Legislature:
Category:
Reset
Active:

Diżastru nazzjonali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-prekawzjonijiet, provisti u preparazzjonijiet li jkollu l-gvern f'każ ta' diżastru/disgrazzja nazzjonali? Jista' jgħid jekk il-gvern għandux fond f'dan is-sens u kemm dan jammonta?

Response (BORG, TONIO)

Fis-sena 2000 twaqqaf id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li fost funzjonijiet oħra, għandu d-doveri li jħejji pjani ta' kontinġenza għal kontra xi diżastru kif ukoll dawk l-emerġenzi naturali, industrijali jew oħrajn li jinstgħu jinqalgħu. Għal dan il-għan diġa' saru tliet pjani ta' kontinġenza li jinkludu: Għargħar Nirien kbar Splużżjoni tal-impjant tal-Gass Pjan ieħor ta' kontinġenza f'każ ta' terrimoti u diżastri oħra naturali jinsab fl-aħħar fażi ta' preparazzjoni sabiex jiġi ikkunsidrat mill-Kumitat Xjentifiku fi ħdan id-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u finalment approvat mill-Kunsill. Fl-istess ħin id-dipartiment qiegħed jistenna ir-rapport finali tal-World Conference fir-rigward ta' Diżastri Naturali li qegħda ssir bħalissa fil-Ġappun, sabiex jiġu inklużi xi deċiżjonijiet li ser jittieħdu f'din il-konferenza. Id-dipartiment ħa ħsieb ukoll sabiex iħarreġ persuni minn tiegħu għal dawn is-sitwazzjonijiet. Żewġ uffiċjali ħadu taħriġ f'sitwazzjoni ta' terrimot fl-Italja waqt li uffiċjal ieħor tħarreġ fi Crisis Management fl-Ingilterra. Ta' min isemmi ukoll illi fis-sena 2003 il-Gvern permezz tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili daħal fi ftehim mal-Unjoni Ewropea imsejjaħ il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili, li bih il-pajjiżi kollha tal-Ewropa jagħtu għajnuna immedjata lil kull pajjuż li jkun jinħtieġ l-assitenza. B'hekk ikun assigurat illi f'każ ta' emerġenza Malta tista' titlob kwalunkwe għajnuna, u din tingħata f'perijodu relattivament qasir. Id-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħaseb sabiex ikollu provvista adekwata ta' materjal bħal ma huma sodod, gvieret, ħwejjeġ u ilma sabiex jintużaw f'każ ta' emerġenza. Dawn l-istores huma immexxija minn uffiċjal li inħatar apposta sabiex jipprovdi humanitarian aid. Huwa l-ħsieb ta' dan id-dipartiment illi fil-futur qarib jifforma il-Korp tal-Voluntiera tal-Protezzjoni Ċivili li dawn ser jiġu mħarrġa speċjalment dwar ir-rispons li jingħata f'dawn iċ-ċirkostanzi. Il-Gvern Malti qatt ma kellu fond speċifiku f'dan is-sens.

Pulizija — Każ ta' frodi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna msemmija separata f'din il-mistoqsija ttieħdux passi ġudizzjarji kontriha dwar każ ta' frodi kif kien ordnat mill-qorti u mill-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ċ-ċitazzjoni dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kienet ġiet irreġistrata mill-Pulizija fir-reġistru tal-Qorti nhar is-26 ta' Awissu 2004. Infurmat ukoll illi dan il-każ għadu pendenti quddiem il-Qorti.

Skola San Ġużepp — Xogħol ta' refurbishing

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kuntrattur li qiegħed jagħmel xogħol ta' refurbishing fl-ex skola San Ġużepp Ħaddiem tal-Marsa huwiex jitħallas doppjament ta' ċertu xogħol li qiegħed jagħmel fosthom tibjid doppju ta' ċerti klassijiet? Jista' jinvestiga ukoll jekk hemmx ċertu ħaddiema li qed jispiċċaw mix-xogħol fl-10.00 a.m.?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li dan il-bini ġie mgħoddi lill-amministrazzjoni tal-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjeta', il-Mistoqsija trid issir lill-Ministeru konċernat.

Skola San Ġużepp — Instructor

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tad-dipartiment konċernat li jpoġġi l-persuna (instructor) - isimha qed jintbagħat separatament - bħala in charge tal-klandestini fl-ex skola San Ġużepp Ħaddiem tal-Marsa, meta din il-persuna kellha każ il-qorti minħabba allegat kliem u attitudni razzisti? Jassigura l-Ministru li b'ħatra bħal din ikun hemm trankwilita' u serenita' għall-klandestini fil-bini ta' l-ex skola msemmija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-bini ta' l-iskola San Ġużepp Ħaddiem Marsa, m'għadux jaqa' taħt id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni iżda bħalissa huwa taħt ir-responsabilita' tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali.
Leg 10 PQ #10052 Sitting 223 2005-01-24 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Mużewijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9975, jista' il-Ministru jgħid, każ b'każ, kemm minn dawk indikati daħlu bil-ħlas u kemm minnhom le?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli interpellant.

Mużewijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid separatament kemm kienet l-attendenza fil-mużewijiet ta' Malta u Għawdex matul is-snin 2003 u 2004?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.

Għawdex — Qala - ITS

Question

Jista' il-Minsitru jgħid x'inhu l-complement ta' l-istaff ta' l-ITS tal-Qala? Jista' jagħti breakdown tat-teaching load tal-lecture staff - kemm dawk full time u kemm dawk part-time li hemm fl-ITS tal-Qala, Għawdex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-'complement' u t-teaching load ta' l-istaff fl-ITS Qala huwa kif ġej :- Grad Numru Teaching Load Teacher in charge 1 Nil Lecturer 1 12(il-kumplament tat-teaching load issir fl-ITS Malta) P/T Lecturer rispettivament 2 26 u 25 sigħat Administrative Asst. 1 Nil Casual Executive Off. 1 Nil General Hand 6 Nil

Għawdex — Qala - Għalliema/lecturers

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' sejħiet għall-applikazzjoni għal għalliema/lecturers full u/jew part-time fl-ITS fil-Qala li saru matul is-sena 2004? Kemm kien in-numru ta' applikanti f'kull kategorija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li peress li l-għalliema/lecturers, kemm full-time kif ukoll part-time fl-ITS Qala jiffurmaw parti mill-overall complement ta' l-ITS Malta, ma jsirux sejħiet għall-applikazzjoni speċifikament għall-ITS Qala.

Għawdex — Qala - ITS - korsijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-korsijiet li qed isiru fl-ITS tal-Qala matul is-sena skolastika kurrenti? Jista' jgħid kemm minn dawn il-korsijiet huma full time u/jew part-time? Jista' jgħid separatament kemm hu n-numru ta' studenti li qed jattendu bħalissa f'kull kors?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba hija kif ġej :- ESTS (Hospital Trades)- Full-time 1st Year - 16 il-student/a 2nd Year- 10 student/a Food Preparation and Production - Basic - Part-time - 12 il-student/a Food and Beverage Service - Basic - Part-time - 4 studenti

Att dwar l-Arbitraġġ

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li ċ-ċentru ħatar arbitri skond it-termini ta' Art. 10(2) ta' l-Att dwar l-Arbitraġġ? Kemm-il arbitru nħatru meta saret l-aħħar ħatra? Meta għandu fi ħsiebu ċ-ċentru li jerġa' jaħtar arbitri skond it-termini ta' Art. 10(2) ta' l-Att dwar l-Arbitraġġ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-aħħar darba li nħatru arbitri skond it-termini ta' l-Art 10(2) ta' l-Att dwar l-Arbitraġġ kien fid-29 ta' Ottubru 2004. Dakinhar nħatru ħames arbitri ġodda. Arbitri ġodda jinħatru meta l-Bord taċ-Ċentru jidhirlu li jkun hemm il-ħtieġa, jew issirlu talba

Xtajtiet Privati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 9490 u 9547 u l-pjanti relatati, u cioe' jista' jindika b'mod kulurit, separatament u dettaljament liema huma l-partijiet privati, liema x'aktarx privati u liema huma pubbliċi?

Response (BORG, TONIO)

Bi tweġiba għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 9490 u Nru. 9547, qed nehmeż żewġ pjanti li juru b'kulur aħmar proprjeta' biswit il-baħar fil-Ponta tal-Balluta u fil-Ponta tad-Dragonara fejn l-indikazzjonijiet li għandha t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern sa issa huma li din il-proprjeta' aktarx hija privata.

Dipartiment tad-Drenaġġ — Ħaż-Żebbuġ

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 9433, 9351 u 9541 u cioe jgħid meta se jsir dan ix-xogħol u meta se jitlesta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma bdiet ix-xogħol ta' l-għeluq tal-manhole nhar it-Tnejn 6 ta' Diċembru 2004. Dan ix-xogħol li jikkonsisti fi tħaffir u tqegħid ta' konkos għandu jieħu madwar ġimgħa u se jsir mis-sezzjoni tad-drenaġġ. It-tħaffir ta' shaft ġdid fit-triq isir minn kuntrattur aktar 'l quddiem.

Dipartiment tad-Drenaġġ — Ħaż Żebbuġ

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 9433 u ċioe' b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9351, jista' l-Ministru jgħid meta se jsir dan ix-xogħol u meta se jitlesta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija se tingħata f'xi seduta oħra.

Xtajtiet Privati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9490 u l-pjanti relatati, jista' l-Ministru jindika b'mod kulurit, separatament u dettaljament liema huma l-partijiet privati, liema x'aktarx privati u liema huma pubbliċi?

Response (BORG, TONIO)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Tweġiba ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Wied il-Għasel — Għar

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9441 jista' l-Ministru jgħid x'kien l-eżitu ta' l-ispezzjonijiet ta' l-uffiċjali tal-MEPA u tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li tindika fejn saru eżattament l-ispezzjonijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-investigazzjonijiet tas-Sovrintendenza kienu jkopru iz-zona indikata fil-pjanti mehmuza. Dawn l-investigazzjonijet qed ikomplu fuq din il-firxa ta' art kbira.

San Ġiljan — Qtugħ ta' Siġar tal-Ħarrub

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9332, jien fl-ebda ħin ma allegajt li l-kunsill qaċċat is-siġar hu, pero' jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jiġi investigat min qed jallega li l-art pubblika fejn kienu dawn is-siġar hija tiegħu fuq dan il-każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn tagħrif li kisbet il-Pulizija, jirriżulta illi x-xogħol li qed isir huwa kommissjonat mill-Kunsill Lokali u kopert bil-permessi meħtieġa. Ma rriżultax li hemm min qed jallega li l-art hija tiegħu. Madankollu, nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħtina aktar tagħrif dettaljat, sabiex wieħed ikun f'pożizzjoni li jivverifika ulterjolment, jekk ikun il-każ.

Linji ta' l-Ajru Barranin

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9310, jista' il-Ministru jgħid min huma s-46 linja ta' l-ajru u s-sena ta' meta bdew joperaw?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' l-ismijiet tas-46 linja ta' l-ajru. Rigward is-sena ta' meta bdew joperaw, huwa diffiċli li nsibu meta linji ta' l-ajru li ilhom joperaw żmien twil bdew fil-fatt joperaw minħabba li nkunu rridu mmorru lura fir-rekords tagħna għal ħafna snin. Għalhekk, dawk il-linji ta' l-ajru li ilhom ħafna joperaw huma mniżżla bħala li ilhom joperaw aktar minn għaxar snin.

Tisbih ta' Widien

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9263, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu, u cioe' jgħid liema huma l-widien li hemm ħsieb li jsir tisbiħ tagħhom? Jista' jgħid meta se jinbdew dawn il-proġetti, każ każ, u meta hu maħsub li jiġu mitmuma? Jista' jgħid ukoll humiex se jinġiebu jew jingħataw fondi mill-Unjoni Ewropea f'dan ir-rigward?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li fil-preżent tekniċi mit-taqsima tax-Xogħlijiet qegħdin jaħdmu fuq proposti ta' titjib u tisbiħ fuq Wied Rmiedi u Wied Ċampra, li jinsabu f'Ħ'Attard, u fuq Wied is-Sewda f'Ħal Qormi. Ix-xogħol fuq il-Widien ta' Ħ'Attard ser jifforma parti mill-programm ta' xogħol tat-Taqsima tax-Xogħlijiet tas-sena 2005. Għaddej ukoll xogħol preparattiv inkonnessjoni mal-proġett tal-ftuħ mill-ġdid tal-parti tal-Wied ta' Burmarrad li tinsab mirduma, cioe il-fergħa tal-Wied minn Għajn Riħana sa Kennedy Grove. Dan qiegħed jitqies bħala wieħed mill-proġetti ewlenin tat-Taqsima tax-Xogħlijiet għas-sena d-dieħla u qiegħed jiġi ppjanat li x-xogħol fuqu jsir bejn il-bidu ta' Marzu u l-aħħar ta' Settembru 2005. Dan ix-xogħol mhux ser ikun iffinanzjat minn xi fondi mill-Unjoni Ewropea, għalkemm ta' min ifakkar li l-Unjoni Ewropea pprovdit mal-miljun Euro (1) għal xogħol relatat mal-ħsarat ikkaġunati mill-għargħar matul is-sena 2004.

Wied il-Għasel — Ghar

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9384, jista' il-Ministru jara li jiġu spezzjonati l-viċinanza ta' barriera u proprjeta' ta' kuntrattur f'dan is-sens?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qed tieħu ħsieb li jsiru spezzjonijiet skond il-bżonn fl-inħawi tal-varji barrieri u propjeta' ta' kuntratturi li jinsabu fiz-zona ta' Wied il-Għasel. Dawn l-ispezzjonijiet se jsiru f'ko-operazzjoni ma' uffiċjali tal-MEPA. L-ewwel minn dawn l-ispezzjonijiet se ssir fil-jiem li ġejjien.