Legislature:
Category:
Reset
Active:

Heritage Malta — defibrillator

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għandiex ħsieb tinvesti f'defibrillator ġewwa l-Head office kif ukoll fis-siti u mużewijiet l-iktar frekwentati mil-viżitaturi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta qed tikkunsidra possibiltajiet sabiex tara kif dawn jistgħu jinxtraw.

Ir-Rabat Malta — Casino Tas-Saqqajja - Restawr

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16623 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq ir-restawr tal-bini tal-Casino fuq is-Saqqajja, ir-Rabat, Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-proċess tal-għotja tal-kuntratt għax-xogħol hu temporanjament sospiż sakemm jiġu deċiżi żewġ appelli li saru.

Ir-Rabat Malta — Barrakka - Restawr

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16624 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq ir-restawr tal-Barrakka taħt is-Saqqajja, ir-Rabat, Malta, minn fejn jingħataw il-palji fit-tiġrijiet taż-żwiemel fi żmien l-Imnarja?

Response (BONNICI, OWEN)

Ix-xogħol fuq ir-restawr tal-Barrakka taħt is-Saqqajja fir-Rabat qed isir minn ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr wara li inġiebu l-permessi meħtieġa. Fil-preżent għaddejjin xogħolijiet minn ġewwa tal-binja, u dalwaqt ser jinbeda x-xogħol fuq barra.

Conservators — warrant

Question

Jista' l-Ministru jagħtina update rigward l-għotji tal-warrant lill-conservators?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Gvern m'għandu ebda commitment elettorali li jagħti warrant lill-conservators. Biss qed nikkonsidraw din il-proposta mal-bqija tal-proposti li daħlu.

Heritage Malta — nefqa

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16405 jista' l-Ministru jserraħ moħħ il-poplu Malti li flus Heritage Malta jinteffqu bil-għaqal u bħalma qal hu stess u naqbel miegħu f'risposta ohra li "kull ċenteżmu ta' ntrojtu li tagħmel Heritage Malta jmur dritt lura fil-wirt kulturali" mhux biss jirriserva d-dritt li japplika l-penali imma f'ġieħ il-konsistenza japplika l-penali mill-ewwel?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor. Interpellant jista’ jserraħ rasu li Heritage Malta tapplika l-penali li jidhrilha li għandha tapplika fil-waqt opportun.

Heritage Malta – siti/mużewijiet bla security officers

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16405 jista' l-Ministru jserraħ moħħ il-poplu Malti li f'dawn it-tmien darbiet fejn il-kuntrattur ma onorax il-ftehim ma' Heritage Malta, il-kollezzjoni nazzjonali ma kinetx f'ebda ħin f'periklu minħabba li ma kienx hemm għassa? Jista' ukoll l-Ministru jgħidilna x'miżuri ħadet Heritage Malta sabiex jissewwa n-nuqqas tal-kuntrattur?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li kull darba li kien hemm nuqqas min-naħa tal-kuntrattur Heritage Malta għamlet tajjeb permezz tal-impjegati tagħha skont pjan pre-stabbilit u kif isir dejjem f’okkażjonijiet bħal dawn. Saru għadd ta’ laqgħat mal-kuntrattur sabiex titjieb il-proċedura u jiġu evitati okkażjonijiet bħal dawn.

Heritage Malta – direct orders

Question

Jista' l-Ministru jelenka kull direct order li ħarġet minn Heritage Malta minn Marzu 2013 s'issa? Jista' wkoll jgħid lil min ingħataw dawn id-direct orders, in-natura tax-xogħol involut, l-ammount (bil-vat inkluż) kif ukoll ir-raġunijiet għaliex inħarġu dawn id-direct orders.

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tad-direct orders li nħarġu minn Heritage Malta mill-2013 sal-lum, bl-informazzjoni mitluba.

Watchman — overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siegħa overtime ingħata fil-grad ta' watchman minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sa Mejju 2015, jiġfieri f’26 xahar, kien hemm bżonn ta’ 4,518 siegħa overtime fil-grad ta’ watchman. Tajjeb li wieħed jinnota li bejn l-2011 u l-2012, ċioe f’24 xahar, l-ammont ta’ siegħat overtime fil-grad ta’ watchman kien dak ta’ 5,639-il siegħa. Dan iffisser li mill-2013 sa Mejju ta’ din is-sena kien hemm tnaqqis ta’ 1,121 siegħa fl-overtime li ngħata fil-grad ta’ watchman

Heritage Malta – performance bonuses

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16014, jista' l-Ministru jgħidilna għaliex numru ta' individwi fi grad maniġerjali li jaħdmu fi ħdan Heritage Malta kellhom parti mill-performance bonus tal-2014, abbinat maż-żieda ta' dan l-introjtu? Ma jaħsibx il-Ministru li jkun iktar ta' ġid jekk l-ħaddiema kollha jkun trattati l-istess għal ġid tal-istess Aġenzija u li jkun rikkonoxxuti kif xieraq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li dawk l-impjegati fi grad maniġerjali li jistgħu jikkontribwixxu direttament lejn iż-żieda fl-introjtu ikollhom parti mill-performance bonus marbut ma’ din il-mira. Ma hemm assolutament xejn stramb f’dan.

Sant’ Iermu – lapida kommemorattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali ma ġiex imniżżel fuq il-lapida kommemorattiva li nkixfet fil-ftuħ uffiċjali ta' Sant Iermu f'Mejju li għadda?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta’ restawr ta’ Forti Sant Iermu, huwa proġett li ġie implimentat mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC), li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura. Heritage Malta se tkun responsabbli mill-operat tal-post.

Sant’ Iermu – lapida kommemorattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali ma ġiex imniżżel fuq il-lapida kommemorattiva li nkixfet fil-ftuħ uffiċjali ta' Sant'Iermu f'Mejju li għadda?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16724 li qed tiġi mwieġba f’din is-Seduta Parlamentari.

Heritage Malta – sejħa għal wood conservator

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 13593, fejn il-Ministru wieġeb li Heritage Malta m’għandhiex xogħol ta' restawr pendenti minħabba nuqqas ta' nies, jista' jgħid għaliex f'24 ta' Mejju, Heritage Malta ħarġet sejħa esterna għall-wood conservator?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li nħarġet sejħa għal konservatur tal-injam sabiex jissostitwixxi lil dak preżenti peress li dan talab li jiġi ttrasferit.

Heritage Malta – sejħa għal wood conservator

Question

B'referenza għas-sejħa esterna li ħarġet Heritage Malta f'Mejju li għadda, jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji Heritage Malta ħa tagħżel il-wood conservator? Jista' wkoll jgħid għaliex ma ħarġitx sejħa interna kif soltu jsir? Jista' wkoll jikkonferma li kull min ħa jiġi ingaġġat, ħa jkun/tkun fully qualified conservator?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li fir-rigward tal-kriterji li fuqhom se jintagħżel il- wood conservator nirreferi lill-On. Interpellant għat-twegiba għall-mistoqsija parlamentari numru 16729. Ninsab infurmat li ma ħarġitx sejħa interna għaliex ħadd fi ħdan Heritage Malta ma jista’ jikkwalifika sabiex japplika għal dan ix-xoghol. Il-persuna li eventwalment tista’ tintagħzel se jkun konservatur ikkwalifikat.

Heritage Malta – sejħa għal wood conservator

Question

B'referenza għas-sejħa esterna (Wood Conservator) li ħarġet Heritage Malta f'Mejju li għadda, jista' l-Ministru jgħidilna għaliex l-eligibility criteria huma "A pertinent 1st degree in the respective area of research and operation, or an appropriate, recognized, comparable qualification, + 4 year relevant work experience 7 year relevant work experience", filwaqt li l-eligibility criteria ta' post għal-conservator - painting li ħarġet iktar kmieni din is-sena kellha eligibility criteria differenti, jiġifieri "Applicants must be in possession of a first degree in Conservation"?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li ‘A pertinent 1st degree in the respective area of research and operation’ u ‘Applicants must be in possession of a first degree in Conservation’ fil-prattika jfissru l-istess ħaġa. Tajjeb ukoll li wieħed iżomm f’moħħu li teknikament ħadd ma jista’ jkun ikkwalifikat bħala Wood Conservator mill-Universita ta’ Malta peress li dan il-kors speċifiku fil-konservazzjoni tal-injam qatt ma kien offrut.

Heritage Malta – sejħa għal wood conservator

Question

B'referenza għas-sejħa esterna (Wood Conservator) li ħarġet Heritage Malta f'Mejju li għadda, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, l-ismijiet tal-membri tal-bord tal-għażla kif ukoll il-marking scheme ta' kif ħa jiġu allokati l-marki?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Bord tal-Għażla għadu ma ġiex maħtur u hu l-Bord tal-Għażla li jagħmel din il-marking scheme.

Ir-Rabat Malta – toroq bla dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Pjazza ta' quddiem il-Knisja ta' San Pawl, fir-Rabat, u parti minn Triq San Pawl, ukoll fir-Rabat, Malta, ilhom mitfija għal dawn l-aħħar xhur, eżattament minn Diċembru 2014? X'qed isir biex titranġa s-sitwazzjoni immedjatament?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn il-lampi jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali.

Ir-Rabat Malta – manutenzjoni tad-dwal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex mhux qed issir manutenzjoni tad-dwal tal-ġnien f'Misraħ Patri Martin u Triq San Duminku fir-Rabat, Malta, fejn hemm bozoz li ilhom mitfija jew neqsin għal dawn l-aħħar xhur?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta plc ma kinitx infurmata b’dawn il-ħsarat. Issa li taf bihom qed issir il-manutenzjoni meħtieġa.

Ir-Rabat Malta – Casino tas-Saqqajja — restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq ir-restawr tal-bini tal-Casino fuq is-Saqqajja, ir-Rabat, Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Ir-Rabat Malta – Barrakka — restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq ir-restawr tal-Barrakka taħt is-Saqqajja, ir-Rabat, Malta, minn fejn jingħataw il-palji fit-tiġrijiet taż-żwiemel fi żmien l-Imnarja?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Heritage Malta – siti/mużewijiet bla security officers

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna kemm-il sit/mużew ta' Heritage Malta baqgħu bla security officers (avolja dawn ġew ordnati), minn Marzu tal 2015 sa issa? Jista' jghidilna wkoll kemm huwa l-ammont ta' penali li ngħata l-kuntrattur/i li naqqsu minn xogħolhom għad-detriment tal-istess Aġenzija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li minn Marzu s’issa kien hemm tmien okkazjonijiet meta uffiċjali tas-sigurtà ma rrapurtawx għax-xoghol. Għad li s’issa għadhom ma ġewx applikati penali, Heritage Malta tirriżerva d-dritt li tagħmel dan.