibbli x'motivazzjoni jista għandu l-Interpellant li jirrepeti din l-allegazzjoni li manifestament mhux vera. Peress li l-mistoqsija ta' l-Onorevoli Nterpellant hija bażata fuq sensiela ta' premessi li fil-parti kbira tagħhom huma għal kollox skorretti kemm bħala fatt kif ukoll bħala liġi u għalhekk ma jidhirx li hu l-każ li tingħata xi risposta aktar minn dak li għadu kemm intqal.
Leg 9 PQ #9802 Sitting 198 1999-12-03 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment ta' l-Ambjent — Problema tal-ġrieden

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta' l-Ambjent jissorveljax il-problema tal-ġrieden f'pajjiżna? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid jekk tinżammx statistika ta' kemm ikunu nqabdu ġrieden u mil-liema lokalitajiet jew zoni? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk qatt sarx xi rapport jew isirx rapport minn żmien għal żmien dwar il-problema tal-ġrieden f'pajjiżna, lokal b'lokal jew zona b'zona? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji f'dan ir-rigward? Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' kemm inqabdu ġrieden matul l-1996, 1997, 1998 u ta' liema qisien kienu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ir-risposta hi fin-negattiv u nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #9803 Sitting 198 1999-12-03 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-Sanita' — Problema tal-ġrieden

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tas-Sanita' ssorveljax il-problema tal-ġrieden f'pajjiżna, jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid jekk timżammx statistika ta' kemm ikunu nqabdu ġrieden u mil-liema lokalitajiet jew zoni? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk qatt sarx rapport jew isirx rapport min żmien għal żmien dwar il-problema tal-ġrieden f'pajjiżna lokal b'lokal, jew zona b'zona? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv jista' l-Ministru jagħti d-dettalji f'dan ir-rigward? Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' kemm inqabdu ġrieden matul l-1996, 1997 u 1998 u ta' liema qisien kienu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Saħħa, permezz tal- `Pest Control Unit'qiegħed kontinwament jissorvelja l-problema tal-ġrieden f'pajjiżna. kull xahar isir rendikont ta' kemm daħlu rapporti minn kull raħal. Dawn jagħtu ndikazzjoni ċara ta' liema huma dawk iż-żoni li l-aktar jeħtieġu attenzjoni. Dwar l-aħħar parti mid-domanda, fejn l-Onor. Membru ried ikun jaf in-numru u l-qisien tal-ġrieden li nqabdu, nixtieq ngħidlu li fil-`Manpower Plan' tad-Dipartiment tas-Saħħa m'hemmx maħsub għall-impjieg ta' `Pied Piper' u għalhekk la nafu fejn imorru jmutu l-ġrieden ivvalenati u lanqas il-qisien tagħhom.
Leg 9 PQ #9804 Sitting 198 1999-12-03 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Swar — Tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jsir u anke jieħu l-passi meħtieġa biex diversi swar li jdawwru l-Belt Valletta u anke t-tlett ibliet isirilhom tindif mill-ħaxix ħażin li hemm magħhom peress li dan jikkawża kemm ħsara fil-bini tagħhom u kemm kruha fid-dehra tagħhom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li s-swar tal-Belt jitnaddfu b'mod sistematiku mill-ħaxix minn grupp ta' nies li kienu mħarrġa apposta fl-abseiling ftit tas-snin ilu. Fil-fatt għadu kemm intemm it-tindif tas-swar ta' taħt il-ġnien ta' Hastings (St Michael Demi Bastion). Barra minn hekk, biex inkunu f'pożizzjoni li nagħmlu xogħol iktar speċjalizzat, qegħdin bħalissa f'arranġamenti biex jinxtraw żewġ scaffold systems li jippermettu aċċess iktar faċli.
Leg 9 PQ #9805 Sitting 198 1999-12-03 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Swar — Restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan tal-gvern għar-restawr tas-swar li jdawwru l-Belt Valletta u anke t-tlett ibliet?

Response (GALEA, LOUIS)

Dwar din il-materja, nitlob l-Onor. Membru jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru għall-Ambjent.

San Ġiljan — Telgħet San Ġiljan - sleeping policeman

Question

Jista'l-Ministru jgħid jekk is-sleeping policeman li saret f'Telgħet San Ġiljan, San Ġiljan, eżattament quddiem ir-residenza numru 26 għandhiex il-permessi meħtieġa tat-Traffic Control Board?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-`sleeping policeman` inkwestjoni għandha l-permess meħtieġ tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku.

Paceville — Parking

Question

Peress li kif jaf il-Ministru f'Paceville teżisti problema ta' parking u traffic flow li minnha l-aktar li jsofru, speċjalment fil-weekends, huma r-residenti, jista' jikkonsidra li jinstab spazju riservat fl-inħawi fejn ir-residenti jkunu jistgħu jipparkjaw il-karozzi privati tagħhom? Jista' l-Ministru, b'konnessjoni ma' dan is-suġġeriment, jikkonsidra art li tinstab fi Triq id-Dragonara biswit il-Westin Dragonara Hotel?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li peress li l-pjan għaż-żona ta' Paċeville qed jiġi ppreparat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar ikun il-każ li wieħed jistenna ftit sakemm isir biżżejjed progress fuq dan ix-xogħol.

San Ġiljan — B'Kara Rd - Proġett

Question

Peress li kif jaf il-Ministru l-proġett li sar xi snin ilu fi Triq Birkirkara, San Ġiljan, eżattament fejn hemm it-traffic lights taħt il-bridge ta' Regional Road kien wieħed temporanju sakemm jitlesta l-proġett ta' toroq ġodda ħdejn l-Universita' u peress li l-proġett ta' toroq ġodda ħdejn l-Universita' issa ġie mitmum, jista'l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol temporanju li sar fi Triq Birkirkara jitneħħa u t-triq terġa' tiġi fl-istat oriġinali li kienet qabel sar il-proġett temporanju hawnhekk imsemmi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-'traffic lights' fi Triq B'Kara San Ġiljan qegħdin jipprovdu servizz importanti għall-immaniġjar tat-traffiku aktar milli kien maħsub meta ġew stabbiliti bħala mezz temporanju, u għalhekk mhux ta' kemm wieħed jaqbad u jneħħihom. Id-Dipartiment tat-Toroq qiegħed jieħu passi sabiex idur il-'junctions' tat-`traffic lights` wieħed wieħed sabiex jiġi stabbilit jekk humiex qed jaħdmu tajjeb u x`jista` jiżdiedilhom biex jaqdu aħjar il-bżonnijiet tat-traffiku ta` llum.
Leg 9 PQ #9795 Sitting 197 1999-12-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Prodotti — Roħs

Question

Jista' l-Ministru jgħid prodott bi prodott liema kienu dawk il-prodotti li raħsu jew għolew fil-prezz mill-1 ta' Jannar, 1999 sal-lum?

Response (DALLI, JOHN)

Kif jaf l-Onorevoli Interpellant, il-prezzijiet ta` prodotti jinbidlu `l fuq u l-isfel kontinwament, prodotti jispiċċaw mis-suq u oħrajn ġodda jfiġġu fis-suq.
Leg 9 PQ #9796 Sitting 197 1999-12-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Tħaffir għaż-żejt

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienu l-aħħar riżultati dwar it-tħaffir għaż-żejt fil-Bir il-Madonna taż-Żejt f'Kerċem, Għawdex? Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir aktar esplorazzjoni għaż-żejt fil-post imsemmi? Jista' l-Prim MInistru jgħid x'kienu l-aħħar indikazzjonijiet u x'inhuma il-prospetti li jinstab iż-żejt fil-post imsemmi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jirreferi għall-Press Release numru 1540 maħruġa mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni fit-8 ta' Ottubru 1999 fejn isib tweġiba għall-mistoqsija tiegħu.