Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rabat — Triq Bir ir-Riebu

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol ta' kisi ta' Triq Bir ir-Riebu fir-Rabat, Malta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija hija nkluża fil-lista ta’ toroq li jridu jsiru mid-Direttorat. Ix-xogħol f’din it-triq isir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw fil-programm li qed jiġi mhejji.

Bioetika fit-teknoloġija riproduttiva

Question

Minħabba li jidher li leġislazzjoni komprensiva li tkopri l-bioetika fit-teknoloġija riproduttiva se tieħu ħafna żmien u peress li hawn min qed jinvesti flejjes kbar f'dan il-qasam u hawn oħrajn li jixtiequ jinvestu, il-gvern iħoss li għandha tiġi introdotta liġi b'urġenza li tippermetti, taħt sorveljanza jew regolamenti speċifiċi, li jsir fil-laboratorju dak li hemm kunsens ġenerali dwaru u dan filwaqt li ma jiġix permess li jsiru interventi jew esperimenti li sal-lum id-diskussjoni fuqhom hija kontoversjali jew mhux ċara?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma nħoss li hemm urġenza. Naħseb li jkun aktar għaqli li ssir diskussjoni matura bejn dawk kollha involuti għaliex din hi materja komplessa b'ħafna żvolti ta' natura etika u soċjali, sabiex naslu għal consensus dwar l-aħjar soluzzjoni li tgħodd fl-ambjent kulturali ta' pajjiżna.

Saħħa mentali — Dimentia

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'jista' isir fil-kamp tas-saħħa mentali għall-pazjenti li jbatu minn dementia, peress li dan l-aħħar l-ispiżjar ewlieni fi ħdan l-isptar Monte Carmeli informa lill-konsulenti psikjatri kollha permezz ta' ittra (fuq rakkmandazzjonijiet internazzjonali) li minn issa 'l quddiem it-typical u anke l-atypical antipsychotics ma jistgħux jintużaw bħala mediċini li jgħinu biex itaffu l-problema ta' imġieba ta' dawn il-pazjenti u dan għaliex instabu li jżidu serjament problemi ta' saħħa fiżika oħra? Peress li f'dan l-istadju l-unika mediċini li baqa' li jistgħu jintużaw huma l-acetylcholinestarase inhibitors jew l-NMDA receptor antagonists u peress li l-marda tad-dementia ma taqax taħt il-ħames skeda ta' l-Att dwar is-sigurta' soċjali u għaldaqstant dawn il-mediċini ma jistgħux jingħataw b'xejn fl-isptar, jista' il-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni minħabba li l-prezz ta' dawn il-mediċini hu għoli ħafna u ħafna nies fil-komunita' se jsibu diffikultajiet kbar biex jixtruhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-istatus ta' l-użu awtoriżżat ta' typical u atypical antipsychotics fis-saħħa mentali ma nbidilx f'Malta, u t-tobba għandhom dejjem jirreferu għas-sezzjoni 4.8 (Kontra-indikazzjonijiet) tal-Karatteristiċi tal-Prodott fil-Qosor (SmPC) awtoriżżat f'Malta qabel ma' jiktbu riċetti ta' prodotti mediċinali għas-saħħa mentali. L-Awtorita' dwar il-Mediċini qed tagħmel analiżi ulterjuri u jekk jkun hemm bżonn toħroġ stqarrija ta' kjarifika dwar l-użu u l-indikazzjonijiet liċenzjati tal-antipsychotics. Fil-preżent ma hemm ebda ħsieb li dimentia u l-kura farmaloġika tagħha tiżdied mal-mard taħt Skeda V tal-liġi dwar is-Sigurta' Soċjali.

Tobba Taljani

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li fin-nuqqas ta' liġi li tirregola t-teknoloġija fir-riproduzzjoni artifiċjali, tobba Taljani qed joperaw f'Malta u dawn qed jagħmlu interventi u esperimenti li huma pprojbiti fl-Italja?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Diviżjoni tas-Saħħa u l-Kunsill Mediku ma jafu bl-ebda tabib Taljan li qed jagħmel l-interventi msemmija mill-Onor. Interpellant. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi informazzjoni ta' din in-natura nitolbu jgħaddiehili biex tiġi investigata.

Dipartiment tas-saħħa — Tobba

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11710, jista' il-Ministru jgħid kemm-il tabib mill-grad ta' registrar 'il fuq ħalla l-impjieg tiegħu mal-gvern mis-sena 2000 sas-sena 2005?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-impjegati minn grad ta' Registrar 'l fuq li ħallew l-impieg mal-Gvern mis-sena 2000 sas-sena 2005 kienu tlieta u tletin.

Wied il-Qlejgħa — Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni fuq mistoqsijiet parlamentari 10801, 10276, 7932 u 9765, li fihom il-Ministru kien ta informazzjoni lil dan il-parlament li hu kien qed jistenna informazzjoni minn nies tad-dipartimenti konċernati?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Saret spezzjoni fit-triq imsemmija. Il-manutenzjoni ta’ din it-triq ġiet inkluża fil-program ta’ xogħlijiet li ser isir mid-Direttorat.

Brain drain fit-tobba

Question

Fl-isfond ta' dak li qed jingħad u jinkiteb fuq brain drain fit-tobba, jista' il-Ministru jgħid kemm-il tabib siefer biex jistudja barra mill-2000 sa l-2005, maqsumin sena b'sena, u fiex marru jispeċjalizzaw?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Brain drain fit-tobba

Question

Fl-isfond ta' dak li qed jingħad u jinkiteb fuq brain drain fit-tobba, jista' il-Ministru jgħid kemm-il tabib mill-grad ta' registrar 'il fuq ħalla l-impjieg tiegħu mal-gvern biex isiefer, mis-sena 2000 sas-sena 2005?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa u ta' l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita' ma jingħatawx raġunjiet meta mpjegati tagħhom, nklużi Registrars, iħallu l-impjieg tagħhom. Għaldaqstant, m'inix f'pożizzjoni li nwieġeb għal din il-Mistoqsija.

Dipartiment tas-saħħa — Impjegati fuq kuntratt

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar fuq l-impjegati li kienu fuq kuntratt mad-dipartiment tas-saħħa li skada din is-sena? Jista' jaqsam dawn l-impjegati skond il-grad tagħhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li r-rakkommandazzjonijiet tad-Diviżjoni tas-Saħħa biex il-kuntratti ta' l-impjegati li skadew din is-sena s'issa jiġġeddu qed jiġu pproċessati mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Dawn huma kif ġej: Maltin Adviser 1 Barranin Medical Physicist 1 Medical Officer 1 Enrolled Nurse 6 Il-kuntratti ta' l-ispeċjalisti barranin li skadew din is-sena u li ġew imġedda għal sena oħra huma : 14 Senior Registrars u Konsulent wieħed. Wara li skada l-kuntratt ta' speċjalista barranija fil-grad ta' konsulent, din l-istess speċjalista applikat għall-post ta' konsulent fuq bażi permanenti wara li ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Il-proċess ta' l-għażla għadu għaddej. Il-kuntratt ta' persuna fil-grad ta' Principal Medical Officer li skada din is-sena ma ġiex imġedded.

Wied il-Qlejgħa — Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni fuq mistoqsijiet parlamentari 10801, 10276, 7932 u 9765, li fihom il-Ministru kien ta informazzjoni lil dan il-parlament li hu kien qed jistenna informazzjoni minn nies tad-dipartimenti konċernati?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra

Imtarfa — Qlugħ/żbir ta' siġar

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba n-numru ta' siġar protetti ai termini ta' avviż legali 12/01 għall-protezzjoni ta' l-ambjent ġewwa l-Imtarfa f'sit biswit Dar il-Kaptan u Sisters' quarters ingħatax il-permess lil xi ħadd sabiex dawn jinqalgħu jew jinżabru? Jekk le, x'passi legali jistgħu jittieħdu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma saritilhiex talba sabiex is-siġar protetti skond l-Avviż Legali 12/2001 f'sit biswit Dar il-Kaptan u Sisters' Quarters ġewwa l-Imtarfa jinqalgħu jew jinżabru. Jirriżulta però li hemm permess ta' żvilupp numru PA 0216/00 maħruġ mill-Awtorità ta' l-Ippjanar fit-22 ta' Frar 2002 fuq is-sit in kwistjoni, liema permess għadu ma ġiex utilizzat sallum il-ġurnata. Għar-rigward ta' x'passi jistgħu jittieħdu, oltre li qed tissorvelja s-sit in kwistjoni, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) talbet lill-applikant sabiex qabel ma jutilizza l-permess ta' żvilupp relattiv jottjeni il-permessi neċessarji u jagħti t-tagħrif kollu meħtieġ dwar kif se jintlaqtu l-istess siġar protetti.

Impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni f'Malta u Għawdex li jiddikjaraw li jaqilgħu income ta' aktar minn Lm6,840 fis-sena? Jista' jgħid kemm minn dawn huma mpjegati jew self-employed? Jista' jaqsam il-persuni f'Malta u Għawdex li jiddikjaraw li jaqilgħu income ta' aktar minn Lm6,840 fis-sena bejn irġiel, irġiel miżżewġa, nisa, nisa miżżewġa u f'kategoriji ta' impjegati jew self-employed f'income brackets ta' differenza ta' Lm1,500 bejn kull bracket (i.e. Lm6,840-Lm7,000, Lm7,001-Lm8,500, Lm8,501-Lm10,000, eċċ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba tinsab fl-iskeda A annessa li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-istatistika mogħtija ma tinkludix dħul ġej minn imgħaxijiet, dividendi, xogħol part-time b’impjieg jew b’self employment u dħul ieħor li jkun ġie ntaxxat b’rata fissa jew li ma jkollux għalfejn ikun irrapportat fil-prospett annwali.

Wied il-Qlejgħa — Xogħlijiet

Question

B'riferenza għar-risposta tal-Ministru għall-mistoqsija parlamentari 9765, jista' il-Ministru jagħti tagħrif kif baqgħu l-affarijiet wara l-ispezzjoni tal-periti tad-direttorat?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Rabat — Triq Ħad Dingli - spralli

Question

Jista' il-Ministru jekk jogħġbu jieħu passi biex jekk hu ndikat isiru spralli fi Triq Dingli, fir-Rabat, Malta biex jgħinu fit-tmexxija ta' l-ilma tax-xita li joħloq inkonvenjent meta tagħmel ix-xita?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Din it-triq tagħmel parti min network ta' toroq Arterjali u distributorji. Għaldaqstant din it-triq se tifforma parti minn programm ta' rijabilitazzjoni li qed jiġi mhejji għal dawn it-toroq. Il-proposta magħmula tiġi eventwalment kunsidrata meta jkunu qed isiru it-thejjijiet u d-diżinji neċessarji għall-implimentazzjoni tax-xogħlijiet f'din it-triq.

Impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni f'Malta u Għawdex li jiddikjaraw li jaqilgħu income ta' aktar minn Lm6,840 fis-sena? Jista' jgħid kemm minn dawn huma mpjegati jew self-employed? Jista' jaqsam il-persuni f'Malta u Għawdex li jiddikjaraw li jaqilgħu income ta' aktar minn Lm6,840 fis-sena bejn irġiel, irġiel miżżewġa, nisa, nisa miżżewġa u f'kategoriji ta' impjegati jew self-employed f'income brackets ta' differenza ta' Lm1,500 bejn kull bracket (i.e. Lm6,840-Lm7,000, Lm7,001-Lm8,500, Lm8,501-Lm10,000, eċċ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Rabat — Triq Għeriexem

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk qatt xi darba saritx spezzjoni ta' Triq Għeriexem fir-Rabat peress li din tinsab f'xifer madwar żewġ sulari 'il fuq mill-għelieqi, barra li tinsab f'qagħda mħarbta jidher ukoll li m'għandhiex pedamenti sodi biżżejjed? Jekk le, jista' jikkonsidra li ssir tali spezzjoni?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Periti ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport se jagħmlu spezzjoni dettaljat biex naraw jekk it-triq imsemmija hux qed tfalli. Jekk jirriżulta hekk tiġi preparata stima dettaljata tax-xogħlijiet.

Rabat — Truq Rudolph Saliba - leakage ta' ilma

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir spezzjoni mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma għal-leakage ta' l-ilma li ilu ħiereġ għal ġimgħat fit-tarf ta' Triq Rudolph Saliba, kantuniera ma' Triq Ħal Bajjada fir-Rabat, liema leakage ilu jiġi rrappurtat minn nies ta' l-inħawi lill-kunsill u lill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma għal xi żmien?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma rċeviet ebda rapport fuq il-każ imsemmi qabel is-27 ta' Jannar 2005. Mill-ewwel investigazzjonijiet li saru dakinhar stess, ma irriżultax li kien hemm xi ilma ħiereġ, iżda biss li hemm roqgħa tarmac imxarrba. Il-KSI se tagħmel testijiet ta' detection biex jinstab is-sors ta' dan l-ilma. Ta' min jgħid ukoll li propju xi ġimgħatejn ilu, għadhom kif saru testijiet ta' rutina f'dik l-akkwata u ma rriżultax li kien hemm xi problemi ta' leakages.
Leg 10 PQ #10275 Sitting 229 2005-01-31 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Rabat — Domus Ruman

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li terġa' tinfetaħ għall-pubbliku id-Domus Ruman fir-Rabat?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-ftuħ uffiċjali tad-Domus Romana ser isir fis-26 ta' Frar 2005 mill-Prim Ministru. Is-sit ser imbagħad ikun miftuħ għall-pubbliku fis-27 ta Frar fid-9.00 am.