Legislature:
Category:
Reset
Active:

Heritage Malta – pjan f’każ ta’ ħruq

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15779, jista’ l-Ministru jinnota illi f'każ ta ħruq, parti mill-kollezzjoni nazzjonali li Heritage Malta hija responsabbli għaliha, tista' tintilef sakemm tissejjaħ u tasal l-għajnuna. Jaqbel li jkun aħjar kieku jiġu istallati fire alarms u fire suppression systems f'dawn il-postijiet u b'hekk tonqos il-possibilità ta' ħsara irriversibbli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li filwaqt li fil-prinċipju kulħadd jaqbel li għandu jkun hemm sistemi li javżaw li hemm ħruq u jwaqqfuh kemm jista’ jkun malajr, wieħed irid jifhem li mhux dejjem possibbli li dan iseħħ, speċjalment suppression systems, peress li dan ikun jeħtieġ intervent invażiv ħafna fl-istrutturi tal-binjiet li jospitaw il-mużewijiet, li ħafna drabi huma artefatti fihom infushom. Wieħed irid ukoll iżomm f’moħħu li l-esperjenza turina li f’każijiet bħal dawn il-ħsara li jikkawza l-ilma tkun ikbar minn dik ikkawzata min-nar innifsu. Għalhekk, filwaqt li dejjem wieħed għandu jkollu fire alarm, sistema ta’ fire suppression konvenzjonali awtomatika mhux bilfors hija desiderabbli. Heritage Malta, filwaqt li installat sistemi ta’ fire alarms f’xi wħud mis-siti tagħha, qed taċċerta ruħha li dawn is-sistemi jkunu installati mill-ewwel f’kull binja inkluża fil-proġetti l-ġodda.

Heritage Malta – esibizzjoni dwar l-Assedju l-Kbir fil-Palazz tal-President

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15780, jista' l-Ministru jikkonferma li l-kuratur ta' din l-esibizzjoni huwa l-kuratur anzjan tal-istess sezzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-kuratur ta’ din il-wirja huwa dak imsemmi mill-Onor. Interpellant, flimkien ma’ kollegi oħrajn li jikkollabora magħhom.

Heritage Malta – tempji ta’ Kordin III

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15781, jista' l-Ministru jgħidilna x’inhuma l-pjanijiet ta' Heritage Malta fir-rigward tat-tempji ta' Kordin III? Jista' wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-management plan relatat ma’ dan it-Tempju?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li għad ma hemmx pjanijiet konkreti dwar it-tempju msemmi, li għadu ma għaddhiex fir-responsabilità tal-aġenzija. Għal din ir-raġuni dan ma kienx inkluż fil-management plan tat-tempji preistoriċi li kien tfassal xi snin ilu

Tempji ta’ Ħal Tarxien u Forti Sant Anġlu — inawgurazzjoni

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15782, jista' l-Ministru jagħti d-data tal-ftuħ ta’ dawn il-proġetti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li għadu kemmxejn kmieni sabiex wieħed jistabbilixxi data definittiva ta’ inawgurazzjoni ta’ dawn iż-żewg proġetti peress li fadal ammont sostanzjali ta’ xogħol x’jitlesta.

Heritage Malta – performace bonus

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 13338, jista’ l-Ministru jispjega kif is-CEO ta' Heritage Malta ngħata l-massimu tal-performance bonus fid-dawl tan-nuqqasijiet li l-Awditur Ġenerali jelenka fir-rapport tiegħu tal-2013, fid-dawl li proġetti li suppost kellhom jiġu kompluti fl-2014 ma tlestewx u fid-dawl ta' sitwazzjonijiet li impjegati li ma kenux eleġibbli biex japplikaw għall-internal call ġew imsejħa xorta waħda għall-intervista u dak il-ħin ġew infurmati li ma kinux eliġibbli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li wħud mill-miri imsemmija kellhom proprju l-iskop biex jibdew jindirizzaw il-kummenti tal-Awditur. L-iskeda ġenerali tal-proġetti ġiet irrispettata, u l-impjegat imsemmi ġie mgħajjat għall-intervista peress li kien issottometta informazzjoni żbaljata u kien hemm bżonn ta’ kjarifika minn naħa tiegħu.

Heritage Malta — kalendarju

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 13893, jista' l-Ministru jgħidilna kemm baqa’ stock tal-kalendarju 2015? Jista' wkoll jgħidilna x'kienet ir-raġuni li din is-sena, għall-ewwel darba, ġew stampati l-kalendarji u l-istaff ta' Heritage Malta ma ngħatax kopja bħas-soltu? Jista wkoll jgħidilna jekk Heritage Malta għandhiex ħsieb li tagħmel kalendarju għas-sena 2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ April kien għad fadal 2536 kalendarju. In-nefqa kollha ġiet irkuprata. Kif ġara f’każijiet oħra, l-impjegati ta’ Heritage Malta, fost benefiċċji oħra, jingħataw offerta speċjali bi prezz ridott ħafna meta l-aġenzija toħroġ xi pubblikazzjoni. F’dan il-każ ġara l-istess. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-komunikazzjoni rispettiva għall-informazzjoni tal-Onor. Interpellant. Ma hemmx ħsieb li jiġi stampat kalendarju għall-2016 peress li din kienet iniżjattiva speċifika marbuta mal-anniversarju tal-Assedju l-Kbir.

Heritage Malta – ingaġġ ta’ konservaturi

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15767, jista' l-Ministru jikkonferma illi ħaddiema li se jkun ingaġġati għal dan l iskop biss, se jkunu qed jaħdmu fuq din l-biċċa xogħol speċifikament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-konservatur se jkun qed jaħdem fuq il-kwadri msemmija.

Ftuħ ta’ Forti Sant’ Iermu

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15770, jista' l-Ministru jgħidilna għaliex Heritage Malta l-ewwel irriklamat l-open day għall-aħħar t'April, imbagħad dawret kollox għal opening soon?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-data kellha tinbidel minħabba impenji Ministerjali.

Mużew tal-Arkeoloġija – sejħa għal kuratur

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15771, jista' l-Ministru jispega għaliex Heritage Malta ma għandhiex ħsieb tingaġġa replacement fil-Mużew tal-Arkeoloġija, il-Belt Valletta? Jista' jispjega kif filwaqt li x-xogħol f’din is-sezzjoni żdied, ir-riżorsi umani tnaqqsu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta tqis li r-riżorsi umani li huma allokati għall-Mużew tal-Arkeoloġija huma biżżejjed bħalissa.

Esibizzjoni The Roman Inquisition in Malta — riklami

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15775, jista' l-Ministru jgħidilna jekk hemmx ħsieb li dan il-patrunaġġ jiġi użat ukoll biex jiġu rriklamati siti u mużewijiet li ma tantx jżuruhom nies?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta għandha l-fakulta li tuża dan il-patrunaġġ għall-iskopijiet li jidhrilha huma l-aħjar għall-aġenżija, u għalhekk dan jista’ jinkludi wkoll xi mużewijiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant.

Heritage Malta — performace bonuses

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13338, jista’ l-Ministru jispjega għaliex it-top management team ta’ Heritage Malta ta’ spiss jagħmel aċċenn lill-ħaddiema li l-aġenzija għandha problemi kbar ta’ finanzi u li hemm bżonn li jsiru sagrifiċċji f’ċert siti u mużewijiet filwaqt li qed jintefqu eluf ta’ Euros f’performance bonuses? Jista’ jgħid f’termini ta’ Euro u relatata mas-sena 2014, x’kienet l-ispiża f’bonuses imsemmija f’din il-mistoqsija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-bonuses jingħataw skont il-kuntratt u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. It-total ta’ bonuses li ingħataw lit-top management team fl-2014 huwa ekwivalenti għal dawk li ngħataw fl-2011, 2012 u 2013.

Heritage Malta — donazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kull donazzjoni li ngħatat lill-Heritage Malta matul is-snin 2013 u 2014? Jista’ jinkludi ukoll id-dettalji relatati mal-oġġetti, il-condition assessment u f’liema post qed tiġi miżmuma kull donazzjoni? Jista’ jikkonferma li kull min jagħti xi donazzjoni għall-kollezzjoni nazzjonali jiġi mogħti rċevuta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li matul l-2013 u l-2014 Heritage Malta irċeviet 237 donazzjoni formali kif muri fil-lista mehmuza li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn kienu fi stat relattivament tajjeb ta’ konservazzjoni u ġew miġbura mal-bqija tal-kollezzjonijiet ta’ riserva fil-mużewijiet rispettivi. Kull donazzjoni tiġi reġistrata u għaldaqstant id-donaturi jingħataw irċevuta. Nieħu l-opportunita’ biex f’isem il-Gvern nirringrazzja minn qalbi lil kull min ta donazzjoni lil pajjiżna.

Heritage Malta — pubblikazzjonijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13891, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-awtur ta’ dan il-pubblikazzjonijiet issottomettiex talba bil-miktub lill-Heritage Malta sabiex jitlob permess jaħdem fuq din il-biċċa xogħol ta’ riċerka li setgħet involviet konflitt ta’ interess? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din it-talba?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-awtur tal-pubblikazzjoni msemmija talab permess minn Heritage Malta sabiex jaħdem fuq dan ix-xogħol u l-awtorizzazzjoni ingħatatlu verbalment.

Heritage Malta – Culture Card

Question

Jista’ l-Ministru jagħti update dwar il-culture card u meta din se tkun tista’ terġa’ tiġi użata fil-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta? Jista’ jgħid kemm studenti utilizzaw il-culture card ġewwa s-siti u mużewijiet ta’ Heritage Malta minn Marzu 2013 s’issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-culture card hija attiva u tista’ tintuża fil-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta. Bejn Marzu 2013 u April 2015, Heritage Malta organizzat sbatax (17)-il attivita’ għall-istudenti li għandhom il-culture card. B’kollox attendew 285 partiċipant għall-istess attivitajiet.

Heritage Malta — performace bonuses - kriterji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-objettivi u l-kriterji kollha li fuqhom se jingħata l-performance bonus matul is-sena 2015 lis-CEO, il-Heads u l-Managers ta’ Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Heritage Malta — performace bonuses

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13338, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jingħata xi tip ta’ rikkonoxximent finanzjarju lill-ħaddiema kollha li taw is-sehem tagħhom biex jittellgħu l-esibizzjonijiet temporanji tant sbieħ ġewwa l-Palazz tal-Inkwiżitur u l-wirja tal-100 Oġġett? Jekk fl-affermattiv, meta se jingħata dan il-bonus mistħoqq, kemm se jammonta u jekk hux se jkun komparabli mal-bonus li ngħata lis-CEO u lill-Heads vis-à-vis dawn l-esebizzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 16014.

Heritage Malta — performace bonuses

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13338, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jingħata xi tip ta’ bonus finanzjarju lill-ħaddiema kollha li ħadmu biex intlaħqet il-mira ta’ €250,000 bejgħ mill-ħwienet ta’ Heritage Malta u 1% żieda mid-dħul ta’ bejgħ ta’ biljetti tal-entratura?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ma hemmx ħsieb biex dan isir. Il-bonuses jingħataw skond il-kuntratt u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. Kull ċentezmu ta’ introjtu li tagħmel Heritage Malta imur dritt lura fil-wirt kulturali.

Suq tal-Belt

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15766 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali u li issa ġiet rifertua lilu u ċjoè: B’referenza għall-Konferenza tal-Aħbarijiet tas-6 ta’ Marzu 2014 dwar is-suq tal-Belt (dak li kien jissejjaħ is-Suq Malti) li jinsab fi Triq il-Merkanti fuq wara tal-Palazz tal-President, jista’ l-Ministru jispjega aħjar jekk is-sejħa li saret kenitx call for expression of interest jew sejħa għall-ideat u liema proċess intuża? Jista’ jgħid: (a) Jekk saritx short list ; (b) X’tip ta’ kuntratt ġie offrut lill-partijiet li sottomettew il-proposti; (c) Xi żvolta ħadu n-negozjati u x’ġie negozjat; (d) Min kienu n-negozjaturi jew il-persuni fuq il-kumitat tal-għażla; (e) Jekk ġiex iffirmat xi tip ta’ agreement ? Jekk fl-affermattiv, jista’ jikkonferma jekk hux emfitewsi temporanju u għal kemm tul ta’ żmien; (f) Jekk il-proprjetà tistax tiġi sub-leased ; (g) Jekk hemmx xi forma ta’ obbligu li l-bini jiġi restawrat u jekk fl-affermattiv, jistax jikkonferma kif se jkun assigurat li dan isir skont l-obbligi; (h) Jekk ingħatax żmien speċifiku meta għandu jitlesta x-xogħol u jekk il-partijiet humiex marbutin legalment biż-żmien? F’każ li ma jitlestiex fiż-żmien stipulat, jista’ jgħid x’inhuma l-penali; (i) Jekk dan il-proġett hux se jinkludi produtturi jew manifatturi speċjalizzati sabiex jesibixxu u jbigħu prodotti lokali tagħhom; u (j) Peress li normalment l-artiġġjani jingħataw permessi sabiex jorganizzaw fieri fil-bini tas-suq, hux se jibqgħalhom il-possibilità li jagħmlu dan?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Heritage Malta – Merchandise Supplies and Artists – expression of interest

Question

B’referenza għall-expression of interest li ħarġet Heritage Malta dwar il-Merchandise Supplies and Artists, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sottomissjonijiet, fuq liema kriterji se jiġu magħżula s-suppliers u l-artist/i u x’miżuri se jittieħdu sabiex is-selection board ma jkollu l-ebda tip ta’ konflitt ta’ interess? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ individwi li se jservu fis-selection board?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li kien hemm 22 sottomissjoni għall-expression of interest. Il-kriterji huma l-prezz, ir-rilevanza kif ukoll il-preċiżjoni teknika fil-kaz ta’ replika ta’ oġġetti. Kull kunflitt ta’ interess ser jiġi evitat billi min jagħżel ma jkunx jaf min hu s-supplier. L-evalwaturi se jkunu differenti għal kull suġġett u/jew oġġetti peress illi is-suġġett ivarja ħafna u jorbot miegħu oqsma differenti.