Legislature:
Category:
Reset
Active:

Forti Sant Iermu u l-Mużew Militari –lapida kommemorattiva

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li uffiċċjal fil-Ministeru tiegħu kien involut f'argument ma uffiċċjal fil-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura dakinhar tal-inawgurazzjoni tal-proġett tar-Restawr tal-Forti Sant' Iermu u l-ftuħ tal-Mużew Militari dwar il-lapida li nkixfet u li allura ma ssemma mkien il-Ministru responsabbli mill-Kultura? Jista' jgħidilna jekk dan l-iżball mhux ser jiġi rranġat u jekk fl-affermattiv min ser ikopri l-ispejjeż?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor. Interpellant għandu informazzjoni żbaljata.

International Museums Day

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna x'events organizzat Heritage Malta għal International Museums Day ta' din is sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li għall-International Museums Day Heritage Malta organizzat attività ta’ outreach iffukata fuq il-kommemorazzjoni tal-Assedju l-Kbir mar-residenti ta’ San Vinċenż De Paule. Din ġiet organizzata bil-kollaborazzjoni tal-ICOM Malta.

Heritage Malta – publikazzjonijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16010, jista' l-Ministru jgħidilna għaliex f'dan il-każ, Heritage Malta ma segwietx poċedura interna HM 09 - 2014 maħruġa mis-CEO fejn tisħoq li "Any member of staff wishing to engage in other work (which may be considered as constituting conflict of interest), which necessarily has to take place beyond the normal working hours of the Agency, is required to submit a written request for clearance from the Agency to do so"?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li wara li ngħatat awtorizzazzjoni bil-fomm, bi żvista ma saritx talba formali bil-miktub.

Heritage Malta – artisti u skulturi

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna x’qed tagħmel Heritage Malta sabiex trippromovi u tinkoraġixxi artisti u skulturi lokali, speċjalment dawk femminili u dawk mil-gżira ta' Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 15784. Ninsab infurmat li l-faċilitajiet li toffri Heritage Malta ma jiddiskriminawx kontra skulturi, artisti nisa jew Għawdxin u kulħadd għandu l-istess opportunitajiet jesibxxi t-talenti tiegħu. Barra minn hekk wieħed għandu ukoll jieħu in kunsiderazzjoni li l-Kunsill Malti għall-Arti, li jaqa’ ukoll taħt id-dekasteru tiegħi, jamministra taħt il-portfoll tiegħu tmien funding programmes differenti li jiġu ekwivalenti għall- €1.5 miljun u li huma miftuħa għall- diversi ini¿jattivi li jisoddisfaw ir-regoli ta’ kull programm. Dawn il- funding programmes huma: · Malta Arts Fund · Kreattiv · INVEX · Cultural Export Fund · Kultura TV · Malta Digital Games Fund · Cultural Organisation Support Grant · Cultural Partnership Agreement Tajjeb jingħad li l-benefiċċjarji tal-Cultural Partnership Agreement huma tlett NGOs Għawdxin.

Forti Sant’ Iermu – mistednin għall-ftuħ uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna għaliex xi ħaddiema ta' Heritage Malta li taw kontribut sabiex jitlesta l-proġett ta' Forti Sant' Iermu, ma ġewx mistiedna għal ftuħ uffiċjali? Jista' ukoll jgħidilna minn kien responsabbli min naħa ta' Heritage Malta mill-approvazzjoni tal-lista tal-mistednin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta ipprovdiet lista ta’ dawk kollha li ipparteċipaw direttament fil-proġett ta’ Sant Iermu sabiex jiġu mistiedna.

Heritage Malta — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk xi ħaddiema ta' Heritage Malta ngħatawx permess li jġibu l-pets tagħhom fuq il-post tax-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ebda ħaddiem ta’ Heritage Malta ma ngħata permess li jġib pets fuq il-post tax-xogħol.

Heritage Malta — donazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna għaliex Heritage Malta tirriklama attivitajiet li huma bla ħlas, imbagħad tiġi imposta donazzjoni mal-bieb? Jista' jgħidilna wkoll jekk hux qed tinħareġ irċevuta għal kull donazzjoni mogħtija?

Response (BONNICI, OWEN)

Lil-frażi “donazzjoni imposta” hija oxymoron. Ħlas ikun tassattiv u jitħallas minn kull min jattendi għall-attivita’ - donazzjoni titħalla f’idejn l-individwi jekk tingħatax jew le. Id-donazzjoni, li hija dejjem libera u qatt imposta, tintefa’ direttament fil-kaxxa apposta minn min jogħġbu jagħmilha. Niehu l-opportunita’ li nirringrazzja lil kull min ta donazzjoni lil Heritage Malta.

Heritage Malta – performance bonus

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 14512, jista' l-Ministru jgħid min japprova r-rata tal-performance bonus tas-CEO ta' Heritage Malta? Jista' jgħidilna wkoll x'jaħseb fuq il-fatt li s-CEO ġab il-massimu tal-performance bonus filwaqt li l-heads, li tagħhom huwa responsabbli l-istess CEO, ġabu inqas minnu? Jista, jkun li l-heads ma ġabux il-massimu għax mhux qed isibu support kontinwu mis-CEO?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-performance bonus tas-CEO jiġi approvat miċ-Chairman. Il-kriterji li bihom jingħataw il-performance bonuses huma l-istess bħalma kienu fis-snin li għaddew. Nassigura lill-Onor. Interpellant li s-CEO dejjem ta support sħiħ lill-Heads meta dan kien dovut, meħtieġ u possibbli

Heritage Malta – servizz ta’ sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-kumpanija li kienet tagħti servizz ta' Sigurtà lil Heritage Malta sa ftit xhur ilu ntemmilha ħesrem il-kuntratt? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni ta' dan u liema kumpanija/i qed joffri/u dan is-servizz bħalissa?

Response (BONNICI, OWEN)

Le, il-kumpanija li kienet tagħti servizz ta’ sigurta’ lil Heritage Malta ma ntemmilhiex ħesrem il-kuntratt imma kien sempliċement każ fejn il-kuntratt tagħha skada. Għalhekk ir-risposta m’hijiex fl-affermattiv imma fin-negattiv.

Forti Sant Iermu u l-Mużew Nazzjonali l-Ġdid tal-Gwerra — biljetti komplimentari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jingħataw biljetti komplimentari għall-istaff u l-familjari tagħhom bħalma hi l-prassi sabiex ikunu jistgħu jżuru l-Forti Sant Iermu u l-Mużew Nazzjonali Ġdid tal-Gwerra?

Response (BONNICI, OWEN)

Nikkonferma li Heritage Malta se tagħmel kif dejjem għamlet f’ċirkostanzi bħal dawn.

Heritage Malta – Head Conservation

Question

Peress li issa għadda ħafna żmien minn meta spiċċa biż-żmien il-Head Conservation f'Heritage Malta, jista' l-Ministru jgħidilna meta ħa toħroġ il-call sabiex jimtela l-post vakant?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta qed tikkunsidra din il-pożizzjoni f’ambitu aktar wiesgħa. Din il-pożizzjoni timtela meta jkun opportun.

Rabat — Proġett tal-Katakombi ta’ San Pawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkun lest il-proġett tal-Katakombi ta' San Pawl fir-Rabat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-proġett tal-Katakombi ta’ San Pawl ser jiġi inawgurat fi żmien ftit xhur oħra. Dan hu Gvern li jaħdem u jagħti r-riżultati.

Forti Sant’ Iermu – ħinijiet tal-ftuħ

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna għaliex il-Forti Sant’ Iermu li jaqa' fi ħdan Heritage Malta ħa jkollu ħinijiet tal-ftuħ differenti minn siti u mużewijiet l-oħra u allura l-Front of House se jibdew u jispiċċaw siegħa tard bi ksur tal-Ftehim Kollettiv?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor. Interpellant jaf daqsi li hemm sentiment favur li l-ħinijiet tal-ftuħ ta' Sant Iermu jkunu iktar armonizzati mal-ħtiġijiet tas-settur turistiku. Nifhem li l-Onor. Interpellant jaqbel mal-isforz li qed nagħmlu mal- Union rispettiva biex dan is-sentiment jiġi sodisfatt.

Forti Sant’ Iermu – sejħa għal kuratur

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-Forti Sant’ Iermu, Heritage Malta ħarġet sejħa għal kuratur f’Novembru li għadda, fid-dawl tal-fatt li l-interpretazzjoni f'dan is sit ġiet outsourced u fid-dawl li diġa’ kien hemm kuratur f'dan il-post?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-kontribut ċentrali tal-kuratur fl-iżvilupp u t-titjib tal-interpretazzjoni huwa kontinwu. Peress li Sant Iermu huwa sit kbir ħafna li qed jospita kollezzjoni kbira ħafna, hemm bżonn ta’ iktar minn kuratur wieħed. Wieħed jiffoka fuq il-kollezzjoni, filwaqt li l-ieħor jiffoka fuq is-sit innifsu u attivitajiet oħra. Nifhem li l-Onor. Interpellant jaqbel li wieħed iżid ir-riżorsi umani lill-Heritage Malta għall-ġid tal-ħarsien tal-patrimonju kulturali f'pajjiżna in vista tal-ftuħ tal-Forti tant sabiħa ta' Sant Iermu.

Ġarr ta’ artifatti mill-Mużew tal-Gwerra għall-Forti Sant Iermu

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk xi artifatti ġarrbu xi ħsara waqt li kienu qed jiċċaqalqu mil-Mużew tal-Gwerra għal post il-ġdid f'Sant Iermu. Jekk fl-affermattiv, liema kienu dawn l artifatti, x'tip ta' ħsara ġratilhom u għalfejn ġara dan. Meta ser isir ir-restawr fuqhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ma kienx hemm inċidenti waqt il-ġarr tal-affarijiet għal Forti Sant Iermu ħlief affarijiet verament żgħar li wieħed jista’ jistenna f’operazzjonijiet ikkumplikati bħal dawn, u li ġew rimedjati minnufih.

Heritage Malta – miri stabbiliti mill-managers

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15785, jista' l-Ministru jgħidilna kemm-il Manager ta' Heritage Malta kellu/kellha l-miri stabbiliti mibdula tul 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li jkun hemm għadd ta’ managers li l-miri stabbiliti tagħhom jinbidlu skont kif jinbidlu l-esiġenżi tal-aġenzija matul is-sena

Heritage Malta – Palazz tal-Inkwiżitur

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15786, jista' l-Ministru jgħidilna fuq kemm-il sena Heritage Malta stmat li dan l-investiment ħa jiġi rkuprat? Jista' wkoll jgħidilna għaliex ma ġewx applikati fondi tal-Ewropa sabiex jittwettaq dan il-proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett twettaq bħala parti mill-programm ta’ konservazzjoni u ftuħ mill-ġdid għall-pubbliku tal-ispazji kollha tal-Palazz tal-Inkwiżitur kif ukoll sabiex jinħolqu faċilitajiet adegwati għat-tgawdija tal-istess Palazz minn udjenzi differenti. Dan jista jiġi kkonfermat mill-fatt li bejn l-1 ta’ Jannar u l-15 ta’ Mejju 2015 din is-sala intużat xejn inqas minn 38 darba għall-taħditiet pubbliċi, programmi edukattivi għat-tfal tal-iskejjel, laqgħat ta’ operat tal-Aġenzija u sessjonijiet ta’ taħriġ minn istituzzjonijiet governattivi oħra. Għaldaqstant, l-investiment diġa ħalla l-frott mixtieq. Fir-rigward tal-użu tal-fondi tal-Unjoni Ewropea, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li dan hu biss wieħed mill-modi ta’ finanzjament tal-proġetti, u li Heritage Malta tuża dan is-sors għal proġetti ħafna ikbar minn dan skont il-prijoritajiet tagħha. Heritage Malta twettaq ħafna xogħol ieħor ta’ konservazzjoni, manutenzjoni u titjib tal-faċilitajiet permezz tal-impjegati tagħha u tal-istudenti tal-MCAST li jwettqu l-apprentistat magħha. Dan kien wieħed minnhom.

Heritage Malta – Kawżi Ċivili pendenti

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15783, jista' l-Ministru jgħidilna l-isem tal-kumpanija jew partnership li qed j/tiddefendi lil Heritage Malta f'dawn il-każi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta qed tiġi rrappreżentata kif ġej: · 154/2012 MALTATICKET.COM vs HM – Dr Patrick Valentino u Mamo TCV & Associates. · 1278/2011 HM vs MALTATICKET.COM – Dr Patrick Valentino. · ARB 2290/2010 AGM vs HM – Refalo and Zammit Pace Advocates.

Heritage Malta — Manager Exhibitions and Upkeep

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15777, jista' l-Ministru jispjega għaliex il-Manager Exhibitions and Upkeep, li qabel kien jiffoka fuq esebizzjonijiet, signage u disinn, ġie mgħobbi wkoll bl-upkeep? Jista' wkoll jikkonferma li l-post ta’ senior executive fl-istess dipartiment tħeħħielu l-overtime, u għalhekk ma jistax ilaħħaq mad-domanda ta' xogħol li qabel kien qed ilaħħaq magħha?

Response (BONNICI, OWEN)

Kif diġà mwieġeb f’mistoqsija parlamentari 15777, dan il-manager żdietitlu wkoll bl-upkeep ‘peress li l-ħaddiema tal-Exhibitions kif ukoll tal-Upkeep jagħmlu ħafna xogħol fuq l-istess proġetti’ u b’hekk qed ikun hemm użu aħjar ta’ riżorsi. Il-pożizzjoni ta’ senior executive fiha nnifisha awtomatikament teskludi l-overtime. Madanakollu, bl-istess mod kif jagħmlu s-senior executives l-oħrajn, dan bl-ebda mod ma jfisser li x-xogħol ma jsirx jew li ma jitkompliex wara l-ħin jekk hekk ikun meħtieġ.

Heritage Malta – ħaddiema fil-grad A

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15778, jista' l-Ministru jgħidilna minn Marzu 2013 sa issa, kemm-il ħaddiem fil-grad A ingaġġat Heritage Malta (permezz ta' internal calls kif ukoll b'external calls)? Kemm minnhom għandhom livell ta' kwalifika MQF level 6 jew iktar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sa issa Heritage Malta ingaġġat tlettax-il ħaddiem fi grad A. Ħdax kienu permezz ta’ internal call, u sitta minnhom kellhom MQF level 6. Tnejn oħra kienu permezz ta’ external call, u wieħed minnhom kellu MQF level 6.