Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xtajtiet Privati

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9386, jista' il-Viċi Prim Ministru jissottometti pjanta fid-dettal li tindika liema partijiet tal-Ponta tal-Balluta u l-Ponta tad-Dragonara huma proprjeta' privata?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ pjanti li juru proprjeta' biswit il-baħar fil-Ponta tal-Balluta u fil-Ponta tad-Dragonara fejn l-indikazzjonijiet li għandha t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern sa issa huma li din il-proprjeta' aktarx hija privata.

Forti Sant'Anġlu — Torri

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9216, jista' il-Ministru jgħid jekk parti mit-torri msemmi ġiex mirdum?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-fdalijiet tat-torri medjevali msemmija inkiexfu waqt xogħol ta’ restawr fuq Nympheum ‘funtana’ Barokka tas-seklu tmintax. Għaldaqstant dawn il-fdalijiet inkiexfu b’mod temporanju biss. Dan minħabba ix-xogħol tar-restawr kellu l-iskop li jerġa jġib in-Nympheum fl-istat oriġinali tiegħu. Għal din ir-raġuni l-fdalijiet medjevali llum jinsabu mgħottija mill-istruttura tan-Nympheum storiku. Ta’ min jgħid ukoll li dawn l-fdalijiet għalkemm mhumiex viżibili llum jinsabu protetti u ġew dokumentati b’mod dettaljat.

Xtajtiet privati

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 9056 u 9258 dwar xtajtiet privati, jista' il-Viċi Prim Ministru issa jwieġeb fid-dettall kif mitlub?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9056 fejn intqal b'mod ċar li l-interpretazzjoni legali li ngħatat sa issa hija li l-foreshore għandu jkun kollu kemm hu aċċessibli għall-pubbliku sakemm ma jkunx hemm provi legali li dan ingħalaq bi dritt u li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern tinvestiga kwalunkwe ilment li jsirilha fir-rigward u jekk ikun hemm bżonn tieħu l-passi neċessarji skond il-każ. Dwar il-Mistoqsija Parlamentari Numru 9258, ninsab infurmat li minn investigazzjonijiet li għamlet it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern dwar konċessjonijiet tal-Gvern fuq art biswit il-baħar fil-lokalitajiet ta' Tas-Sliema, Pembroke, San Ġiljan, Paċeville, Imsida u l-Gżira jirriżulta li l-Gvern dejjem għamel riserva sabiex il-foreshore jibqa' aċċessibli għall-pubbliku. L-unika eċċezzjoni hija biċċa art biswit il-Yacht Marina ta' l-Imsida hekk kif tinżel in-niżla ta' Ta' Xbiex, li fl-1976 kienet ingħatat b'ċens mill-Gvern sax-xifer tal-baħar kif muri fil-pjanta hawn meħmuża. L-aċċess għall-pubbliku jidher li huwa magħluq ukoll fil-ponta tal-Balluta u f'dik tad-Dragonara, fejn l-indikazzjonijiet sa issa huma li dawn l-artijiet huma proprjeta' privata.

Tisbiħ ta' Widien

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-widien li hemm ħsieb li jsir tisbiħ tagħhom? Jista' jgħid meta se jinbdew dawn il-proġetti, każ każ, u meta hu maħsub li jiġu mitmuma? Jista' jgħid ukoll humiex se jinġiebu jew jingħataw fondi mill-Unjoni Ewropea f'dan ir-rigward?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Proġetti ta' enerġija alternattiva

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9084 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx proġetti ta' enerġija alternattiva environmental friendly fil-ħsieb tal-gvern? Jista' jgħid fiex jikkonsistu? Meta hu maħsub li jinbdew? Kemm hu maħsub li jiswew u kemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea f'dan ir-rigward?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi qiegħda tfassal strateġija u proċeduri sabiex tirregola dan l-investiment b'mod trasparenti, ekwu u xieraq. L-istrateġija tkopri b'mod integrat elementi differenti fosthom aspetti lokali, ambjentali, legali, regolatorji, ekonomiċi, fiskali u amministrattivi.

Linji ta' l-ajru barranin

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9082 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informatika u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-Ministru jgħid kemm hemm linji ta' l-ajru barranin li joperaw lejn u minn Malta? Jista' jgħid jekk hemmx linji ta' l-ajru ġodda li talbu permess li joperaw lejn u minn Malta? Jekk fl-affermattiv, liema huma?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li hemm 46 linja ta' l-ajru barranija li joperaw lejn u minn Malta. S'issa hemm linja waħda ta' l-ajru ġdida li talbet permess biex topera lejn u minn Malta għas-sajf 2005 u din hija Hello Ltd.

San Ġiljan — Qtugħ ta' Siġar tal-Ħarrub

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk saritx investigazzjoni dwar min qaċċat numru ta' siġar tal-ħarrub li kienu jinsabu fi Triq Ta' Ġiorni, San Ġiljan, bejn wieħed u ieħor biswit fejn qiegħed isir il-proġett ta' ġnien mill-kunsill lokali, jekk min kien inqabadx u jekk eventwalment itteħdux passi kontra min wettaq dan l-att?

Response (BORG, TONIO)

Il-Kunsill infurmana li ma qaċċat l-ebda siġra tal-ħarrub fi Triq ta' Ġiorni, San Ġiljan u ma għandu l-ebda ndikazzjoni jekk seta' sar dan. Iżda irreferejt il-każ lill-Pulizija.

Dipartiment tad-Drenaġġ — Ħaż-Żebbuġ

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex drainage manhole li tinsab f'kamra magħluqa taħt it-taraġ tal-komun fi Blk E, Entrance C, Triq il-Poeta Nazzjonali, Ħal Mula, Ħaż-Żebbuġ titneħħa peress li din hija ta' inkonvenjent għas-saħħa u l-iġjene tar-residenti fl-istess block?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-manhole li hemm taħt Blk E, ser tingħalaq b'mod permanenti. Hemm hsieb ukoll li ssir manhole u shaft ġdida fuq il- mina tad-drenaġġ eżistenti u li jkunu barra 'l-blokk.

Wied il-Għasel — Għar

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9256, jista' il-Ministru jgħid fiex irriżultaw l-investigazzjonijiet tas-Sovrintendenza?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-investigazzjonijiet li saru u għadhom qed isiru mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għadhom ma taw l-ebda eżitu pożittiv u dan ukoll wara li ntalbet il-għajnuna tal-MEPA u tal-Kunsill tal-Mosta. Mill-ġdid nerġa' nitlob lill-Onor Interpellant li, jekk għandu xi tagħrif iktar preċiż, napprezza jekk jgħaddieh lis-Sovrintendenza jew lill-Ministeru.

Forti Sant'Anġlu — Torri

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'se jsir minn parti ta' torri ta' żmien l-era Għarbija li ġie skopert ftit ġimgħat ilu fil-Forti Sant Anġlu fil-parti magħrufa Ninpheum?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali eżaminat medda ta’ ħajt li jista’ jkun ta’ eta medjoevali tardiva li inkixef waqt xogħolijiet ta’ restawr fuq in-Nimfeum jew Nympheum Barok fil-kastel Sant Anġlu. Is-Sovrintendenza staqsiet lill-perit inkarigat mix-xogħol biex jagħmel dokumentazzjoni dettaljata ta’ din il-medda ta’ ħajt. Dawn il-fdalijiet ġew preżervati fl-istat u l-post li fihom instabu, wara n-Nympheum kien irrestawrat.

Wied il-Għasel — Għar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jirriżultax li għar li jinsab f'Wied il-Għasel u li fih ġew skoperti l-istalaktiti u l-istalagmiti ġie meqrud? Jekk fl-affermattiv, x'passi ttieħdu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali m’għandha l-ebda informazjoni u ma rċeviet ebda rapport fuq sejba ta’ xi għar f’ Wied il-Għasel, jew fuq xi ħsarat li setgħu sarulu. Fid-dawl ta’ din il-mistoqsija, is-Sovrintendenza għamlet investigazzjonijiet mal-Malta Environmental and Planning Authority u mal-Kunsill Lokali tal-Mosta fuq dan il-każ. Irriżulta minn din l-investigazzjoni li lanqas dawn l-entitajiet ma kellhom aħbar fuq sejba ta’ xi għar f’Wied il-Għasel, jew ta’ xi ħsara li setgħet saritlu. Is-Sovrintendza se tkompli bl-investigazjoniet tagħha fuq dan il-każ, u jekk l-Onorevoli interpellant għandu hu stess xi informazzjoni rilevanti ikun apprezzat jekk jgħaddi l-informazzjoni tiegħu lis-Sovrintendenza jew lill-Ministeru.

Ħruġ ta' Visas

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9047, jista' il-Viċi Prim Ministru jindika kemm inħarġu visas għal kull pajjiż imsemmi fil-lista għall-istess perjodu b'mod separat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Xtajtiet Privati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9056, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema partijiet tax-xtajtiet (foreshore) f'Tas-Sliema, Pembroke, San Ġiljan, Paceville, Imsida, u l-Gżira mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku minħabba li m'humiex proprjeta' tal-gvern jew huma proprjeta' tal-gvern imma mogħtija b'encroachment jew xorta oħra? Jista' jagħti dawn id-dettalji permezz ta' pjanta dettaljata lokal b'lokal?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul ix-xtajtiet ta' Tas-Sliema, Pembroke, San Ġiljan, Paċeville, l-Msida u l-Gżira hemm diversi partijiet fejn il-Gvern ta' xi konċessjonijiet li jinkludu art biswit il-baħar. Sabiex wieħed jiddetermina l-aċċess għall-pubbliku f'dawn il-partijiet huwa meħtieġ li l-kuntratti relattivi jiġu eżaminati bir-reqqa, xogħol li jirrikjedi ħafna ħin. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Tisbiħ ta' Xtajtiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9058, jista' il-Ministru jwieġeb l-aħħar żewġ partijiet tal-mistoqsija oriġinali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Fil-każ tal-proġett tal-Balluta, għadu kmieni wisq sabiex wieħed jgħid meta ser jibda x-xogħol u kemm ser jieħu żmien. Għaldaqstant għadu wkoll kmieni sabiex naraw jekk hux possibli jiġu wżati fondi ta' l-Unjoni Ewropeja.

Tisbiħ tal-widien

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9061, jista' il-Ministru jwieġeb l-aħħar żewġ partijiet tal-mistoqsija oriġinali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-siti fejn qed isir tisbiħ fil-kampanja mid-Dipartiment PARK huma ippjanati bħala proġetti t'afforestazzjoni u parks. Il-proġettazzjonijiet tagħna għat-tħawwil ta' siġar iwasslu sa 2009, pero' dan ma jfissirx li x-xogħol ta' tisbiħ fuq dawn is-siti ser jieqaf, jew li l-ħidma fuq il-proġetti tiġi mitmuma. Il-proġetti indikati huma kollha mibdija u mqassma fuq numru ta’ fażijiet rispettivament. Għal ebda minn dawn il-proġetti ma ingħataw fondi mill-Unjoni Ewropea s'issa.

Kunsill Mediku

Question

Jista' il-Ministru jinnota li l-aċċess għar-raba' sular ta' l-uffiċini tal-Kunsill Mediku ma jgħoddx għall-qagħda ta' bosta minn dawk li jressqu xi ilment billi dawn jew ikunu anzjani jew ibatu minn xi diżabilita' peress li m'hemm l-ebda lift fil-bini tal-Kunsill Mediku?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Filwaqt li huwa minnu li l-uffiċju tal-Kunsill Mediku jinstab fir-raba' sular, ninsab infurmat li meta jkun hemm xi ilment minn xi persuna anzjana jew b'diżabilita, ir-reġistratur jinżel isfel biex jaqdi l-pazjent. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-laqgħat tal-Kunsill isiru f'postijiet li huma aċċessibbli għal kulħadd.

Kunsill Mediku

Question

Jista' il-Ministru jara għaliex il-Kunsill Mediku lanqas għandu kaxxa ta' l-ittri xierqa u li minħabba f'hekk l-ittri mibgħutin lill-kunsill jispiċċaw imxerrdin ma' l-art jew f'qagħda li jista' jiġborhom kull min ifettillu jidħol hemmhekk?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-letter box fil-bini tal-Kunsill Mediku twaħħlet dan l-aħħar.

Akkomodazzjoni Soċjali — Postijiet Battala

Question

Tista' il-Ministru tgħid separatament id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali kemm għandu postijiet tiegħu battala fil-Birgu, l-Isla u Bormla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7122 f'Seduta 181.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-postijiet hawn taħt imniżżla humiex proprjeta' tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali: 1, Triq Biswit il-Kwartier, Birgu; 4, Triq Biswit il-Kwartier, Birgu; 10, Triq Biswit il-Kwartier, Birgu; 15, Triq Hilda Tabone, Birgu; 40, Triq Hilda Tabone, Birgu; 43, Triq Hilda Tabone, Birgu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li mill-postijiet indikati mill-Onor. Interpellant, dawk rekwiżizzjonati huma 1 u 4 Triq Biswit il-Kwartier, il-Birgu. Ninsab infurmata wkoll li l-postijiet l-oħra ndikati la huma propjeta' tal-Gvern u lanqas rekwiżizzjonati.