Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #6384 Sitting 147 2004-07-06 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Rabat — Roman Villa

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu previst li jitlesta x-xogħol fir-Roman Villa, ir-Rabat u x'sar sa llum?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fir-Roman Domus bdew fi Frar 2002 bl-intenzjoni li il bini jingħata tibjida. Iżda wara kien deċiż li l-proġett jikber biex jirrifletti studju aktar profound tas-sinifikat tas-sit. Ix-xogħlijiet li saru u għadhom għaddejjin huma: · it-tibjid minn ġewwa tal-post kollu; · bdil tal-madum ta’ l-art fis-sala ta’ fuq; · xogħol ta’ restawr fuq it-twieqi u l-bibien u xogħol ta’ bibien ġodda; · toilet ġdid għal nies bi htiġiet speċjali; · qed jiġi nstallat platform lift għal nies bi ħtiġiet speċjali; · sar uffiċċju ġdid għall-gwidi; · biex sar dan ix-xogħol, l-artefacts kollha tneħħew minn fuq is-sit u/jew ġew maħżuna f’post adattat. Dawn l-oġġetti qed isirilhom restawr intensive miċ-Ċentru Malti għar-Restawr; · inxtraw vetrini professjonali għas-sigurta` ta’ dawn l-oġġetti; · ġew installati sistemi ġodda ta’ elettriku, ilma u drenaġġ kif ukoll sistema ta’ intruder alarm u fire detection system; · sar studju għal raised flooring fis-swali t’isfel madwar il-mosaics antiki; · hemm ħsieb li ssir sistema ta’ ventilazzjoni fuq is-sit biex ikompli jgħin il-konservazzjoni tal-mosaics. Ċertu xogħol diġa` sar; · qed titfassal esibizzjoni ġdida li tħalli l-pubbliku japprezza u jifhem il-perjodu Ruman u dan bil-għajnuna ta’ interpretation panels; u · is-sit se jinkorpora wkoll ħanut biex ibiegħ oġġetti speċjalizzati lill-pubbliku. Is-sit mistenni li jinfetaħ għall-pubbliku għall-aħħar ta’ din is-sena wara li l-problema ta’ walkways għal nies bi ħtiġiet speċjali tiġi solvuta.

Rabat — Triq iż-Żebbuġ - vetturi abbandunati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jitneħħew tliet vetturi (żewġ vannijiet u karozza bla numru ta' identifikazzjoni) kollha fi Triq iż-Żebbuġ, Rabat u dan peress li l-istess vetturi ilhom abbandunati għal diversi xhur?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-vetturi msemmija tneħħew.

Baħrija — Tas-Sirena - asfaltar ta' triq

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq l-asfaltar tat-triq f'Tas-Sirena, il-Baħrija, Rabat, liema triq qiegħda fi stat ħażin ħafna tant li qed tikkawża ħsarat fl-inġenji tar-raba'?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi filwaqt li t-triq imsemmija ġiet inkluża fil-programm għal-asfaltar ta' toroq madwar Malta kollha, sabiex tkun tista' ssir aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet, l-Awtorita' ser tgħaddi din il-mistoqsija parlamentari lill-Kunsill Lokali tar-Rabat, ħalli f'każijiet ta' ħsarat estensivi dawn ikunu jistgħu jiġu rranġati kif meħtieġ.

Rabat — Triq Bir ir-Riebu, Sqaq Nru. 1 - bozza

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-bozza li tinsab f'252, Triq Bir ir-Riebu, Sqaq Nru. 1, ir-Rabat tiġi rranġata u dan għaliex il-kunsill lokali tal-lokal ilu jaf biha għal żmien konsiderevoli u s'issa għadha ma ġietx irranġata?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li din il-bozza ġiet devoluta lill-Kunsill Lokali. Għalhekk il-manutenzjoni tagħha hija ir-responsabbilita tal-Kunsill.

Rabat, Malta — Triq Santa Marija - dawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq Santa Marija, fir-Rabat, Malta tiġi mdawwla aħjar u dan għaliex fiha jgħixu 22 familja, hemm disgħa garaxxijiet u bozza waħda biss u minkejja li l-kunsill lokali jaf bil-problema, ilu żmien biex isolviha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-twaħħil ta' bozoz ġodda ġie devolut lill-Kunsilli Lokali u m'għadux resposabbilita ta' l-Enemalta.

Ħ'Attard — Triq Ferdinandu Inglott - asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq Ferdinandu Inglott (il-parti ġo Żebbuġ Road) f'Ħ'Attard tiġi asfaltata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għal-mistoqsija parlamentari numru 2540.

Ħ'Attard — Triq Ferdinandu Inglott - sinjali tat-traffiku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema hi r-raġuni li għalkemm hemm sinjali ċari tat-traffiku mwaħħlin fi Triq Ferdinandu Inglott, Ħ'Attard (triq li hija maqsuma f'żewġ biċċiet) dawn mhumiex qed jiġu obduti u qatt ma jkun hemm sorveljanza tal-pulizija jew wardens, u dan b'periklu konsiderevoli għal tfal żgħar ta' l-iskola li tinsab viċin tat-triq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kemm jista' jkun, il-Pulizija jattendu fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant fil-ħinijiet meta t-tfal jibdew u jispiċċaw l-iskola. Għal dak li jirrigwardja l-Gwardjani Lokali, bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill ikkonċernat.

Rabat — Telgħa tas-Saqqajja - għajn storika

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani sabiex l-għajn storika li hemm fit-Telgħa tas-Saqqajja r-Rabat tiġi restawrata?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-Kunsill Lokali tar-Rabat kien għamel applikazzjoni mal-MEPA għar-restawr ta' l-għajn. La darba jinħarġu l-permessi, dan ix-xogħol jiġi nklus fil-programm ta' restawr.