Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #10846 Sitting 203 1999-12-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali — Każ ta' Mewt

Question

Tista' l-Ministru tgħid ta' min hi r-responsabbilta' li l-katavri mill-isptar ta' Għawdex ikunu akkumpanjati minn saċerdot waqt il-funeral tagħhom? Tista' l-Ministru tgħid għal liema raġuni fi trasport ta' raġel mejjet mill-isptar ta' Għawdex għaċ-ċimiterju ta' Santa Marija tar-Rabat, nhar il-ġimgħa 25 ta' Ġunju 1999, il-kadavru ma kienx akkumpanjat uffiċjalment minn saċerdot? Taf il-Ministru li din m'hijiex l-ewwel darba li ġara hekk? Tista' tiżgura lill-Kamra li ma jseħħux aktar inċidenti bħal dawn li la jagħmlu ġieh lill-Gvern, la lill-Knisja u lanqas lill-pajjiż nisrani?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-akkumpanjament tal-katavri mis-saċerdot waqt il-funerali jsir skond l-arranġamenti li jagħmlu l-qraba tal-mejjet. Fil-każ li semma' l-Onorevoli Interpellant, il-qraba tal-mejjet infurmaw lill-awtoritajiet ta' l-Isptar Ġenerali t'Għawdex li kienu se jaħsbu huma għal saċerdot mill-Parroċċa ta' San Ġorg, Victoria. L-awtoritajiet ta' l-Isptar huma nfurmati li fil-fatt il-mejjet kien akkumpanjat minn saċerdot Malti, ħabib tal-qraba tad-defunt.
Leg 9 PQ #10854 Sitting 203 1999-12-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ministeru tal-Biedja u Sajd — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'parquet fl-art tal-Ministeru mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn? Jista' jikkonferma jekk fil-Ministeru saritx kamra tal-banju u jacuzzi? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid fil-każi kollha kemm; (1) intnefqu flus; (2) min għamel ix-xogħol (3) ħarġux offerti jew intalbux kwotazzjonijiet u mingħand min; (4) mingħand min inxtara l-materjal u l-aċċessorji?

Response (ZAMMIT, NINU)

Fil-Ministeru sar toilet żgħir ieħor li jikkompriżi 'wash-hand basin', 'water closet' u 'shower'. L-accessorji tat-toilet inxtraw mingħand Satariano Ltd għas-somma ta' Lm496.59. Ix-xogħol sar mill-ħaddiema tad-dipartiment. L-ebda "jacuzzi" ma ġie nstallat! Il-'parquet' inxtara mingħand Fithome Ltd bil-prezz medju ta' madwar Lm7860 u jkopri l-'area' ta'madwar 385 metri kwadri. Il-prezz jinkludi kemm il-materjal kif ukoll ix-xogħol tat-tqegħid ta' l-istess 'parquet'.

Impjiegi — Labourers

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamnentari numru 9377 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema labourers li jaħdmu mad-Dipartiment tas-Saħħa li kienu jaħdmu mal-Bank Of Valletta u li fl-1998 ġew maqlubin ma' l-awżiljarji, u li l-grad tagħhom minn dak inhar sal-lum kien u baqa' B (General hand), jekk wara dan iż-żmien kollu humiex intitolati li jogħlew fil-grad tagħhom? Jekk ir-risposta hija fin-negattiv, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex jikkonsidra li dawn jingħataw promozzjonijiet sew bħala rikonoxximent wara dan iż-żmien kollu ta'servizz, u sew biex dawn sa fl-aħħar itejbu l-pożizjoni tagħhom u tal-familja tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kundizzjonijiet ta' l-impjieg tal-impjegati tal-Gvern, inkluż dik il-kategorija ta' mpjegati msemmija mill-Onor. Membru, huma r-responsabbilta' tal-'Management and Personnel Office' ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Għalhekk, nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex il-każ ta' housing ta' koppja anzjana li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament jingħata attenzjoni meħtieġa peress li l-koppja li qed nirriferi għaliha ilha applikata biex tbiddel ir-residenza tagħha, peress li hija kbira ħafna, mill-1994 barra l-fatt li din il-koppja jbatu minn mard serju, liema mard ma jippermettilhomx jgħixu f'dar ta' dak il-kobor?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni qiegħda tiġi kkunsidrata.
Leg 9 PQ #11118 Sitting 203 1999-12-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda maċ-Ċivil mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn u f'kull każ fejn ġew impjegati u x'inhu l-impjieg tagħhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn, ġew impjegati 1436 ħaddiem ġdid maċ-Ċivil. Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda li turi fejn ġew impjegati u x'inhu l-impjieg ta' dawn il-ħaddiema.
Leg 9 PQ #10781 Sitting 202 1999-12-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

San Ġiljan — Triq Ta' Ġiorni - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex tiġi msaħħa s-sistema tad-dawl fi Triq Ta' Ġiorni, San Ġiljan speċjalment fin-naħa tal-Housing Estate?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li ma jirriżultax li hemm ilmenti dwar il-provvista ta' l-elettriku fl-inħawi msemmija. Madankollu l-Korporazzjoni Enemalta ħadet l-intrigu sabiex tibni substation f'dawn l-inħawi sabiex il-livell tas-servizz jitjieb.
Leg 9 PQ #10782 Sitting 202 1999-12-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid, peress li l-kap taċ-Ċivil iddikjara li hawn 5,000 ħaddiem żejjed maċ-Ċivil, kemm jammontaw in-numru ta' persuni barranin impjegati maċ-Ċivil? Jista' jgħid: a) ta' liema nazzjonalita' huma? b) X'inhi r-raġuni li ġew impjegati? c) Kemm ilhom impjegati? d) X'karigi jokkupaw? e) X'kundizzjonijiet igawdu? f) X'inhi r-raġuni li dawn l-opportunitajiet tax-xogħol jinsabu okkupati minn barranin u mhux minn ħaddiema barranin? u g) X'salarju għandhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fis-seminar tal-General Workers Union il-kap taċ-Ċivil ma qalx li hemm 5000 nies żejda maċ-Ċivil iżda li l-perception tal-pubbliku kienet hekk. Jien infurmat ukoll li dan ikkonfermatu s-Segretarja tat-Taqsima Servizzi Pubbliċi tal-General Workers Union fl-Oriżżont tal-Ġimgha 22 ta' Ottubru 1999.
Leg 9 PQ #10783 Sitting 202 1999-12-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS — Sur J.R.Grima

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-pożizzjonijiet tas-Sur J.R. Grima bħalha Chairman tal-MITTS u l-pożizzjoni tiegħu ta' Kap taċ-Ċivil joħolqux konflitt ta' interess peress li ċ-Ċivil huwa l-akbar klijent tal-MITTS?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-pożizzjoni tas-Sur Grima bħala Kap taċ-Ċivil u bħala Chairman tal-MITTS ma toħloq l-ebda konflitt ta' interess. Il-MITTS hija aġenzija kollha kemm hi tal-Gvern li x-xogħol tagħha huwa dwar is-sistemi ta' l-informatika fil-Ministeri u d-Dipartimenti tal-Gvern.
Leg 9 PQ #10784 Sitting 202 1999-12-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS — Impjegat

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament x'kariga qed tokkupa fil-MITTS? Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni u x'kriterji ntużaw biex din il-persuna ġiet impjegata mal-MITTS? Jista'jgħid ukoll x'salarju u x'kondizzjonijiet għandha? Jista' jgħid għaliex dan il-post tax-xogħol mhux okkupat minn persuna Maltija?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-persuna identifikata li tokkupa l-kariga ta' Manager, Central Services Unit, kienet ġiet impjegata f'Mejju ta' l-1994 minħabba l-esperjenza u l-kwalifiki li għandha. Minbarra r-repatriation expenses u passaġġi bl-ajru għaliha u għall-familja tagħha darba fis-sena, din il-persuna għandha paga ekwivalenti ta' wieħed Malti, pero' tax exempt. Il-persuna msemmija għandha Work Permit li jagħlaq fil-31 ta' Awissu 2000.
Leg 9 PQ #10824 Sitting 202 1999-12-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw il-blokki residenzjali tal-Gvern f'dawn il-lokalitajiet, Bormla, Birgu, Isla, Kalkara, il-Belt Valletta u l-Furjana?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li r-rekords miżmuma mid-Dipartiment ta` l-Estate Management ma jurux in-numru ta` blokki residenzjali iżda n-numru ta` appartamenti li, fil-lokalitajiet imsemmija fil-Mistoqsija, hu kif ġej : Bormla 506 Birgu 274 Isla 179 Kalkara 158 Valletta 1,054 Floriana 207
Leg 9 PQ #10825 Sitting 202 1999-12-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Landscaping Project

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni u x'qed iżżomm lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar milli toħroġ il-permess ta' landscaping project tal-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan fl-area ta' Ta' Giorni Housing Estate? Jaf il-Ministru li dan il-proġett huwa wieħed għall-ġid pubbliku tan-nies ta' l-inħawi u li ilu preżentat quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar madwar erba' snin? Jista' l-Ministru jara li fejn jidħlu proġetti kapitali ta' din ix-xorta l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tħaffef il-proċeduri?

Response (BORG, TONIO)

Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li proġetti kapitali li minnhom igawdi l-pubbliku jingħataw l-importanza u l-attenzjoni kollha li jixirqilhom. Dwar il-każ li qed jirreferi għalih fil-Mistoqsija, ninsab infurmat li l-applikazzjoni kienet tikkonċerna żvilupp li sostanzjalment kien ser isir fuq art ta` terzi persuni u mhux fuq art pubblika u għalhekk fil-bidu ta` Diċembru ta` l-1998 intalbu pjanti ġodda emendati biex jirriflettu din is-sitwazzjoni. Dawn il-pjanti wasslu għand l-Awtorita` lejn tmiem Awissu ta` din is-sena. Sadanittant tlesta id-D.P.A. report li ser jintbagħat fil-ġranet li ġejjin lill-Kunsill Lokali, qabel ma l-applikazzjoni tintbagħat lill-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp biex jiddeċiediha.
Leg 9 PQ #10396 Sitting 201 1999-12-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — PA03485/99

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex applikazzjoni quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar b'numru PA 03485/99 ta' persuna b'diżabilita' li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għal installazzjoni ta' lift b'aċċess mill-gallarija titħaffef fil-proċess u eventwalment approvata biex malajr kemm jista' jkun jitnaqqas l-inkonvenjent u l-iskariġġ żejjed għal din il-persuna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-proposta fl-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ġiet ikkunsidrata iżda rriżulta li din kienet ser taffetwa ħażin lil terzi u lid-disinn tal-blokk.Il-perit inkarigat kien qed jipprova jsib soluzzjoni differenti għall-problema ta` l-aċċess possibbilment flimkien ma` l-Awtorita` tad-djar. Ninsab infurmat ukoll li l-proposta kif ġiet sottomessa ġiet irrifjutata fil-25 ta` Novembru, 1999. Dan ir-rifjut japplika għall-proposta kif inhi, u jistgħu jiġu kunsidrati proposti oħra. Dan qed jingħad bla preġudizzju għad-dritt ta` appell mid-deċiżjoni tal-25 ta` Novembru, 1999.
Leg 9 PQ #10402 Sitting 201 1999-12-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Prodotti — Prezzijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid sarx studju mill-Gvern Malti dwar x'se jkun l-effett fuq il-prezzijiet tal-prodotti essenzjali bit-tneħħija tal-levies? Jekk sar, jista' l-Ministru jgħid x'fih ir-rapport kif ukoll ipoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarx rapport f'dan is-sens, x'inhi r-raġuni?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-levies huma taxxa fuq l-importazzjoni ta' ċerti prodotti. Fl-avviż legali ppubblikat fis-16 ta' Lulju 1999, il-Gvern fisser kif u meta ser jitnehhew dawn il-levies minn fuq il-prodotti industrijali elenkati fid-dettal fl-istess avviż legali. Ġa la darba mhux ser tidħol l-ebda taxxa minflok il-levies hekk kif dawn jispiċċaw; l-ispejjeż għall-importatur ser jonqsu bl-istess ammont tal-levy li titneħħa. Iżda r-roħs fil-prezz għall-konsumatur għandu jkun anki ikbar minn hekk. Dan minħabba l-fatt li kemm l-importaturi, kif ukoll il-wholesalers u r-retailers, jikkalkulaw il-prezzijiet tal-bejgh taghhom bħala perċentwali fuq l-ispejjeż kurrenti kollha tagħhom inkluż il-levy. Barra minn hekk, anki l-VAT tinħadem bħala perċentwali fuq il-prezz globali tal-oġġett, inkluż ukoll fuq il-levy imħallsa fl-istadju tal-importazzjoni. Għalhekk wieħed leġitimament jistenna li, mat-tneħħija tal-levies, il-prezzijiet għall-konsumatur tal-oġġetti affettwati, għandhom jonqsu b'ammont ekwivalenti għal: (i) il-levy oriġinali + (ii) il-marġini ta' profitti fuq l-ammont tal-levy + (iii) il-VAT dovut fuq l-ammont tal-levy miżjud mal-marġini ta' profitt fuq dak l-ammont. Sabiex wieħed ikompli jiċċara is-suġġett, wieħed irid isemmi li dawk il-prodotti li ser jitneħħewlhom il-levies inqasmu fi tlett kategoriji: (a) Hemm grupp ta' prodotti li l-levies fuqhom diġa tneħħew mill-1 ta' Ottubru 1999. Iżda dawn jinkludu prinċipalment oġġetti li fuqhom kienet qiegħda tingħata sikwit eżenzjoni mill-levy. Għalhekk ir-roħs effettiv għall-konsumatur, fuq din l-ewwel kategorija ta' prodotti, ser ikun pjuttost limitat. (b) It-tieni grupp ta' prodotti huma dawk li ser jitneħħew il-levies fuqhom kompletament fl-1 ta' Jannar 2000. Dawn il-prodotti jinkludu diversi oġġetti ta' konsum ta' kuljum bħal; sapun, trab u likwidu għall-ħasil tal-ħwejjeġ, toilet paper, qomos, kalzetti u żraben. Fuq dawn il-prodotti, ir-roħs għall-konsumatur għandu jkun wieħed sostanzjali hekk kif diġa joħroġ mill-lista, parzjali iżda indikattiva, li poġġejt fuq il-mejda tal-kamra dak in-nhar tad-dibattitu dwar il-levies. (c) Fil-każ tat-tielet kategorija ta' prodotti, il-levies ser jitnehhew minn fuqhom fuq firxa ta' żmien (iktar preċiżament mill-1 ta' Jannar 2001 sa 1 ta' Jannar 2003). Iktar viċin tad-data meta effettivament jitnaqqsu il-levies fuq dawn il-prodotti, nippubblikaw listi indikattivi li juru r-roħs previst għall-konsumatur.

Djar — Ta' Ġiorni HE

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex isir tibjid fil-komun ta'Blks I u D tal-Housing Estate ta' Ta' Ġiorni peress li dawn jinsabu fi stat xejn pjaċevoli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Leg 9 PQ #10778 Sitting 201 1999-12-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ta' Ġiorni — Ġibjun ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex isir urġentement manutenzjoni fil-ġibjun ta' l-ilma li hemm fi Triq Bertha K.Ilg, Ta'Ġiorni peress li minnu ħiereġ ilma x'aktarx kontaminat bi drenaġġ?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma spezzjonat din il-ġiebja ta' l-ilma tax-xita u rriżulta li qed jiffiltraw traċċi ta' drenaġġ. Il-Ministeru ta' l-Ambjent ġie nfurmat sabiex il-ħsara li hemm fis-sistema tad-drenaġġ tissewwa. Wara li din il-ħsra tissewwa, il-Korporazzjoni ser tieħu ħsieb li din il-ġiebja titbattal u jsir ix-xogħol ta' manutenzjoni meħtieġ.

Ta' Ġiorni — Letter boxes

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-letter boxes u l-kaxxi fejn jinżammu l-arloġġ tad-dawl u ta' l-ilma fi Blk A, Triq Bertha K.Ilg, Ta' Ġiorni jsirulhom l-manutenzjoni meħtieġa peress li jinsabu fi stat ħażin ħafna kif ukoll huma ta'periklu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fir-rigward tal-manutenzjoni tal-"meter cupboards", għaddejt l-ilment lid-Dipartiment konċernat. Il-manutenzjoni tal-kaxxi ta' l-ittri m'hijiex meqjusa bħala xi ħaġa komuni, iżda trid tiġi msewwija mill-inkwilini.
Leg 9 PQ #10780 Sitting 201 1999-12-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-Sanita' — Ġrieden f'Ta'Ġiorni

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex id-Dipartiment tas-Sanita' jaġixxi kontra l-problema tal-ġrieden li teżisti madwar Blk A, Triq Bertha K. Ilg Ta' Ġiorni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru spezzjonijiet mill-Ispetturi tas-Saħħa fl-area indikata u l-passi kollha meħtieġa, ttieħdu. Fit-tmienja u għoxrin ta' Ottubru 1999, sar ukoll trattament kontra l-ġrieden, madwar Blk.A, Triq Bertha K.IIg Ta' Ġiorni, minn uffiċjali tar-`Rodent Control Section' tad-Dipartiment tas-Saħħa.
Leg 9 PQ #10160 Sitting 200 1999-12-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta'l-Intern — Xogħol Nutarili

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8583, jista'l-Ministru jgħid liema kriterji ntużaw biex intgħażlet in-Nutar Anne Fenech Adami fil-kuntratti li għamel riferenza għalihom fir-risposta tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant intgħażlet biex tagħmel il-kuntratti msemmija a bażi ta` kriterji professjonali relatati max-xogħol in kwestjoni.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Xogħol Nutarili

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamnentari numru 8585, jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid xi kriterji ntużaw biex intgħażel Dr Raphael Fenech Adami bħala nutar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dr Raphael Fenech Adami ma ġiex magħżul mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ iżda mis-sid tal-post innifsu. Il-Korporazzjoni ħallset għall-ispejjeż nutarili.
Leg 9 PQ #10203 Sitting 200 1999-12-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Port Ħieles — Terminal 2 - Inawgurazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' mistiednin għar-riċeviment fl-okkażjoni ta' l-inawgurazzjoni ta' Terminal 2 tal-Freeport li sar fil-Barrakka ta' Fuq fit-2 ta' Ottubru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid min ipprovda l-ikel u xorb f'din l-okkażjoni? Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa dan ir-riċeviment? Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġux offerti jew intalbux kwotazzjonijiet? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema tal-Freeport ġewx mistiedna għal dan ir-riċeviment u jekk ma ġewx mistiedna x'inhi r-raġuni? Fil-fatt min kienu l-mistiednin?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li n-numru ta` mistednin ghar-riceviment li ghalih qed issir riferenza kien ta` 1,500 li minnhom 460 kienu barranin. L-ikel u x-xorb gie pprovdut minn hames caterers differenti. Dan ir-riceviment gie jiswa Lm9 ghal kull ras. Ma nhargux offerti peress li l-ispiza individwali ta` kull caterer ma kenitx teccedi l-limitu stabbilit mill-Bord tad-Diretturi tal-Kumpanija. Ghal dan ir-riceviment il-mistednin kienu jinkludu membri tal-Gvern, membri ta` l-Oppozizzjoni, membri tal-Korp Diplomatiku, Kapijiet ta` Dipartimenti, persuni li ghandhom konnessjoni mal-Freeport, klijenti tal-Kumpanija, rapprezentanti taghhom, rapprezentanti tal-haddiema u ufficjali tal-ghaqdiet tal-haddiema rapprezentattivi.